Illum l-aħbarijiet malajr jaslulna. Għandna ħafna tipi ta’ messaġġiera li jwasslulna dak li qiegħed jiġri; xi drabi, għandna wisq messaġġiera wkoll! Mhux faċli li tinduna min qiegħed iwassal il-messaġġ veru, u min qiegħed jinqeda bil-mezzi, biex iwassal il-messaġġ mgħawweġ tiegħu. Fi żmien Ġesù, ukoll kien hemm messaġġiera differenti, mhux daqs kemm għandna llum, iżda xorta kien hemm dawk li ppruvaw iwasslu messaġġi ħżiena. Ġwanni l-Battista kien messaġġier ewlieni li ħabbar lil Ġesù, li għen biex jipprepara lin-nies għat-tagħlim ta’ Ġesù.
Alla qatt ma jħallina waħedna, dejjem jibgħatilna messaġġiera. Huwa veru li xi drabi nistgħu insibuha diffiċli biex nagħrfu li xi messaġġ partikulari huwa ġej mingħand Alla, jew biex nifhmuh u nagħmlu dak li Alla jixtieq minna.
Il-bombardament ta’ aħbarijiet u eżempji ta’ kif għandna ngħixu, naħsbu u nġibu ruħna, jistgħu igerfxuna. Liema hu l-‘leħen jgħajjat fid-deżert’ għalina? X’aktarx mhux ser ikun messaġġier libes ‘libsa tax-xagħar tal-ġemel, u jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ’. Ta’ kuljum Alla jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu, ikellimna permezz tat-talb. Lil Ġwanni l-Battista nsibuh fis-saċerdoti u l-priedki tagħhom, fil-kelliema ta’ laqgħat u ta’ programmi ta’ tagħlim nisrani. Alla jwasslilna messaġġi anki permezz tal-mezzi soċjali, jew kelma ta’ tama mingħand il-ħbieb. Madakollu, fl-aħħar mill-aħħar, irridu nkunu aħna li nisimgħu u nilqgħu dak li qiegħed jgħidilna.
Fil-qari tal-lum, jissemmew il-kliem indiema u dnubiet. Li nindmu ma jfissirx biss li jiddispjaċina għal dak li għamilna ħażin. Meta nindmu, irridu ninbidlu. Ma nibqgħux nagħmlu dak il-ħażin li konna qegħdin nagħmlu. Xi drabi nsibu lilna nfusna nqerru dejjem l-istess dnubiet. Dan jiġri minħabba li l-qrar ma jkunx akkumpanjat ma’ ndiema, ma’ risoluzzjoni li ser nippruvaw b’sinċerità nieqfu nagħmlu dak id-dnub.