Il-kewkba

Epifanija tal-Mulej Sena B

Kemm ilna nisimgħu din il-ġrajja tat-tliet għorrief! Kbirna mal-istorja ta’ tliet rejiet, li imbagħad tgħallimna li ma kienux rejiet, kif inkantaw fl-innu, imma kienu maġi jew għorrief. Kienu nies li jistudjaw l-istilel. Ma nafux eżatt kemm kien hemm, il-Bibbja ssemmi tliet rigali, allura nassumu li kienu tlieta. Lanqas ma nafu eżatt minn liema pajjiż ġew. Nafu li ġew mill-bogħod u li ma kienux Lhud. Għalhekk, l-ewwel messaġġ tal-qari tal-lum hu li dawn in-nies għamlu sagrifiċċju biex għamlu l-vjaġġ, imma ma qatgħux qalbhom għax għalihom kien importanti li jaraw fejn ser iwassalhom l-istudju u tbassir tagħhom. U fl-aħħar isibu lil Ġesù.

Il-vjaġġ tagħna biex insibu lil Ġesù lanqas ma hu faċli. Fis-soċjetà li ngħixu fiha, nistgħu niltaqgħu ma’ min jiddieħek bina wkoll għax qed ngħixu ta’ nsara. Wara li sabu lil Ġesù, huma jmorru lura minn triq oħra. Aħna wkoll, meta niltaqgħu ma’ Ġesù, ninbidlu. Inbiddlu l-istil ta’ għejxien tagħna, inbiddlu t-triq li konna mexjin fiha.

L-Evanġelju tal-lum, ilaqqagħna ma’ tliet personaġġi prinċipali: l-għorrief, Erodi u l-qassisin il-kbar u kittieba. Aħna għandna l-għażla bħal min ser inġibu ruħna. Il-poter kien wisq għal qalb Erodi. Kellu biża’ kbira li xi ħadd jeħodlu postu. X’inhu dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna? Meta Erodi sema’ dwar Ġesù, irrabja u ħadha kontrih. Aħna ġieli nirrabjaw għal Ġesù? Nirrabjaw għax l-affarijiet ma ġewx kif tlabna? Nitolbu għall-fejqan ta’ xi ħadd li nħobbu u xorta jmut. Nitolbu għal soluzzjoni fir-relazzjonijiet tagħna u jibqgħu ma jissolvewx! Għalhekk nirrabjaw ma’ Alla u niddubitaw mill-preżenza u l-eżistenza tiegħu wkoll. Bħal Erodi niddeċiedu li Alla mhux ser ikun dak li jsaltan fuqna.

Imbagħad hemm il-qassisin il-kbar u l-kittieba. Dawn jidhru li kienu għorrief daqs dawk li ġew minn vjaġġ il-bogħod. Madanakollu ma tantx jidhru li ħabblu moħħhom. Jista’ jkun li għalkemm nemmnu f’Alla, f’Ġesù li ġie biex isalvana, fl-istess ħin il-ħajja nisranija tagħna qisha għaddejja minn apatija kbira! Ngħixu b’indifferenza kbira għal dawk li huma l-valuri nsara. Immorru għall-quddies nhar ta’ Ħadd, forsi xi qrara ’l hawn u ’l hemm u daqshekk biżżejjed.

B’kuntrast, nistgħu nagħżlu li nkunu bħal dawn it-tliet għorrief. Il-vjaġġ li għamlu ma kienx wieħed qasir, lanqas faċli, jista’ jkun li ltaqgħu ma’ perikli wkoll. Imma għax kienu jafu li dak li telqu biex ifittxu kien importanti, ma qatgħux qalbhom. Ma setgħux iwieġbu l-mistoqsijiet li kellhom meta raw l-istilla. Minn fejn kienu, riedu bil-fors jiċċaqilqu. Aħna xi drabi nsibu lilna nfusna komdi fis-sitwazzjonijiet li nkunu u ma nkunux irridu niċċaqilqu. Il-ħajja nisranija hija vjaġġ, li twassalna għand Ġesù. Ma toffrix lok li nniżżlu l-ankri u nieqfu. Il-Knisja u l-għajnuniet li toffri, flimkien mal-Bibbja, huma l-istilla tagħna li jwassluna biex niltaqgħu ma’ Ġesù. Li niltaqgħu miegħu biss mhux biżżejjed. Il-maġi għarfuh ta’ dak li kien: Sultan, Messija, Feddej. Kien hemm min jemmen li l-Messija kellu jsalva lil-Lhud biss. B’din il-ġrajja, Alla jurina li s-salvazzjoni hija għal kulħadd. Meta niltaqgħu ma’ Ġesù, ninbidlu, hu jkun l-istilla li tmexxina. Hu ma jwegħdniex li ser tkun għażla faċli, iwiegħed biss li ser ikun magħna dejjem.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 2, 1-12)

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Min huma, jew x’inhuma l-istilel fil-ħajja tiegħek? Il-fejn, jew għand min qegħdin iwassluk?
  4. Bħalissa lil min qed tixbaħ l-aktar? Lil Erodi, lill-qassisin il-kbar jew lill-għorrief? Jekk mhux lill-għorrief, x’tista’ tagħmel?
  5. Bħala ġenitur, Ġesù jixtieq li inti tkun stilla għal uliedek. Kif qed tagħmel dan?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (2, 1-12);
    ii. Il-presepju jew Ġesù Bambin fil-maxtura
    iii. Xemgħa
    iv. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Fl-Evanġelju tal-lum ser niltaqgħu mal-Maġi. Dawn kienu nies li kienu jistudjaw is-sema u l-istilel. Huma kienu jemmnu li l-istilel kienu jgħidu stejjer ta’ dak li ser jiġri. Darba raw stilla differenti u ddeċidew li jaraw fejn setgħet twassalhom din l-istilla, kienu żguri li kienet ser tiġri xi ħaġa kbira u importanti ħafna.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.
  • Kif it-tliet għorrief waslu ħdejn Ġesù bl-għajnuna tal-istilel; lilna Alla jibgħatilna nies biex jgħinuna naslu għand Ġesù wkoll
  • Aħna wkoll nistgħu nagħtu rigali lil Ġesù
  • Kopji tal-istilel, araw kif ser jintużaw biex taslu għan-numru ta’ stilel li għandkom bżonn
  • Pasturi tat-tliet maġi
  • Bambin Ġesù jew presepju

Intom irċevejtu rigali dan il-Milied? Ħadtu gost bihom? Illum smajna li anke Ġesù, irċieva rigali. Tiftakru x’kienu? (Deheb, inċens u mirra)

Taħsbu li dawn kienu rigali li xi ħadd għandu jagħti lil tarbija? Għalfejn?

Dawn ma kienux rigali li soltu nagħtu lit-trabi, imma din it-tarbija kienet speċjali ħafna. Din it-tarbija kienet Ġesù. U r-rigali wkoll kienu speċjali. Il-maġi taw dawn ir-rigali għax kienu jfissru xi ħaġa, kienu juru min kien Ġesù. Id-deheb kien juri li Ġesù hu sultan, l-inċens kien juri li Ġesù kien il-Messija, l-Iben ta’ Alla, u l-mirra, kienet turi li Ġesù kien ser imut biex isalva lill-bnedmin kollha.

Anke aħna nistgħu nagħtuh rigal lil Ġesù. Lil Ġesù mhux ser nagħtuh xi rigali bħalma rċevejna aħna u ħadna gost bihom. Ir-rigal li Ġesù jieħu gost bih huwa meta nħobbu lilu u nħobbu lill-oħrajn. 

X’rigal tista’ tagħti lil Ġesù illum? (nagħtu ċans lit-tfal jagħtu eżempji)

Smajtu kif dawn il-maġi waslu ħdejn Ġesù bl-għajnuna ta’ stilla? Intom tafu li Alla lilna jibgħatilna nies qishom din l-istilla. Dawn in-nies jgħinuna biex insiru nafu lil Ġesù aktar. Jibgħatilna lill-ġenituri tagħna. Meta konna għandna babies għammduna biex insiru parti mill-familja ta’ Alla, huma jieħdu ħsiebna u jħobbuna, jitolbu magħna, imorru magħhom il-knisja, jaqrawlna stejjer mill-Bibbja, juruna kif inkunu tfal bravi. Anke n-nanniet ikellmuna dwar Ġesù. Imbagħad hemm l-għalliema u l-katekisti, kif ukoll is-saċerdoti. Hemm xi ħadd ieħor li lilek ikellmek dwar Ġesù?

Intom taħsbu li l-maġi sabuha faċli li jaslu ħdejn Ġesù? 

Ma tantx kienet faċli, kienet triq twila u jista’ jkun li ntilfu wkoll. U x’aktarx mhux lil Erodi biss staqsew għall-għajnuna. Aħna wkoll xi kultant insibuha diffiċli biex nimxu wara Ġesù, imma dawn in-nies li semmejna, jgħinnuna biex insibu t-triq għal għand Ġesù.

Tridu mmorru nsibu lil Ġesù kif għamlu l-maġi?

Qabel ma tibda l-attività il-ġenituri jqassam l-istilel madwar id-dar. Jużaw il-vleġġa biex l-stilla turi d-direzzjoni ta’ fejn qegħda l-istilla ta’ wara. L-aħħar stilla tkun tipponta lejn il-presepju jew il-Bambin Ġesù.

Żommu l-pasturi tat-tliet maġi u sibu l-ewwel stilla, din ser turikom fejn tridu tmorru biex isibu t-tieni waħda, ibqgħu fittxu l-istilel sakemm taslu sal-aħħar waħda.

Waqt din it-tfittxija kantaw: We three kings.

Irroddu s-salib.

Ġesù, aħna mxejna mal-istilel u sibnik. Grazzi tal-ġenituri tagħna, tan-nanniet u ta’ dawk kollha li jgħallmuna dwarek u juruna kif inħobbuk. Ġesù, illum irridu nitolbu għal dawk it-tfal li għadhom ma jafux li inti tħobbhom. Ġesù, ibgħatilhom nies biex ikunu bħall-istilla tal-maġi li juruhom li inti tħobbhom u trid tgħinhom. Grazzi Ġesù, aħna nħobbuk.

Meta nies għorrief li kienu jgħixu ’l bogħod minn Betlehem raw stilla ġdida u differenti, indunaw li xi ħaġa kbira kienet ser tiġri. Skont l-istudji tagħhom l-istilla wriet it-twelid ta’ mexxej kbir u qawwi. U jmorru jfittxuh. Ma kienux jafu kemm ser idumu, ma kienux jafu fejn ser jaslu, kienu jafu biss, li riedu jmorru u jaraw għand min kienet ser twassalhom l-istilla.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

  • Alla jieħu ħsiebna kif ħa ħsieb lil Ġesù tarbija 
  • Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lil kulħadd
  • Kif it-tliet għorrief waslu ħdejn Ġesù bl-għajnuna tal-istilel, lilna Alla jibgħatilna nies biex jgħinuna naslu għand Ġesù wkoll
  • Karti jew kartonċina minn fejn jistgħu jinqatgħu forom ta’ stilel
  • Kuluri u dekorazzjonijiet għall-istilel
  • Lapes

Il-festa tal-lum insejħula l-Epifanija tal-Mulej. Il-kelma epifanija tfisser wirja jew sejba ta’ xi ħaġa li qabel ma kinitx tidher. F’dik it-tarbija ċkejkna, it-tliet għorrief isibu lill-Messija, is-Salvatur tad-dinja. U dan juruh permezz tar-rigali li jagħtuh. Id-deheb juri li għarfuh bħala sultan, l-inċens li jintuża b’sinjal ta’ qima lejn Alla juri li huma għarfuh bħala l-Messija. Il-mirra, kienet il-fwieħa użata fid-difna. Din turi li Ġesù kien ser imut biex isalva lill-bnedmin. Għalhekk huma għarfuh bħala Salvatur.

Kieku l-għorrief baqgħu komdi d-dar ma kienux jiltaqgħu ma’ Ġesù u ma kienux isibu lill-Messija. Jekk aħna ma nagħtux kas, ma nindunawx li Alla qiegħed ikellimna u jurina li hu qiegħed hemm ħdejna u li qed jieħu ħsiebna. Bl-istess mod, kif permezz ta’ ħolma, Alla ħa ħsieb lit-tarbija Ġesù, u wassal il-messaġġ tiegħu lil dawk l-għorrief, hekk ukoll, per eżempju jinqeda bl-imħabba ta’ dawk ta’ madwarna, tal-ġenituri, in-nanniet u l-ħbieb biex iwassal l-imħabba tiegħu lilna. Alla jibgħat nies biex jgħinuna, biex jieħdu ħsiebna, biex jgħallmuna, nies biex jagħmluna ferħana. Alla jkellimna u jurina min hu wkoll, permezz tal-Bibbja. 

Lil Ġesù, il-maġi tawh ir-rigali. Aħna wkoll nistgħu nagħtuh rigali lil Ġesù. U Ġesù jieħu gost ħafna bihom. Ġesù jixtieq li nagħtuh qalbna, jiġifieri li  nħobbuh, jixtieq li nkunu ħbieb ma’ kulħadd, li ngħinu lill-oħrajn, li nferrħu lill-oħrajn, li naħfru u nħobbu, li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn.

Il-maġi wżaw l-istilla biex jaslu għand Ġesù. Illum, biex naslu xi mkien, nużaw il-GPS jew xi mappa, imma dak iż-żmien dawn l-affarijiet ma kienux jeżistu! Biex naslu għand Ġesù, ma nistgħux nużaw il-GPS u lanqas mappa. Bħall-maġi rridu l-għajnuna. Din l-għajnuna nsibuha f’dawk in-nies bħall-ġenituri, saċerdoti, għalliema u katekisti, li jkellmuna dwar Ġesù. 

Aqtgħu forom ta’ stilel u fuqhom iktbu l-ismijiet tal-persuni li jgħinukom issiru tafu lil Ġesù. Fuq kull stilla, iktbu isem. Tistgħu tiddekkoraw dawn l-istilel, imbagħad meta tkunu lesti, poġġu dawn l-istilel madwar il-maxtura ta’ Ġesù. Kuljum ħarsu lejn dawn l-istilel u għidu grazzi lil Ġesù ta’ dawn in-nies u itolbu għalihom. 

Waqt li qegħdin tagħmlu l-istilel isimgħu We are following the star.

Aħna ser nagħmlu bħal dawn il-maġi, nibqgħu nfittxu lil Ġesù, ser inħallu lill-‘istilel’ iwassluna għandu?

Irroddu s-salib.

Grazzi Ġesù li inti twelidt u sirt bniedem bħalna. Grazzi tan-nies li inti tibgħatilna biex insiru nafuk aktar. Aħna nixtiequ nsiru bħalek. Grazzi ta’ (kulħadd isemmi isem milli kiteb fuq l-istilla), nitolbuk li tbierku/tberikha u tieħu ħsiebu/ħsiebha.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.