Kemm ilna nisimgħu din il-ġrajja tat-tliet għorrief! Kbirna mal-istorja ta’ tliet rejiet, li imbagħad tgħallimna li ma kienux rejiet, kif inkantaw fl-innu, imma kienu maġi jew għorrief. Kienu nies li jistudjaw l-istilel. Ma nafux eżatt kemm kien hemm, il-Bibbja ssemmi tliet rigali, allura nassumu li kienu tlieta. Lanqas ma nafu eżatt minn liema pajjiż ġew. Nafu li ġew mill-bogħod u li ma kienux Lhud. Għalhekk, l-ewwel messaġġ tal-qari tal-lum hu li dawn in-nies għamlu sagrifiċċju biex għamlu l-vjaġġ, imma ma qatgħux qalbhom għax għalihom kien importanti li jaraw fejn ser iwassalhom l-istudju u tbassir tagħhom. U fl-aħħar isibu lil Ġesù.
Il-vjaġġ tagħna biex insibu lil Ġesù lanqas ma hu faċli. Fis-soċjetà li ngħixu fiha, nistgħu niltaqgħu ma’ min jiddieħek bina wkoll għax qed ngħixu ta’ nsara. Wara li sabu lil Ġesù, huma jmorru lura minn triq oħra. Aħna wkoll, meta niltaqgħu ma’ Ġesù, ninbidlu. Inbiddlu l-istil ta’ għejxien tagħna, inbiddlu t-triq li konna mexjin fiha.
L-Evanġelju tal-lum, ilaqqagħna ma’ tliet personaġġi prinċipali: l-għorrief, Erodi u l-qassisin il-kbar u kittieba. Aħna għandna l-għażla bħal min ser inġibu ruħna. Il-poter kien wisq għal qalb Erodi. Kellu biża’ kbira li xi ħadd jeħodlu postu. X’inhu dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna? Meta Erodi sema’ dwar Ġesù, irrabja u ħadha kontrih. Aħna ġieli nirrabjaw għal Ġesù? Nirrabjaw għax l-affarijiet ma ġewx kif tlabna? Nitolbu għall-fejqan ta’ xi ħadd li nħobbu u xorta jmut. Nitolbu għal soluzzjoni fir-relazzjonijiet tagħna u jibqgħu ma jissolvewx! Għalhekk nirrabjaw ma’ Alla u niddubitaw mill-preżenza u l-eżistenza tiegħu wkoll. Bħal Erodi niddeċiedu li Alla mhux ser ikun dak li jsaltan fuqna.
Imbagħad hemm il-qassisin il-kbar u l-kittieba. Dawn jidhru li kienu għorrief daqs dawk li ġew minn vjaġġ il-bogħod. Madanakollu ma tantx jidhru li ħabblu moħħhom. Jista’ jkun li għalkemm nemmnu f’Alla, f’Ġesù li ġie biex isalvana, fl-istess ħin il-ħajja nisranija tagħna qisha għaddejja minn apatija kbira! Ngħixu b’indifferenza kbira għal dawk li huma l-valuri nsara. Immorru għall-quddies nhar ta’ Ħadd, forsi xi qrara ’l hawn u ’l hemm u daqshekk biżżejjed.
B’kuntrast, nistgħu nagħżlu li nkunu bħal dawn it-tliet għorrief. Il-vjaġġ li għamlu ma kienx wieħed qasir, lanqas faċli, jista’ jkun li ltaqgħu ma’ perikli wkoll. Imma għax kienu jafu li dak li telqu biex ifittxu kien importanti, ma qatgħux qalbhom. Ma setgħux iwieġbu l-mistoqsijiet li kellhom meta raw l-istilla. Minn fejn kienu, riedu bil-fors jiċċaqilqu. Aħna xi drabi nsibu lilna nfusna komdi fis-sitwazzjonijiet li nkunu u ma nkunux irridu niċċaqilqu. Il-ħajja nisranija hija vjaġġ, li twassalna għand Ġesù. Ma toffrix lok li nniżżlu l-ankri u nieqfu. Il-Knisja u l-għajnuniet li toffri, flimkien mal-Bibbja, huma l-istilla tagħna li jwassluna biex niltaqgħu ma’ Ġesù. Li niltaqgħu miegħu biss mhux biżżejjed. Il-maġi għarfuh ta’ dak li kien: Sultan, Messija, Feddej. Kien hemm min jemmen li l-Messija kellu jsalva lil-Lhud biss. B’din il-ġrajja, Alla jurina li s-salvazzjoni hija għal kulħadd. Meta niltaqgħu ma’ Ġesù, ninbidlu, hu jkun l-istilla li tmexxina. Hu ma jwegħdniex li ser tkun għażla faċli, iwiegħed biss li ser ikun magħna dejjem.