Il-Ħaruf ta’ Alla

It-2 Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Issa bdejna ż-żmien li nsejħulu ‘Ordinarju’ jew ‘ta’ matul is-sena’. Dan iż-żmien maqsum fi tnejn. L-ewwel parti hija dawk il-ġimgħat bejn Żmien il-Milied u r-Randan, imbagħad it-tieni parti tibda wara Żmien il-Għid u twassalna sal-Avvent. F’dawn il-ġimgħat nisimgħu aktar dwar il-ħajja ta’ Ġesù u nitgħallmu kif nistgħu nsiru dixxipli tiegħu. Dan hu fejn aħna nistgħu nsejħulu ordinarju, għax irridu ngħixu bħal Ġesù fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Huwa żmien li jgħinna nimmaturaw fil-fidi tagħna.

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar l-ewwel nies li laqgħu s-sejħa ta’ Ġesù u marru warajh. Iddeċidew li jmorru wara Ġesù, minħabba li kienu diġà semgħu dwaru mingħand Ġwanni l-Battista. Naraw kif wieħed minnhom, ma kienx kuntent li jmur hu biss wara Ġesù, iżda sejjaħ lil ħuħ biex hu wkoll jimxi wara l-imgħallem. Hekk tagħmlu intom il-ġenituri. L-ewwel sirtu tafu dwar Ġesù mingħand il-ġenituri tagħkom u oħrajn. Meta sirtu ġenituri, ridtu lit-tfal ukoll isiru jafu lil Ġesù u jimxu warajh. Għalhekk ressaqtu lil uliedkom biex jitgħammdu u issa tkellmu lit-tfal dwar Ġesù, titolbu magħhom u għalihom, tibgħatuhom għal-laqgħat ta’ katekeżi, tagħmlu l-almu tagħkom biex tkunu xhieda tajba għalihom.

L-Evanġelju tal-lum jispiċċa meta Ġesù jibdel isem Xmun. Fi Xmun, Ġesù jara l-bniedem li dan ir-raġel seta’ jsir. Ġesù għaraf fi Xmun il-kuraġġ li kellu moħbi fih, għalkemm dak iż-żmien Xmun kien għadu beżżiegħ, kif naraw meta jittradixxi lil Ġesù. Xmun jittraddixxi lil Ġesù għax beża għal ġildu; imma meta għaraf dak li għamel, iddispjaċih u aktar tard sar dak li Ġesù kien ra fih meta biddillu ismu f’Pietru – blata. Hu jsir sod fit-twemmin tiegħu, xhud sal-aħħar, tant li jmut biex ma jerġax jittraddixxi lil Ġesù. Għalhekk meta Ġesù biddillu ismu, Ġesù ma kienx qiegħed jara lil Xmun kif kien dakinhar, imma kif seta’ jsir, ġaladarba jħalli r-rieda ta’ Alla sseħħ fih. Pietru vera kien blata fuq xhiex bdiet tinbena l-Knisja ta’ Ġesù, li għadha b’saħħitha llum. 

Meta Ġesù jħares lejna, jara dak li nistgħu nsiru, jekk bħal Pietru nħallu r-rieda ta’ Alla taħdem fina. Aħna nistgħu nagħżlu triq oħra, u dak li qiegħed jara Ġesù, tibqa’ biss il-ħolma tiegħu. 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 1, 35-42) 

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-aktar parti li laqtitek? Għaliex?
  3. Ir-riklami tajbin iżda aħna nkunu aktar konvinti minn prodott, meta xi ħadd li użah jgħidilna li ħareġ sodisfatt. Ġesù mhux prodott, imma bl-istess mod, aħna nitħajru nsiru nafu aktar lil Ġesù, meta naraw il-paċi u l-ferħ ta’ dawk li qed jimxu warajh. Bħala ġenituri, kemm qed tħajru lit-tfal isiru jafu lil Ġesù?
  4. Xmun inbidel f’Pietru għax mexa wara Ġesù u għex bil-mod li xtaq Ġesù. Kemm qed tħalli lil Ġesù jmexxik?
  5. Lil Ġesù, Ġwanni jsejjaħlu ‘l-Ħaruf ta’ Alla.’ Bil-qalb irrepeti t-talba: 
    Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalija
    Ħaruf ta’ Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, agħtini l-paċi
    .
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (1, 35-42);
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Ġesù kiber u ma baqax jgħix mal-Madonna u San Ġużepp. Ried li jibda jgħid lin-nies kemm iħobbhom Alla. Ma riedx jagħmel dan waħdu, għalhekk beda jagħmel ħbieb ma’ oħrajn biex flimkien ikunu jistgħu jgħallmu lin-nies. Illum ser naraw lil Ġesù jiltaqa’ mal-ewwel ħbieb tiegħu.

  • Ġesù jħobbna ħafna
  • Ġesù jrid li aħna nkunu ħbieb tiegħu
  • Ġesù jrid li nimxu warajh
  • Kopji tal-printouts tal-attività
  • Kuluri
  • Lapes

Tfal, meta intom tiltaqgħu ma’ xi ħadd li tħobbu u forsi tkunu ilkom ftit ma tarawhom, x’tagħmlu? 
Tmorru tiġru fuqhom?
Tgħannquhom?

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġwanni l-Battista jiltaqa’ ma’ Ġesù. Kien ferħan ħafna li ltaqa’ miegħu. Ma marx jiġri fuqu u lanqas ma mar jgħannqu! Lanqas ma’ qal “Ara Ġesù!”, minflok qal “Ara l-Ħaruf ta’ Alla!” Taħsbu li kien mod stramb kif sellem lil Ġesù?

X’aktarx in-nies ħarsu madwarhom ħa jaraw min kien wasal!
Min kien dan il-Ħaruf ta’ Alla?
Taħsbu li n-nies fehmuh lil Ġwanni?

Meta Ġwanni, ddeskriva lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla ried iwassal messaġġ. Jista’ jkun li kien hemm min ħabbel moħħu u lil Ġwanni fehmu. Ħa nippruvaw nifhmuh aħna wkoll.

F’dawk iż-żminijiet in-nies kienu joffru ħaruf bħala sagrifiċċju lil Alla. N-nies kienu joqtlu ħaruf fit-Tempju u jitolbu lil Alla jaħfrilhom ta’ dak li għamlu ħażin. Ħadd minna ma jieħu gost jara ħaruf imut, hux hekk? Il-ħaruf annimal ħelu u sabiħ. Niddejqu naraw dan l-annimal ħelu jinqatel. 

Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, aħna wkoll ma nkunux ferħana. Meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, inkunu mdejqa. Mela, meta kienu joqtlu ħaruf, in-nies kienu qegħdin juru li kienu mdejqa li għamlu xi ħaġa ħażina u li Alla ma ħax ġost biha. Il-ħaruf miskin qatt ma kien għamel xejn ħażin, u meta joqtluh, kien ikun qisu qiegħed jieħu l-kastig li suppost ħadu n-nies. 

Ġwanni kien ilu jkellem lin-nies dwar Ġesù. Kien qalilhom ħafna drabi li Ġesù kien sejjer isalva lil kulħadd. Mela Ġwanni kellu raġun li jqabbel lil Ġesù ma’ ħaruf. Bħal ħaruf, Ġesù qatt ma għamel xejn ħażin. Ġesù miet fuq is-salib għaliex iħobbna u għaliex ried isalvana. Mela bħal ħaruf, Ġesù miet, u ħa l-punishment li suppost nieħdu aħna meta nagħmlu xi ħaġa ħażina. Kemm iħobbna Ġesù! Ġesù veru ħabib tagħna.

Kien hemm xi nies li kienu ħbieb ta’ Ġwanni. Kienu joqgħodu attenti ħafna meta Ġwanni kien ikellimhom dwar Ġesù. Huma xtaqu jsiru ħbieb ta’ Ġesù. Wieħed minn dawn kien jismu Indrì. Għalhekk meta Ġwanni urihom min kien Ġesù, riedu jmorru jiltaqgħu miegħu u jsiru ħbieb tiegħu.

Ġesù, kien ferħan ħafna li dawn in-nies riedu jkunu ħbieb tiegħu. U meta staqsewh fejn sejjer, qalilhom imorru miegħu. Tant ħadu gost ma’ Ġesù, li mal-ewwel bdew imorru jgħidu lill-oħrajn imorru magħhom u ma’ Ġesù. Indrì, l-ewwel li mar jgħid, kien lil ħuħ Xmun. 

Intom tridu tkunu ħbieb ta’ Ġesù?

Aħna nafu li biex inkunu ħbieb ta’ Ġesù, irridu nagħmlu dak li jixtieq hu. Meta ma nagħmlux dak li jixtieq hu, inkunu qisna qed ngħidulu, “Ġesù, illum ma rridx inkun ħabib miegħek.” Ġesù jiddejjaq meta nagħmlu hekk, hu jħobbna ħafna, għalhekk jibqa’ jistenniena biex nerġgħu ngħidulu li rridu nerġgħu nkunu ħbieb miegħu.

Ġesù jixtieq li aħna kollha, żgħar u kbar, inkunu ħbieb tiegħu. X’ser nagħmlu din il-ġimgħa biex nuru li aħna ħbieb ta’ Ġesù?

Nota lill-ġenituri: Ippreparaw printout tal-footprints. Hemm footprints żgħar u oħra kbira. Iż-żgħar qegħdin għal min ser jikteb (din l-attività tinkludi lill-ġenituri wkoll), il-kbira għat-tfal li jippreferu jpinġu.

Fil-footprint ser inpinġu jew niktbu dak li ser nagħmlu biex nuru li aħna ħbieb ta’ Ġesù. Hemm printout oħra, bil-kliem: Aħna rridu nimxu wara Ġesù. Din agħtuha l-kulur ukoll.

Meta kulħadd lest, jitkellem dwar dak li pinġa jew kiteb. Dawn il-forom tas-saqajn u l-kliem Aħna rridu nimxu wara Ġesù, jitwaħħlu mal-fridge, biex din il-ġimgħa kulħadd jiftakar x’wiegħed li ser jagħmel.

Irroddu s-salib.

Grazzi Ġesù li inti ħabib tagħna u trid li aħna wkoll inkunu ħbieb tiegħek u nimxu warajk. Din il-ġimgħa nwegħduk li ser (kulħadd isemmi dak li pinġa jew kiteb). Għinna biex niftakru dak li wegħdna. Ġesù, aħna nħobbuk.

Inkantaw, Come follow me.

Fl-Evanġelju tal-lum ser naraw kif Ġesù beda jsejjaħ lill-appostli. L-ewwel tnejn li marru warajh, kienu diġà dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. L-ewwel li semgħu dwar Ġesù, kien mingħand Ġwanni, u meta raw lil Ġesù, xtaqu jsiru jafuh aktar.

  • Alla jibgħatilna nies biex ikellmuna dwar Ġesù
  • Ġesù jistedinna biex nimxu warajh
  • Ritratt tagħkom
  • Printout tal-attività

Fi żmien Ġesù, kien hemm id-drawwa li nies kienu jitgħallmu minn oħrajn. Kienu jagħżlu lil min xtaqu jkun l-għalliem tagħhom u jmorru jisimgħuh jitkellem, biex jitgħallmu minnu. Dawn l-għalliema kienu jissejjħu Rabbi. Minn dak li semgħu dwar Ġesù, Indrì u l-ħabib tiegħu, iddeċidew li xtaqu lil Ġesù jkun ir-Rabbi tagħhom. Mal-ewwel, Indrì induna li Ġesù kien għalliem speċjali u mar jgħid lil ħuħ biex imur magħhom ukoll.

Aħna wkoll ma konniex nafu dwar Ġesù. Min kien li l-ewwel kellimkom dwar Ġesù?

Illum min ikellimkom dwar Ġesù?

Bħal dawn l-ewwel ħbieb ta’ Ġesù, aħna wkoll jiġrielna hekk. Aktar ma nisimgħu dwaru, aktar insiru nafuh u aktar inkunu rridu nagħmlu dak li jixtieq hu. Għalhekk naqraw il-Bibbja, u mmorru l-quddies, u mmorru għal-laqgħat mal-katekisti, biex insiru nafu lil Ġesù aħjar. Lilna wkoll Ġesù jistedinna mmorru warajh. Aktar ma nsiru nafu lil Ġesù, aktar inkunu rridu nimxu warajh. Aħna ma nistgħux naraw lil Ġesù, kif rawh Indrì u l-ħbieb tiegħu. Meta ngħidu nimxu wara Ġesù, ifisser li nagħmlu dak li jixtieq hu. Indrì ma kienx waħdu ma’ Ġesù, imma ma’ oħrajn. Lanqas aħna ma aħna waħedna. Flimkien, aħna, li  nixtiequ nagħmlu dak li jrid Ġesù, nissejħu l-Knisja. U bħala ħbieb ta’ Ġesù, kollha ngħinu lil xulxin u nħobbu lil xulxin.

Tiftakru x’kien jismu ħu Indrì? (Xmun)

X’għamel Ġesù? (biddilu ismu)

X’isem tah Ġesù? (Kefa / Pietru)

X’kien ifisser dan l-isem? (blata)

Lil Xmun, Ġesù jagħtih isem ta’ xi ħadd li kellu s-saħħa, li kien sod. Ma sejjaħlux ġebla jew ċagħqa, imma blata. Ġesù seta’ jara li Pietru kellu l-kwalitajiet ta’ mexxej. Ġesù kien jaf li hu ma setax jibqa’ ma’ dawn il-ħbieb tiegħu għal dejjem. Ġesù ried li jgħallem lil dawn in-nies, biex huma jkunu jistgħu jgħallmu oħrajn. F’Pietru seta’ jara dawn il-kwalitajiet sbieħ. X’aktarx lanqas Pietru, dak il-ħin ma kien jaf li hu seta’ jkun dak li ried Ġesù. Imma wara li għex ma’ Ġesù u tgħallem minnu, huwa sar dak ir-raġel li jħobb lil Alla, raġel li ried jgħallem lill-oħrajn dwar Ġesù, raġel li ma beżax imut għal Ġesù.

Nota lill-ġenituri: għall-mistoqsijiet li ġejjin ħallu l-ħin biex it-tfal jidħlu fl-atmosfera. Agħtu ċans lit-tfal jaħsbu bejn mistoqsija u oħra. Importanti li ma jkunx hemm distrazzjonijiet, jekk jitbaxxa d-dawl jew jitnaqqas id-dawl fil-kamra, ikun ta’ għajnuna. Tistgħu tpoġġu mużika baxxa fl-isfond. Agħmluha replay biex tibqa’ għaddejja kemm hemm bżonn. Dan mhux eżerċizzu għat-tfal biss, imma għall-familja kollha.

Ejjew nagħlqu għajnejna. Nimmaġinaw lil Ġesù ħdejna. Ġesù  jafna sew. Ġesù qiegħed iħares lejna u qiegħed jara dak li hemm f’moħħna u f’qalbna. Ġesù qiegħed jara dawk l-affarijiet kollha tajba li aħna nafu nagħmlu. Qiegħed jara anke dawk l-affarijiet tajba li għadna ma nafux li qegħdin għandna.

  • X’qiegħed jgħidlek Ġesù?
  • X’inhuma dawk il-kwalitajiet li qiegħed jara Ġesù?
  • X’inhuma dawk il-kwalitajiet sbieħ li inti tixtieq li jkollok?
  • Ġesù, qiegħed jgħannqek miegħu u jsejjaħek b’isem ġdid. X’inhu dan l-isem?
  • Jogħġbok dan l-isem?

Għidlu grazzi lil Ġesù u għidlu li tħobbu. Ġesù, jgħidlek li jħobbok ħafna wkoll.

Ibqa’ ftit ħin ieħor flimkien ma’ Ġesù u mbagħad iftaħ għajnejk.

Issa li ħallejna lil Ġesù jkellimna, nistgħu nagħmlu l-attività ta’ din il-ġimgħa. Fuq il-printout tal-attività waħħlu r-ritratt tagħkom. Fil-parti: Ġesù  jaf li jien nista’, iktbu dawk il-kwalitajiet sbieħ li għandkom, u oħrajn li tixtiequ li jkollkom (eżempji: inżomm sigriet, tajjeb fil-matematika, ngħin lil sħabi f’dan is-suġġett, naf inkanta, ngħin fid-dar, nitkellem man-nanna li tgħix waħedha, inċempel lil ħbieb li mhux jiġu l-iskola għax morda, ngħid kliem sbieħ dwar l-oħrajn, inżomm l-affarijiet tiegħi f’posthom, naqra l-Bibbja, naqra stejjer mill-Bibbja lil ħuti ż-żgħar)

Meta tlesti, ikteb l-isem li tak Ġesù. Tista’ tuża l-internet biex issib isem li jiddeskrivi dak li qallek Ġesù. Jekk per eżempju inti kuraġġuż, isem li għandu din it-tifsira jista’ jkun: Audrey, Gabriella, Andrew, Zane. Jekk tħobb iġib il-paċi, Salome jew Jonah. Jekk iġġib il-ferħ lil oħrajn, Abigail jew Isaac.

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, jien nixtieq insir nafek aktar u rrid nimxi warajk. Grazzi Ġesù ta’ dawk in-nies kollha li jkellmuni dwarek. Grazzi ta’ (jissemmew dawn in-nies b’isimhom, per eżempju: il-mama Marica, il-papa James, Nanna Marija, Nannu Paul, Ms Mary, Fr Joe eċċ)

Ġesù, Indrì ġab lil ħuħ għandek. Jien nixtieq li nġib lil (semmi lil xi ħadd li tixtieq titlob għalih/għaliha, għax marid, jew għax ma għandux ħbieb, jew għax imdejjaq …)

Flimkien nisimgħu u nkantaw, I have decided.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġwanni l-Battista jiddeskrivi lil Ġesù bħala...

Correct! Wrong!

2. Ġesù stieden lil żewġ dixxipli li kienu mexjin warajh u huma...

Correct! Wrong!

3. X'wieġeb Ġesù lid-dixxipli meta staqsewh biex jgħidilhom fejn kien joqgħod hu?

Correct! Wrong!

4. Wieħed minn dawn id-dixxipli, Indri, stieden lil ħuħ biex imur jiltaqa' ma' Ġesù. Min kien dan id-dixxiplu l-ieħor?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.