L-Evanġelju tal-lum iwassalna wiċċ ’imb wiċċ ma’ realtà li niltaqgħu magħha kuljum, aktar minn darba: leħen min ser nisimgħu u liema leħen ser nobdu? San Mark jgħidilna li Ġesù tkellem b’awtorità li għaġġbet lin-nies u qajmet fihom kurżità biex isiru jafu aktar dwaru. Leħen l-ispirtu l-ħażin, min-naħa l-oħra, iqajjem mistoqsija, idaħħal id-dubju.
Fi żmien Ġesù, kulħadd kien qiegħed jistenna lill-Messija mwiegħed. Ħadd ma kien jaf min kien. Ħafna kienu li emmnu li Ġesù kien fil-fatt il-Messija u għexu fuq it-tagħlim tiegħu u wasslu anke oħrajn biex jimxu warajh. Oħrajn ma emmnux u baqgħu jistennew. Aħna nemmnu li Ġesù hu l-Messija. Madanakollu, dan it-twemmin ma jwassalna mkien jekk aħna ma nisimgħux dak li jgħidilna u nbiddlu ħajjitna skont dak li jixtieq hu. Li temmen mhux biżżejjed. Aħna nemmnu wkoll fl-eżistenza tax-xitan izda ħadd ma jixtieq li jimxi warajh. Nafu, li mhux dejjem jirnexxielna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. Għalkemm nafu li Ġesù jrid dak kollu li hu tajjeb għalina, mhux dejjem inkunu lesti li ninbidlu skont ir-rieda tiegħu. Ix-xitan min-naħa l-oħra jdaħħal id-dubju, dak li jfesfes f’widnejna jinstema aktar attraenti u li jagħtina sodisfazzjon. Kemm-il darba waqajna u għamilna dak li ried x-xitan? Jista’ jkun li għall-ewwel, verament kellna sens ta’ sodisfazzjon, iżda maż-żmien nindunaw li dik id-deċiżjoni u dak il-pass li ħadna, ħalla fina vojt kbir u nuqqas ta’ paċi. Min-naħa l-oħra, Alla huwa mħabba. Dak kollu li jistenna minna għandu l-pedament tiegħu fl-imħabba. Nafu li għalkemm dak li jistenna minna mhux dejjem huwa attraenti, anzi kemm-il darba jmur kontra x-xewqat tagħna; meta nagħmlu dak li jixtieq hu, ikollna ħafna paċi f’qalbna.
Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl isemmi ż-żwieġ. L-aktar ħaġa li jistmerr ix-xitan hija l-imħabba u l-għaqda, għalhekk il-miżżewġin u l-familja huma xewka kbira għalih. Naħsbu ftit kemm jiġuna ħsibijiet ta’ nuqqasijiet tal-partner tagħna, kemm infuru malajr għal xulxin, kemm drabi naħsbu b’mod egoist. Dan kollu ġej mix-xitan. Il-ħsibijiet ġejjin mingħand Alla huma kollha bbażati fuq l-imħabba għall-partner tagħna, kif Ġesù ta lilu nnifsu għalina, hekk għandna nagħtu lilna nfusna għal xulxin. Aktar ma nippruvaw ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla, aktar ser ikollna paċi. Aktar ma nippruvaw, aktar se nsibuha faċli, għax issir parti minn ħajjitna. U dan, mhux fiż-żwieġ biss.
Ġesù jrid jeħlisna minn dak kollu li jtaqqalna, u jekk inħalluh, għandu l-qawwa li jeħlisna, kif kellu l-qawwa jeħles lil dak ir-raġel fis-sinagoga, mill-ispirtu ħażin.