Spirtu ħażin

Ir-4 Ħadd ta’ Matul is-Sena B

L-Evanġelju tal-lum iwassalna wiċċ ’imb wiċċ ma’ realtà li niltaqgħu magħha kuljum, aktar minn darba: leħen min ser nisimgħu u liema leħen ser nobdu? San Mark jgħidilna li Ġesù tkellem b’awtorità li għaġġbet lin-nies u qajmet fihom kurżità biex isiru jafu aktar dwaru. Leħen l-ispirtu l-ħażin, min-naħa l-oħra, iqajjem mistoqsija, idaħħal id-dubju.

Fi żmien Ġesù, kulħadd kien qiegħed jistenna lill-Messija mwiegħed. Ħadd ma kien jaf min kien. Ħafna kienu li emmnu li Ġesù kien fil-fatt il-Messija u għexu fuq it-tagħlim tiegħu u wasslu anke oħrajn biex jimxu warajh. Oħrajn ma emmnux u baqgħu jistennew. Aħna nemmnu li Ġesù hu l-Messija. Madanakollu, dan it-twemmin ma jwassalna mkien jekk aħna ma nisimgħux dak li jgħidilna u nbiddlu ħajjitna skont dak li jixtieq hu. Li temmen mhux biżżejjed. Aħna nemmnu wkoll fl-eżistenza tax-xitan izda ħadd ma jixtieq li jimxi warajh. Nafu, li mhux dejjem jirnexxielna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. Għalkemm nafu li Ġesù jrid dak kollu li hu tajjeb għalina, mhux dejjem inkunu lesti li ninbidlu skont ir-rieda tiegħu. Ix-xitan min-naħa l-oħra jdaħħal id-dubju, dak li jfesfes f’widnejna jinstema aktar attraenti u li jagħtina sodisfazzjon. Kemm-il darba waqajna u għamilna dak li ried x-xitan? Jista’ jkun li għall-ewwel, verament kellna sens ta’ sodisfazzjon, iżda maż-żmien nindunaw li dik id-deċiżjoni u dak il-pass li ħadna, ħalla fina vojt kbir u nuqqas ta’ paċi. Min-naħa l-oħra, Alla huwa mħabba. Dak kollu li jistenna minna għandu l-pedament tiegħu fl-imħabba. Nafu li għalkemm dak li jistenna minna mhux dejjem huwa attraenti, anzi kemm-il darba jmur kontra x-xewqat tagħna; meta nagħmlu dak li jixtieq hu, ikollna ħafna paċi f’qalbna.

Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl isemmi ż-żwieġ. L-aktar ħaġa li jistmerr ix-xitan hija l-imħabba u l-għaqda, għalhekk il-miżżewġin u l-familja huma xewka kbira għalih. Naħsbu ftit kemm jiġuna ħsibijiet ta’ nuqqasijiet tal-partner tagħna, kemm infuru malajr għal xulxin, kemm drabi naħsbu b’mod egoist. Dan kollu ġej mix-xitan. Il-ħsibijiet ġejjin mingħand Alla huma kollha bbażati fuq l-imħabba għall-partner tagħna, kif Ġesù ta lilu nnifsu għalina, hekk għandna nagħtu lilna nfusna għal xulxin. Aktar ma nippruvaw ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla, aktar ser ikollna paċi. Aktar ma nippruvaw, aktar se nsibuha faċli, għax issir parti minn ħajjitna. U dan, mhux fiż-żwieġ biss.

Ġesù jrid jeħlisna minn dak kollu li jtaqqalna, u jekk inħalluh, għandu l-qawwa li jeħlisna, kif kellu l-qawwa jeħles lil dak ir-raġel fis-sinagoga, mill-ispirtu ħażin. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 1, 21-28) 

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih?” U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-aktar parti li laqtitek? Għaliex?
  3. In-nies fis-sinagoga semgħu lil Ġesù b’attenzjoni. Kemm tagħti l-attenzjoni kollha tiegħek waqt il-qari tal-quddiesa?
  4. Ġesù kellu l-awtorità. Kif użaha din l-awtorità? Inti wkoll għandek awtorità fil-familja tiegħek, jista’ jkun anke fuq il-post tax-xogħol. Kif qed tuża din l-awtorità?
  5. Fil-kwiet għid din it-talba u rrifletti dwarha:
    Għażiż Ġesù, għinni biex inxerred il-fwieħa tiegħek kull fejn immur.
    Fawwar il-qalb tiegħi bl-Ispirtu u l-Ħajja tiegħek. 
    Idħol ġewwa fija u ħu kontroll tiegħi nnifsi kollni kemm jien, 
    b’mod li l-ħajja tiegħi tkun tirrifletti lilek biss. 

    Iddi minn ġo fija, kun ġo fija 
    b’mod li kull persuna li niġi f’kuntatt magħha 
    tħoss fija l-preżenza tiegħek. 
    Ħalli jħarsu u jaraw mhux aktar lili, imma lilek biss!

    Ibqa’ miegħi, ħalli nsir niddi bħalma tiddi inti;
    ħalli b’hekk insir dawl għall-oħrajn. 
    Id-dawl, o Ġesù, ikun ġej kollu minnek, xejn ma jkun tiegħi. 
    Tkun inti li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi. 

    Għalhekk, ħallini nfaħħrek bil-mod kif inti tħobb l-aktar: billi niddi fuq dawk ta’ madwari. Ħallini nxandrek bla ma nitkellem, mhux bil-kliem, imma bl-eżempju tiegħi, 
    bil-forza qawwija ta’ dak li jiena nwettaq,
    bix-xhieda ċara tal-imħabba li f’qalbi tfawwar għalik. 
    Ammen.  (talba ta’ John Henry Newman)
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (1, 21-28)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fil-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu kif Ġesù kien differenti minn għalliema oħra. Ġesù, kien bravu ħafna u kellu wkoll il-qawwa biex ifejjaq lin-nies u jagħmel affarijiet tal-għaġeb.

  • Ġesù jgħidilna kif għandna ngħixu, għax irid li nkunu ferħana
  • Bibbja tat-tfal
  • Clips dwar il-ġrajjiet imsemmija fl-attività

Tfal, intom għandkom logħob?

Tieħdu gost tilgħabu b’dawn il-logħob?

Biex tieħdu pjaċir tilgħabuhom, tridu timxu fuq ir-regoli, hux hekk?

Min għamel dawn ir-regoli? (min għamel din il-logħba)

Għalfejn hemm ir-regoli? (Biex min jilgħab jieħu gost)

Kieku ma hemmx regoli, x’jiġri? (min ikun qed jilgħab jivvinta r-regoli hu, ħadd ieħor ibiddilhom, ikun hemm it-tgerfix, u ħadd ma jieħu gost jilgħab)

Min ħalaq lid-dinja? (Alla)

Alla wkoll tana r-regoli kif ngħixu. Tana dawn ir-regoli biex ngħixu ħajja tajba u sabiħa. Jekk ma nimxux fuq dawn ir-regoli, ikun hemm it-taħwid u ma nkunux ferħanin. Ġesù hekk jgħallimna. Hekk kien qiegħed jgħallem dakinhar fis-sinagoga. Fis-sinagoga kien hemm min ried jagħmel regoli ġodda. Dan jismu x-xitan. Ix-xitan jipprova jbiddel ir-regoli biex ma ngħixux kif jixtieq Ġesù. 

Ġesù jrid li nkunu ħbieb ma’ kulħadd, filwaqt li x-xitan jgħidilna li nkunu ħbieb ma’ dawk li rridu aħna biss, u allura jgħidilna li ma’ dawk li huma fqar, jew ġejjin minn pajjiż differenti minna, aħna ma għandniex għalfejn inkunu ħbieb tagħhom. Ġesù jrid li ngħinu lill-mama u lill-papa fid-dar. Ix-xitan jgħidilna li nieħdu aktar gost jekk nibqgħu nilgħabu fuq il-kompjuter u m’għandniex għalfejn immorru ngħinuhom. 

Tafu kif nistgħu nsiru nafu xi jrid jgħidilna Ġesù? (mill-Bibbja)

Fil-Bibbja nsibu ħafna ġrajjiet dwar il-ħajja ta’ Ġesù. Ġesù tana eżempju, jiġifieri uriena kif għandna nġibu ruħna. Matul din il-ġimgħa sibu ħin flimkien mal-familja tagħkom biex taqraw jew taraw ġrajjiet mill-ħajja ta’ Ġesù u hekk tkunu tafu Ġesù x’jixtieq jgħidilkom.

Nota lill-ġenituri. Matul din il-ġimgħa sibu ħin biex flimkien mat-tfal taqrawlhom mill-Bibbja tat-tfal jew turuhom clips dwar il-ħajja ta’ Ġesù. Dawn huma xi ġrajjiet li tistgħu taqraw jew taraw:

Ġesù iħobb lil kulħadd u kien ħabib ma’ kulħadd, u jixtieq li aħna nħobbu lill-oħrajn ukoll.

Ġrajja ta’ Żakkew – nuru li għalkemm Żakkew ma kienx jagħmel affarijiet tajba, Ġesù xorta waħda ried ikun ħabib miegħu biex ikollu ċans jitkellem miegħu u jurih kif jista’ jgħix aħjar.
(il-ġrajja ta’ Żakkew qegħda lejn l-aħħar tal-clip)

Ġesù kien jgħin lill-oħrajn u jixtieq li aħna ngħinu lill-oħrajn ukoll.

Ġrajja ta’ meta Ġesù jagħmel il-miraklu tal-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ġesù ma riedx lin-nies jibqgħu bil-ġuħ. Kieku dak it-tifel li kellu l-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, ma tahomx lil Ġesù, Ġesù ma kienx jagħti jieklu lil dawk in-nies kollha. Aħna għandna naqsmu dak li għandna.

Ġesù kien jgħid stejjer biex jgħallimna. Il-parabbola tal-Iben il-ħali. (video 1, video 2)

Ġesù jħobbna ħafna. Meta aħna nagħmlu xi ħaġa ħażina, bħal dak it-tifel iż-żgħir, inkunu qegħdin nersqu ’l bogħod minn Ġesù u għalhekk Alla l-Missier li jħobbna ħafna, ma jkunx ferħan. Bħall-missier jibqa’ jistenna li aħna nindunaw li għamilna ħażin u ngħidu sorry. Kemm jieħu gost Ġesù, meta ngħidu li jiddispjaċina li għamilna ħażin!

Ġesù kien jitlob u jixtieq li aħna kuljum insibu ħin biex nitolbu.

Ġrajja ta’ meta l-appostli jistaqsu lil Ġesù biex jgħallimhom jitolbu. L-appostli ndunaw li t-talb kien importanti ħafna għal Ġesù u riedu li jagħmlu bħalu. Għalhekk jistaqsuh biex jgħallimhom. Ġesù kien jitlob, għax it-talb kien jagħtih il-kuraġġ u l-qawwa biex jagħmel biss dak hu tajjeb. Bħal Ġesù, aħna wkoll irridu nitolbu kuljum biex inkunu tfal bravi u nuru lil Ġesù li nħobbuh.

Fl-Evanġelju Ġesù urina li hu ħafna aktar b’saħħtu mix-xitan. Ġesù huwa l-akbar u l-aħjar Superhero li jista’ jkollna.

Irroddu s-salib.

Grazzi Ġesù li inti turina r-regoli ta’ kif għandna ngħixu biex inkunu ferħanin. Għinna biex dejjem nagħmlu għażliet tajba, kif tixtieq inti.

Illum nisimgħu lil Ġesù jgħallem bil-qawwa u bl-awtorità. Naraw ukoll lil Ġesù jagħmel miraklu u jirbaħ lix-xitan. Ix-xitan jagħraf li Ġesù huwa Iben Alla.

  • Għandna nafdaw lil Ġesù għax iħobbna
  • Għandna nisimgħu dak li jrid minna Ġesù u nagħmluh
  • Karti vojta 
  • Lapsijiet

Il-lum niltaqgħu ma’ Ġesù jgħallem fis-sinagoga. In-nies baqgħu mistagħġba b’dak li semgħu lil Ġesù jgħid. Kien differenti mill-għalliema li jisimgħu is-soltu. 

Fis-sinagoga kien hemm raġel li kellu x-xitan fih. Ir-raġel ma setax jagħmel dak li ried hu, imma dak li ried ix-xitan. Aħna wkoll, xi drabi nħallu lix-xitan jagħmel li jrid bina. Għax ix-xitan makakk! U jdaħħlilna ħsibijiet f’moħħna li jfixkluna jew jagħtina ideat li jidhru sbieħ u tajbin. Ġieli ġiek xi ħsieb biex tiġġieled ma’ xi ħadd għax ikun qal xi ħaġa kerha dwarek? U tisma’ bħal xi ħadd jgħidlek: “Isa mur iġġieled miegħu, għax dak li qal fuqek mhux vera. Jekk ma tiġġielidlux, kulħadd ser jaħsbek beżżiegħi. Ġesù jgħidlek biex ma tiġġielidx, imma jekk tagħmel kif qed jgħidlek hu, lanqas ser jibqa’ jkollok ħbieb.” Ix-xitan irid li ma nħobbux lil Ġesù, ma jridx li nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. Huwa jipprova jdaħħlilna ħsibijiet li Ġesù qisu xi spoilsport u li ma jridx li nkunu ferħanin. Minkejja dan, jekk naħsbu ftit u ma nħallux lix-xitan idaħħlina ħsibijiet f’moħħna, niftakru kemm Ġesù jħobbna. Kemm Ġesù jixtieq li nkunu ferħanin. Niftakru li tant iħobbna, li tana s-sagrament tal-qrar, għax Ġesù jaf li wara li nkunu smajna mix-xitan, aħna ma nkunux ferħanin. Meta nqerru, nerġgħu insiru ferħana. 

F’dan l-evanġelju naraw li aħna ma għandniex naqtgħu qalbna. Nihfmu li Ġesù huwa ħafna aktar b’saħħtu mix-xitan. Fil-fatt, ix-xitan jobdih lil Ġesù u jħalli lil dak ir-raġel bil-kwiet! U tafu għalfejn Ġesù jirbaħ lix-xitan? Għax Ġesù jħobb u x-xitan ma jafx iħobb.

Ġesù huwa ħafna aktar b’saħħtu mix-xitan. Ġesù jirbaħlu lix-xitan. Ġesù għandu l-qawwa biex ibiddel il-ħajja ta’ dawk li jersqu lejh, bħalma bidel il-ħajja ta’ dak ir-raġel li kien fis-sinagoga. Ħa nieqfu ftit u kulħadd ser jaħseb f’ħaġa waħda, li hi ħażina u li ma jixtieqx li jibqa’ jagħmel aktar. Wara niktbuha fuq karta. Nitwu din il-karta u kulħadd ipoġġiha ħdejn Ġesù. (nota lill-ġenituri: fejn, fid-dar, għandkom kurċifiss, jew stampa ta’ Ġesù? L-aħjar għażlu kurċifiss jew inkwatru ta’ Ġesù li qiegħed f’kamra li tintuża ħafna mill-familja. Il-karti jitpoġġew hawnhekk.) Min jixtieq jista’ jitkellem dwar dak li kiteb. Ħadd ma għandu jkun sfurzat li jgħid x’kiteb.

Matul din il-ġimgħa, kull darba li ngħaddu minn ħdejn dawn il-karti, nitolbu lil Ġesù biex jgħinna negħlbu din il-ħaġa ħażina, jew vizzju ikrah, li ktibna dwaru. Ma nitolbux għalina biss, imma anke għall-bqija tal-familja. 

Irroddu s-salib.

Grazzi Ġesù li inti qawwi ħafna. Grazzi Ġesù li inti tagħmel biss dak li hu tajjeb. Jien nixtieq inkun aktar bħalek. 

Nisimgħu u nkantaw flimkien, My God is so big and so strong and so mighty.

1. L-Evanġelju tal-lum, jirrakkuntalna li Ġesu' mar iżur post partikolari. Liema hu dan il-post?

Correct! Wrong!

2. Fis-sinagoga, Ġesù ltaqa ma' raġel...

Correct! Wrong!

3. Lil dan l-ispirtu ħażin, Ġesu' ikkmandah biex iħalli lil dan ir-raġel. Ġesu' qallu...

Correct! Wrong!

4. X'kienet ir-reazzjoni tan-nies li raw dak li kien qed jiġri?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.