Tliet punti jispikkaw fl-evanġelju tal-lum: l-attitudni tagħna għall-morda u l-attitudni tagħna għat-talb, kif ukoll is-sejħa tad-dixxiplu. L-ewwel istint tagħna meta niltaqgħu mal-mard hu li ninġibdu lura u nersqu ‘l bogħod. Ġesù, mhux biss ma resaqx ‘l bogħod imma wkoll resaq qrib omm il-mara ta’ Xmun u anke qabdilha idha. Id-dnub huwa mard spiritwali, mard tar-ruħ. Bl-istess mod kif Ġesù ma ddejjaqx jersaq lejn din il-mara, lanqas ma jiddejjaq jersaq u jibqa’ qrib tagħna, meta aħna naqgħu fid-dnub. Il-Mulej imiss lil din il-mara biex ifejjaqha u hekk juri kemm kien qrib tagħha. Din hija r-relazzjoni li Ġesù jixtieq li jkollu magħna. Hu jixtieq li nsiru nafuh biżżejjed li nistgħu niftħu qalbna miegħu, li ma nżommu xejn minnu, li nħalluh jersaq qrib u jmiss lilna wkoll.
Ġesù għamel ħafna mirakli dakinhar, imma narawh iħoss il-ħtieġa kbira li jkun qrib tal-Missier, għalhekk iqum qabel kulħadd, biex imur jitlob. Ġesù kien jaf li mingħajr l-għajnuna ta’ Alla, hu ma kienx ser ikun jista’ jagħmel dak li kien mibgħut biex jagħmel: li jgħallem lin-nies dwar Alla, biex huma jagħrfu l-imħabba kbira tiegħu, il-ħniena tiegħu. Ġesù jrid li dan it-tagħlim jasal għandna wkoll. Aħna lkoll għandna ġranet impenjattivi ħafna. Ikollna x-xewqa li nsibu ħin biex nitolbu, iżda tgħaddi ġurnata wara l-oħra, u dan il-ħin ma nsibuhx. Ġesù ma kienx iħalli t-talb għal meta jkollu ċans fil-ġurnata. Hu kien jagħmel dan il-ħin, b’mod maħsub. Kulħadd jaf min hi Madre Tereża ta’ Kalkutta u l-impenn tagħha mal-fqar. Ta’ kuljum, flimkien mas-sorijiet sħabha, kienu jgħaddu siegħa quddiem Ġesù Sagramentat (vidjow qasir). Din setgħet kienet siegħa li fiha għenu lill-fqar. Iżda Madre Tereża għarfet li hi ma setgħetx taqdi l-missjoni tagħha mingħajr ma titlob. U lanqas aħna, ma nistgħu inkunu dixxipli ta’ Ġesù, mingħajr talb.
Wara li Ġesù fejjaq lill-kunjata ta’ Xmun, hi qamet u marret isservihom. Wara li kellha din il-laqgħa ma’ Ġesù, hi ma baqgħetx fis-sodda, iżda qamet minnufih. Aħna wkoll imsejħa biex naqdu u b’mod speċjali biex inwasslu lil Ġesù għand ħaddieħor – din hija, is-sejħa ta’ kull dixxiplu. Bħala ġenituri, l-ewwel sejħa tagħkom hija fil-familja. Il-bqija tal-membri tal-familja, it-tfal u r-raġel/mara tiegħek, ser jaraw kif qed tħalli lil Ġesù jaħdem fil-ħajja tiegħek, kif qed tħalli lilu jmexxik fl-għażliet u fid-deċiżjoniet. Ġesù juża lilek biex iwassal għandhom l-imħabba u l-ħniena li hu għandu għalihom.