L-imfejjaq

Il-5 Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Tliet punti jispikkaw fl-evanġelju tal-lum: l-attitudni tagħna għall-morda u l-attitudni tagħna għat-talb, kif ukoll is-sejħa tad-dixxiplu. L-ewwel istint tagħna meta niltaqgħu mal-mard hu li ninġibdu lura u nersqu ‘l bogħod. Ġesù, mhux biss ma resaqx ‘l bogħod imma wkoll resaq qrib omm il-mara ta’ Xmun u anke qabdilha idha. Id-dnub huwa mard spiritwali, mard tar-ruħ. Bl-istess mod kif Ġesù ma ddejjaqx jersaq lejn din il-mara, lanqas ma jiddejjaq jersaq u jibqa’ qrib tagħna, meta aħna naqgħu fid-dnub. Il-Mulej imiss lil din il-mara biex ifejjaqha u hekk juri kemm kien qrib tagħha. Din hija r-relazzjoni li Ġesù jixtieq li jkollu magħna. Hu jixtieq li nsiru nafuh biżżejjed li nistgħu niftħu qalbna miegħu, li ma nżommu xejn minnu, li nħalluh jersaq qrib u jmiss lilna wkoll. 

Ġesù għamel ħafna mirakli dakinhar, imma narawh iħoss il-ħtieġa kbira li jkun qrib tal-Missier, għalhekk iqum qabel kulħadd, biex imur jitlob. Ġesù kien jaf li mingħajr l-għajnuna ta’ Alla, hu ma kienx ser ikun jista’ jagħmel dak li kien mibgħut biex jagħmel: li jgħallem lin-nies dwar Alla, biex huma jagħrfu l-imħabba kbira tiegħu, il-ħniena tiegħu. Ġesù jrid li dan it-tagħlim jasal għandna wkoll. Aħna lkoll għandna ġranet impenjattivi ħafna. Ikollna x-xewqa li nsibu ħin biex nitolbu, iżda tgħaddi ġurnata wara l-oħra, u dan il-ħin ma nsibuhx. Ġesù ma kienx iħalli t-talb għal meta jkollu ċans fil-ġurnata. Hu kien jagħmel dan il-ħin, b’mod maħsub. Kulħadd jaf min hi Madre Tereża ta’ Kalkutta u l-impenn tagħha mal-fqar. Ta’ kuljum, flimkien mas-sorijiet sħabha, kienu jgħaddu siegħa quddiem Ġesù Sagramentat (vidjow qasir). Din setgħet kienet siegħa li fiha għenu lill-fqar. Iżda Madre Tereża għarfet li hi ma setgħetx taqdi l-missjoni tagħha mingħajr ma titlob. U lanqas aħna, ma nistgħu inkunu dixxipli ta’ Ġesù, mingħajr talb.

Wara li Ġesù fejjaq lill-kunjata ta’ Xmun, hi qamet u marret isservihom. Wara li kellha din il-laqgħa ma’ Ġesù, hi ma baqgħetx fis-sodda, iżda qamet minnufih. Aħna wkoll imsejħa biex naqdu u b’mod speċjali biex inwasslu lil Ġesù għand ħaddieħor – din hija, is-sejħa ta’ kull dixxiplu. Bħala ġenituri, l-ewwel sejħa tagħkom hija fil-familja. Il-bqija tal-membri tal-familja, it-tfal u r-raġel/mara tiegħek, ser jaraw kif qed tħalli lil Ġesù jaħdem fil-ħajja tiegħek, kif qed tħalli lilu jmexxik fl-għażliet u fid-deċiżjoniet. Ġesù juża lilek biex iwassal għandhom l-imħabba u l-ħniena li hu għandu għalihom.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 1, 29-39)


F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.

U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Fl-Evanġelju jerġa jissemma x-xitan. X’inhu dak id-dnub li qed issib diffiċli li tegħlbu? Matul din il-ġimgħa, għamel sforz biex tiffaċċja dan id-dnub, itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtik il-qawwa u l-kuraġġ biex tegħleb dan il-ħażen. Tħallix lix-xitan jgħabbik b’dan it-toqol, eħles minnu, biex terġa ssib il-paċi. Ħalli lil Ġesù jersaq qrib u jfejqek biex tkun tista’ tkompli b’dak ix-xogħol li hu għandu għalik.
  4. Ġesù kien jaf li t-talb huwa importanti, u li ma setax jgħaddi mingħajru. Ġesù wkoll kellu ġurnata mimlija daqs bajda, imma t-talb kien parti ewlenija ta’ kuljum. It-talb kien jagħtih il-qawwa, biex dak li jagħmel, iħalli l-frott. Kemm tagħmel ħin biex titlob matul il-ġurnata? Titlob mat-tfal? 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (1, 29-39)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Il-lum ser nisimgħu kif Ġesù kien jgħaddi l-ġranet tiegħu: jitlob, jgħallem u jgħin lin-nies.

  • Jekk Ġesù kien jitlob kuljum, kemm aktar u aktar għandna bżonn nitolbu aħna?
  • Bibbja tat-tfal (u għall-kbar)
  • Kurċifiss jew inkwatru ta’ Ġesù
  • Xemgħa
  • Reċipjent żgħir
  • Lapsijiet u kuluri
  • Karti vojta
  • Araw aktar l-isfel għal oġġetti oħra li jistgħu jiżdiedu

Il-ġimgħa l-oħra kantajna Superhero. In-nies li kienu jgħixu ma’ Ġesù, ukoll kienu jaħsbu li kien xi Superhero! Fil-verita’, Ġesù deher li huwa speċjali ħafna għaliex huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Fl-Evanġelju smajna kif mar id-dar ta’ Xmun u kien hemm il-mama tal-mara tiegħu, marida. Ġesù qabdilha jdejha u hi fieqet! Qatt ma kienu raw lil ħadd jagħmel affarijiet bħal dawn. U malajr ġabu lil dawk li kienu morda għand Ġesù u fejjaq lilhom ukoll. Filgħodu, Ġesù qam kmieni ħafna u mar jitlob. Ġesù kien jaf li kellu bżonn il-qawwa li jġib mit-talb, għalhekk, kuljum jgħaddi ħin jitlob. Imma ftit wara sabuh u qalulu jmur lura biex ikompli jfejjaq lin-nies.

Tiftakru x’qalilhom Ġesù?

Ġesù ma xtaqx jerġa jmur id-dar ta’ Xmun. Taħsbu li Ġesù ma riedx ifejjaq aktar nies? 

Ġesù ried ifejjaq aktar nies, imma kien hemm xi ħaġa aktar importanti li ried jagħmel ukoll. Ġesù ried jgħallem lin-nies dwar Alla. Ġesù kien jaf li jekk in-nies isiru jħobbu lil Alla, huma jsalvaw u jmorru l-ġenna. Għal Ġesù, din kienet importanti ħafna. 

Mela llum rajna li Ġesù kien jitlob u jkun magħqud ma’ Alla l-Missier. Il-frott ta’ din l-għaqda bejnu u bejn Alla l-Missier, kien jidher fil-qawwa li biha kien jgħallem, iħobb u jgħin lill-oħrajn. Bħal Ġesù, aħna rridu nitolbu wkoll. Ġesù kien jgħallem lin-nies dwar kemm Alla jħobbhom. Aħna nitgħallmu dwar Alla mill-Bibbja u meta mmorru laqgħat tad-duttrina, kif ukoll meta mmorru l-quddies. 

Ġesù kien imur isib post fejn jitlob, biex ma jkunx hemm affarijiet jew nies oħra li jtellfuh. Din il-ġimgħa, tfal, ser tagħmlu rokna speċjali għat-talb. Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom, sibu post fid-dar fejn tistgħu tirranġawh bħala post għat-talb, kemm għalikom, kif ukoll għall-familja kollha. Dan il-post irranġawh billi tpoġġu Bibbja (tajjeb li jkun hemm kemm Bibbja għat-tfal, kif ukoll Bibbja għall-adulti), kurċifiss jew inkwatru ta’ Ġesù, xemgħa (nota lill-ġenituri, jekk it-tfal ser jużaw dan il-post waħedhom, aħjar li x-xemgħa tkun bil-batteries). Taħt il-Bibbja u l-kurċifiss tistgħu tpoġġu drapp skont il-kulur liturġiku, bħalissa, il-kulur liturġiku huwa aħdar. Jekk tixtiequ tistgħu wkoll tpoġġu statwa jew inkwatru tal-Madonna jew xi qaddisin. Tistgħu anke tpoġġu l-fjuri (nota lill-ġenituri: għalkemm tajjeb li tħallu lit-tfal ikunu kreattivi biex joħolqu dan il-post, araw li ma jkunx hemm affarijiet iżżejjed li jtellfu mill-konċentrazzjoni, aħjar li jinbidlu l-affarijiet minn żmien għal żmien, milli dan il-post ikun iffullat, u hekk ikun ta’ distrazzjoni). Tfal, kuljum, waħedkom jew mal-ġenituri tagħkom, għamlu ftit ħin f’dan il-post. Tistgħu jew taqraw xi ġrajja mill-Bibbja, kif ukoll titolbu. Agħmlu bħal Ġesù. Ġesù kien jitlob kuljum, anke meta kellu ħafna x’jagħmel.

Nota lill-ġenituri: Il-karti, lapsijiet u kuluri, ma għandhomx għalfejn ikunu fuq il-mejda fejn hemm il-Bibbja, imma jinżammu fil-qrib. Ir-reċipjent jitpoġġa ħdejn il-kurċifiss. Spjegaw lit-tfal, li meta jridu, huma jistgħu jpinġu jew jiktbu t-talba tagħhom lil Ġesù, u jpoġġuha fir-reċipjent. Anke intom il-ġenituri, tistgħu tingħaqdu mat-tfal u żżidu t-talb tagħkom wkoll.

Irroddu s-salib.

Flimkien għidu t-talba li għallimna Ġesù: il-Missierna (tistgħu ssibu t-talba u attivitajiet dwar it-talba)

Wara, araw dan il-clip flimkien: Prayer.

Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu x’inhuma l-aktar affarijiet li Ġesù kien jagħmel kontinwament waqt li kien jgħix il-missjoni tiegħu fid-dinja.

  • Qabel ma jibda x-xogħol tal-ġurnata, Ġesù kien imur jitlob.
  • Ġesù jħobb u jgħin lil kulħadd
  • Karti vojta 
  • Lapsijiet

Ma tantx jidher li Ġesù kellu free time! Il-lum smajna li Ġesù kien jgħallem lin-nies dwar Alla, kien ifejjaq lill-morda, ikeċċi x-xjaten min-nies. Ma kienx idum fl-istess raħal, imma kien imur minn post għal ieħor biex aktar nies isiru jafu dwar Alla. 

Intom kif tqassmu l-ġurnata tagħkom? 

Ġurnata tal-iskola, tkun differenti minn ġurnata tal-weekend, jew tal-vaganzi?

Kif?

Fl-Evanġelju tal-lum, naraw lil Ġesù jagħmel ħafna affarijiet. Imma hemm xi ħaġa li jidher li ppjana li jagħmilha, ra li affarijiet oħra ma jeħdux post ta’ dak li kellu jagħmel. X’għamel Ġesù li kien daqstant importanti għalih? (mar jitlob)

Għal Ġesù, it-talb kien importanti ħafna. Kien jaf li n-nies u l-appostli ma kienux ser iħalluh kwiet, għalhekk qam kmieni filgħodu biex imur waħdu jitlob. Ġesù, seta’ għażel li jibqa’ rieqed, seta’ għażel li joqgħod jieħu l-breakfast bil-mod, jew seta’ joqgħod jitkellem mal-ħbieb tiegħu. Imma għal Ġesù, t-talb, ma kien jeħodlu postu ħadd. Ġesù kien jitlob biex ikun qrib ta’ Alla l-Missier. Kien jitlob għax it-talb kien jagħtih l-għajnuna biex jgħallem b’mod li jifhmuh in-nies. It-talb kien jagħtih l-għajnuna biex ifejjaq il-morda, u t-talb kien jagħtih il-qawwa biex ikeċċi lix-xjaten. Għalhekk Ġesù kien jitlob kuljum. 

Jekk għal Ġesù, it-talb kien daqstant importanti, taħsbu li aħna nistgħu ngħaddu l-ġurnata mingħajr ma nitolbu?

Għalkemm matul il-ġurnata aħna nagħmlu ħafna affarijiet, u anke affarijiet u attivitajiet importanti li ma nistgħux ma nagħmluhomx, ma għandna l-ebda skuża biex ma nitolbux. Ġesù ma kienx jgħid, ‘issa jekk ikolli ftit ħin, immur nitlob.’ Ġesù kien jagħmel il-ħin biex jitlob, kien jippjana l-ħin tat-talb. Hekk kif intom tibdew il-lessons f’ċertu ħin u mhux meta tridu intom, l-istess kif tieqfu minn dak li tkunu qegħdin tagħmlu għax isir il-ħin biex tmorru għall-football, jew għall-ballet, jew lezzjoni tat-tpinġija, jew xi attività oħra, intom tridu tagħmlu wkoll ħin, meta fil-ġurnata, tieqfu minn dak li tkunu qegħdin tagħmlu, biex titolbu. Din mhix xi ħaġa faċli, u tindunaw li meta tkunu ser titolbu, ikollkom it-tentazzjoni biex tagħmlu xi ħaġa oħra. Tafu għalfejn? Għax ix-xitan vera jiddejjaq li intom toqgħodu titkellmu ma’ Ġesù! Imma taqtgħux qalbkom, għax, il-ġimgħa l-oħra rajna, kif Ġesù huwa b’saħħtu aktar mix-xitan. 

Rajna li t-talb kien importanti ħafna għal Ġesù. Imma mhux dan biss. Li jgħallem lin-nies dwar Alla, kien importanti wkoll għal Ġesù. Anke li jgħin lill-oħrajn kien importanti. Fl-Evanġelju narawh ifejjaq lill-mama tal-mara ta’ Xmun. U hekk kif fejjaqha hi qamet biex tgħin lilhom! Ġesù jixtieq li aħna: nitolbu, nitgħallmu dwar Alla, biex insiru nafuh u li ngħinu lill-oħrajn. 

Nafu li Ġesù jħobb lil kulħadd. Mod kif Ġesù wera li jħobb lin-nies kien li jgħinhom, ifejjaqhom u jkeċċi lix-xjaten minnhom. Aħna mhux bħal Ġesù. Ma nistgħux infejqu lin-nies u lanqas ma nistgħu nkeċċu x-xjaten, iżda nistgħu ngħinu lill-oħrajn u nuruhom li nħobbuhom. Ma nistgħux infejqu l-morda, imma nistgħu ngħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom. Xi drabi, kulma jkollhom bżonn, huwa li jitkellmu magħna. 

Intom kif tgħinu fid-dar?

Hemm xi ħaġa li tafu tagħmluha, imma ma tagħmluhiex? Jew inkella tagħmluha, iżda l-mama u l-papa jridu jdumu jfakkrukom fit-tul biex tagħmluha?

Waqt li tisimgħu s-song, I wanna do right aħsbu fuq ħaġa waħda, li intom tafu tagħmlu fid-dar, iżda li jew ma tagħmluhiex, jew inkella, tagħmluha kontra qalbkom.  Wara li taħsbu sew, iktbu dak li ħsibtu fuq karta. Din hija l-promise tagħkom għal din il-ġimgħa. Wara li tiktbuha, agħtuha lill-mama u lill-papa, jekk din li ktibtu għandha x’taqsam aktar magħhom. Jista’ jkun li hi xi ħaġa li intom ser tagħmlu għal xi ħadd minn ħutkom, għalhekk f’dan il-kas, il-karta agħtuha lilhom. Araw li matul din il-ġimgħa tagħmlu dak li wegħdtu mingħajr ma jfakkrukom.

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù inti turina kif għandna nħobbu lill-oħrajn. Nitolbu li bħalek aħna nuru l-imħabba tagħna billi ngħinu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Nitolbu li din l-għajnuna nagħmluha minn qalbna u mhux b’ħafna tnikkir u suppervja. Ġesù, inti tgħin lil kulħadd. Agħtina l-kuraġġ, biex aħna wkoll ngħinu lil kulħadd u mhux lil dawk biss, li nistgħu nieħdu xi ħaġa lura mingħandhom. Grazzi Ġesù, aħna nħobbuk.

1. L-Evanġelju tal-lum, jirrakkuntalna li Ġesù mar iżur id-dar ta' żewġ dixxipli. Min kienu dawn?

Correct! Wrong!

2. Fid-dar, Ġesù ltaqa ma' omm il-mara ta' Xmun u fejjaqha minn marda. Biex kienet marida?

Correct! Wrong!

3. Apparti mill-morda li fejjaq, Ġesù kien qed jeħles ukoll diversi persuni mill-ħakma...

Correct! Wrong!

4. X'għamel Ġesù kmieni filgħodu, minkejja li kulħadd kien qed ifittxu?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.