San Franġisku u Santa Ġjaċinta

20 ta' Frar

Aħna lkoll imsejħin biex insiru qaddisin. Franġisku u Gjaċinta Marto irnexxielhom jilħqu l-qdusija bil-ħajja sempliċi tagħhom meta kellhom biss ħdax u għaxar snin rispettivament.

Dawn huma l-iżgħar qaddisin li ma mietux martri, imma saru qaddisin għax kienu fidili għas-sejħa tal-qdusija.

Huma kienu tfal komuni, skola ma kinux jafu. Il-ġranet tagħhom kienu jqattgħuhom jirgħu in-nagħaġ fl-għelieqi, Kienu jqattgħu ħafna ħin jilagħbu; Franġisku kien idoqq il-flawt, Ġjaċinta tkanta u tiżfen, u magħhom kien ikun hemm Luċija li kienet ftit akbar minnhom. Ma’ dawn l-affarijiet kollha, kienu jsibu ħin biex jitolbu.

Fl-1916, l-Anġlu tal-Paċi dehrilhom u tahom messaġġ minn Alla. L-Anġlu staqsihom iridux jogħġbu lil Alla billi joffru t-talb u s-sagrifiċċji ħalli dawk li ma jħobbux lil Alla jiddispjaċihom li għamlu d-dnub u jerġgħu jsiru ħbieb tiegħu. Dawn aċċettaw il-messaġġ tal-anġlu u għexu fidili lejn il-wegħda tagħhom.

Imbagħad fit-13 ta’ Mejju 1917, waqt li kienu jirgħu n-nagħaġ bħas-soltu dehritilhom il-Madonna. Huma ġew imdawwrin minn ħafna dawl sabiħ.

Dawn id-dehriet komplew kull tlettax ta’ kull xahar sas-sbatax t’Ottubru 1917. 

Il-messaġġ tal-Madonna kien dejjem biex jitolbu r-Rużarju u biex joffru talb u sagrifiċċji għall-paċi u għall-midinbin. Franġisku miet fl-1919 u Ġjaċinta fl-1920, meta ittieħdu mill-influwenza Spanjola, vajrus li f’dawk iz-zminijiet kien inxtered mal-Ewropa.

Dawn it-tfal ġew iddikjarati Qaddisin mhux minħabba li dehritilhom il-Madonna imma għax huma għexu ħajja erojka avolja kienu żgħar, minkejja li kellhom ħafna oppożizzjoni u theddid, saħansitra anke sakkruhom il-ħabs. Il-kuġina tagħhom Luċija, daħlet soru Karmelitana u għexet sakemm kellha 97 sena. L-isqof tal-post kien talabha tikteb l-esperjenzi tagħhom. Dak li nafu fuq dawn il-Qaddisin żgħar mhux minn dak li qalu n-nies imma minn dokumenti ta’ waħda li għaddiet minn dawn l-esperjenzi. 

Ikun tajjeb li flimkien mat-tfal taraw il-film li jitratta l-miraklu li kien sar ġewwa Fatima. Hawn taħt għandkom il-link.  Il-Film qasir The Miracle of Our Lady of Fatima.

 

Il-virtuwijiet erojċi ta Franġisku u Ġjaċinta ġew mill-isforzi kontinwi tagħhom biex joffru sagrifiċċji għall-midinbin sabiex dawn iduru lejn Alla. Huma kienu jemmnu li Alla kien jiddispjaċiH meta xi ħadd jagħmel id-dnub u għalhekk huma riedu jikkunslawH. 

Iddiskuti mat-tfal xi jfisser għalihom is-sagrifiċċju.

  • Ismagħhom u imbagħad fehemhom li dan ifisser li toffri xi ħaġa Ii hi tajba jew li ma tagħmilhiex biex tbati.
  • Fehemhom kif il-footballers, l-atleti, iż-żeffiena jużaw ħafna mill-ħin liberu tagħhom biex jipprattikaw ħalli jkollhom suċċess. 
  • Semmi wkoll il-missjunarji li telqu l-familji tagħhom u lil pajjiżhom biex ixerrdu l-fidi.
  • Agħti ezempji ta’ x’jistgħu joffru waqt ir-randan bħala sagrifiċċju bi preparazzjoni għall-Għid.

Is-sagrifiċċji tagħhom anke meta għadhom żgħar jogħġbu ħafna lill-Mulej, u wkoll dawn jgħinuhom biex jissaħħu fil-kontroll tagħhom infushom u jrabbu karattru sod. Il-Madonna ta’ Fatima tablet ħafna drabi biex ngħidu r-Rużarju. Meta tkun irrakkuntajt l-istorja ta’ Fatima tista’ tibda tgħid ftit mir-Rużarju mat-tfal. Ġib xi stampa jew statwa tal-Madonna bi ftit fjuri u spjega lit-tfal li l-Madonna hija Sinjura li tħobbna ħafna u li tridna mmorru l-Ġenna magħha. Spjega li r-Rużarju hija t-talba li tfakkarna fil-Ħajja ta’ Ġesù u Marija. Tkun ħaġa sabiha wkoll li jitkanta l-innu ta’ Fatima.

Attività

Ejjew tfal, nimxu wara l-passi ta’ San Franġisku u Santa Gjaċinta Marto sabiex kuljum ngħidu r-Riżuraju mal-familja tagħna. Nieħdu l-opportunità sabiex inħeġġu lil sħabna biex flimkiene magħna jattendu l-lezzonjiet tal-museum u l-quddies. Żur is-site bekids.mt sabiex ssir taf aktar dwar Ġesù.


Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.