Aħna lkoll imsejħin biex insiru qaddisin. Franġisku u Gjaċinta Marto irnexxielhom jilħqu l-qdusija bil-ħajja sempliċi tagħhom meta kellhom biss ħdax u għaxar snin rispettivament.
Dawn huma l-iżgħar qaddisin li ma mietux martri, imma saru qaddisin għax kienu fidili għas-sejħa tal-qdusija.
Huma kienu tfal komuni, skola ma kinux jafu. Il-ġranet tagħhom kienu jqattgħuhom jirgħu in-nagħaġ fl-għelieqi, Kienu jqattgħu ħafna ħin jilagħbu; Franġisku kien idoqq il-flawt, Ġjaċinta tkanta u tiżfen, u magħhom kien ikun hemm Luċija li kienet ftit akbar minnhom. Ma’ dawn l-affarijiet kollha, kienu jsibu ħin biex jitolbu.
Fl-1916, l-Anġlu tal-Paċi dehrilhom u tahom messaġġ minn Alla. L-Anġlu staqsihom iridux jogħġbu lil Alla billi joffru t-talb u s-sagrifiċċji ħalli dawk li ma jħobbux lil Alla jiddispjaċihom li għamlu d-dnub u jerġgħu jsiru ħbieb tiegħu. Dawn aċċettaw il-messaġġ tal-anġlu u għexu fidili lejn il-wegħda tagħhom.
Imbagħad fit-13 ta’ Mejju 1917, waqt li kienu jirgħu n-nagħaġ bħas-soltu dehritilhom il-Madonna. Huma ġew imdawwrin minn ħafna dawl sabiħ.
Dawn id-dehriet komplew kull tlettax ta’ kull xahar sas-sbatax t’Ottubru 1917.
Il-messaġġ tal-Madonna kien dejjem biex jitolbu r-Rużarju u biex joffru talb u sagrifiċċji għall-paċi u għall-midinbin. Franġisku miet fl-1919 u Ġjaċinta fl-1920, meta ittieħdu mill-influwenza Spanjola, vajrus li f’dawk iz-zminijiet kien inxtered mal-Ewropa.
Dawn it-tfal ġew iddikjarati Qaddisin mhux minħabba li dehritilhom il-Madonna imma għax huma għexu ħajja erojka avolja kienu żgħar, minkejja li kellhom ħafna oppożizzjoni u theddid, saħansitra anke sakkruhom il-ħabs. Il-kuġina tagħhom Luċija, daħlet soru Karmelitana u għexet sakemm kellha 97 sena. L-isqof tal-post kien talabha tikteb l-esperjenzi tagħhom. Dak li nafu fuq dawn il-Qaddisin żgħar mhux minn dak li qalu n-nies imma minn dokumenti ta’ waħda li għaddiet minn dawn l-esperjenzi.
Ikun tajjeb li flimkien mat-tfal taraw il-film li jitratta l-miraklu li kien sar ġewwa Fatima. Hawn taħt għandkom il-link. Il-Film qasir The Miracle of Our Lady of Fatima.