Din il-ġimgħa għalkemm se nkomplu nisimgħu qari mill-Evanġelju skont San Mattew, mhux se nisimgħu dwar parabbola iżda se nisimgħu dwar miraklu. Miraklu li smajnieh kemm il-darba u nafuh sew. Xi drabi, minħabba li ‘nafuh’, meta nerġgħu nisimgħuh, moħħna qisu jagħmel shutdown u ma nagħtux attenzjoni għal dak li qegħdin nisimgħu. Għalhekk nagħmlu sforz biex nisimgħu dan il-qari b’attenzjoni u naraw x’qiegħed jgħidilna.
Ġesù, li kien sema bl-aħbar tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista, jixtieq imur għalih waħdu iżda n-nies imorru warajh. Bħal dejjem tiġih ħniena mill-morda u jfejjaq ħafna minnhom, jgħallem lil dawk preżenti dwar l-imħabba ta’ Alla u fl-aħħar, minħabba li kienu f’post imwarrab jagħti ikel lil kulħadd. X’kuntrast din l-ikla mal-ikla li kellu Erodi! L-ikla ta’ Erodi tispiċċa bil-qtil ta’ Ġwanni, ta’ Ġesù tispiċċa b’għaqda, qsim ta’ ikel u ferħ!
Niftakru fil-parabboli tal-Ħdud li għaddew, fosthom taż-żerriegħa tal-mustarda. Din iż-żerriegħa żgħira tikber f’siġra. Wieħed mill-messaġġi tal-Evanġelju tal-lum jorbot ukoll ma’ din it-tema. Lil Alla nagħtuh il-ftit tagħna u bih jagħmel affarijiet kbar. Madanakollu, rridu nkunu aħna li naslu li nagħtuh dan il-ftit. Din il-ġrajja timmeraviljana mhux biss għal fatt li jieklu dawk l-eluf kollha imma forsi aktar, bit-tnax-il qoffa li jinġabru wara. Il-providenza ta’ Alla hija abbundanti. Din tfakkarna f’miraklu ieħor: meta Ġesù jibdel l-ilma f’inbid fit-tieġ ta’ Kana. L-istess, terġa tispikka l-abbundanza kbira, din id-darba abbundanza ta’ inbid.
Ġesù kellu ċ-ċans jagħmel dan il-miraklu mingħajr l-għajnuna tal-appostli. Minkejja dan, għal darbtejn, Ġesù jitlob azzjoni minħand l-appostli: “agħtuhom intom x’jieklu” u “ġibuhomli hawn”. Kemm il-darba nħossuna kif x’aktarx kienu qed iħossuhom l-apposti? X’aktarx kellhom il-ġuħ u xtaqu jaslu lura d-dar, mhux biss biex jieklu iżda wkoll biex jistrieħu. U naħseb meta Ġesù qalilhom “agħtuhom intom x’jieklu” riedu jweġbuh, bil-frażi tant użata llum: “int bis-serjetà!” Iżda Ġesù ried lill-appostli jagħmlu l-parti tagħhom, ried li jkollhom ħniena ma’ dawn in-nies, kif jixtieq li nagħmlu aħna. X’aktarx kien hemm drabi li ħallejna (jew ippretendejna) li ħaddieħor jagħmel dak li stajna għamilna aħna. Ġieli tkun skuża ta’ ħin, oħra ta’ flus, ta’ għejja, ta’ nuqqas ta’ abbiltà u elf skuża oħra. Kif ġara f’dan il-miraklu, meta aħna nagħtu lil Ġesù il-ftit tagħna, Huwa jroddilna ħafna aktar lura. Jistedinna ta’ kuljum biex ngħinu lill-oħrajn, nagħtu sehemna fil-parroċċa jew għaqdiet, ma nħarsux in-naħa l-oħra meta xi ħadd juri li għandu bżonn il-ħin tagħna, li nisimgħu lil min jixtieq jiftaħ qalbu magħna, li bi mħabba nagħmlu dawk il-ħafna affarijiet għall-familja tagħna mingħajr xi drabi lanqas kelma ta’ ringrazzjament. It-talb huwa importanti ħafna, iżda ma nistgħux nafdaw il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor fit-talb biss u jkollna kuxjenza safja. Huwa meħtieġ li nagħmlu l-parti tagħna wkoll.
Dan il-miraklu tal-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet jantiċipa dak li jseħħ fl-Ewkaristija. Fl-Ewkarisitja, permezz tal-Ġisem u d-Demm imqaddes tal-Mulej, aħna niġu mitmugħa bil-grazzja ta’ Alla, grazzja li hija wkoll abbundanti għal dawk li jilqgħuha. L-Ewkaristija hija ikla, tagħtina s-saħħa biex ngħixu b’mod sħiħ. L-Ewkaristija tgħinna biex nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-oħrajn.