Kulħadd kiel u xaba’

It-18-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

Din il-ġimgħa għalkemm se nkomplu nisimgħu qari mill-Evanġelju skont San Mattew, mhux se nisimgħu dwar parabbola iżda se nisimgħu dwar miraklu. Miraklu li smajnieh kemm il-darba u nafuh sew. Xi drabi, minħabba li ‘nafuh’, meta nerġgħu nisimgħuh, moħħna qisu jagħmel shutdown u ma nagħtux attenzjoni għal dak li qegħdin nisimgħu. Għalhekk nagħmlu sforz biex nisimgħu dan il-qari b’attenzjoni u naraw x’qiegħed jgħidilna.

Ġesù, li kien sema bl-aħbar tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista, jixtieq imur għalih waħdu iżda n-nies imorru warajh. Bħal dejjem tiġih ħniena mill-morda u jfejjaq ħafna minnhom, jgħallem lil dawk preżenti dwar l-imħabba ta’ Alla u fl-aħħar, minħabba li kienu f’post imwarrab jagħti ikel lil kulħadd. X’kuntrast din l-ikla mal-ikla li kellu Erodi! L-ikla ta’ Erodi tispiċċa bil-qtil ta’ Ġwanni, ta’ Ġesù tispiċċa b’għaqda, qsim ta’ ikel u ferħ!

Niftakru fil-parabboli tal-Ħdud li għaddew, fosthom taż-żerriegħa tal-mustarda. Din iż-żerriegħa żgħira tikber f’siġra. Wieħed mill-messaġġi tal-Evanġelju tal-lum jorbot ukoll ma’ din it-tema. Lil Alla nagħtuh il-ftit tagħna u bih jagħmel affarijiet kbar. Madanakollu, rridu nkunu aħna li naslu li nagħtuh dan il-ftit. Din il-ġrajja timmeraviljana mhux biss għal fatt li jieklu dawk l-eluf kollha imma forsi aktar, bit-tnax-il qoffa li jinġabru wara. Il-providenza ta’ Alla hija abbundanti. Din tfakkarna f’miraklu ieħor: meta Ġesù jibdel l-ilma f’inbid fit-tieġ ta’ Kana. L-istess, terġa tispikka l-abbundanza kbira, din id-darba abbundanza ta’ inbid.

Ġesù kellu ċ-ċans jagħmel dan il-miraklu mingħajr l-għajnuna tal-appostli. Minkejja dan, għal darbtejn, Ġesù jitlob azzjoni minħand l-appostli: “agħtuhom intom x’jieklu” u “ġibuhomli hawn”. Kemm il-darba nħossuna kif x’aktarx kienu qed iħossuhom l-apposti? X’aktarx kellhom il-ġuħ u xtaqu jaslu lura d-dar, mhux biss biex jieklu iżda wkoll biex jistrieħu. U naħseb meta Ġesù qalilhom “agħtuhom intom x’jieklu” riedu jweġbuh, bil-frażi tant użata llum: “int bis-serjetà!” Iżda Ġesù ried lill-appostli jagħmlu l-parti tagħhom, ried li jkollhom ħniena ma’ dawn in-nies, kif jixtieq li nagħmlu aħna. X’aktarx kien hemm drabi li ħallejna (jew ippretendejna) li ħaddieħor jagħmel dak li stajna għamilna aħna. Ġieli tkun skuża ta’ ħin, oħra ta’ flus, ta’ għejja, ta’ nuqqas ta’ abbiltà u elf skuża oħra. Kif ġara f’dan il-miraklu, meta aħna nagħtu lil Ġesù il-ftit tagħna, Huwa jroddilna ħafna aktar lura. Jistedinna ta’ kuljum biex ngħinu lill-oħrajn, nagħtu sehemna fil-parroċċa jew għaqdiet, ma nħarsux in-naħa l-oħra meta xi ħadd juri li għandu bżonn il-ħin tagħna, li nisimgħu lil min jixtieq jiftaħ qalbu magħna, li bi mħabba nagħmlu dawk il-ħafna affarijiet għall-familja tagħna mingħajr xi drabi lanqas kelma ta’ ringrazzjament. It-talb huwa importanti ħafna, iżda ma nistgħux nafdaw il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor fit-talb biss u jkollna kuxjenza safja. Huwa meħtieġ li nagħmlu l-parti tagħna wkoll.

Dan il-miraklu tal-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet jantiċipa dak li jseħħ fl-Ewkaristija. Fl-Ewkarisitja, permezz tal-Ġisem u d-Demm imqaddes tal-Mulej, aħna niġu mitmugħa bil-grazzja ta’ Alla, grazzja li hija wkoll abbundanti għal dawk li jilqgħuha. L-Ewkaristija hija ikla, tagħtina s-saħħa biex ngħixu b’mod sħiħ. L-Ewkaristija tgħinna biex nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-oħrajn.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 14, 13-21)

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.

Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.

“Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’tista’ taqsam mal-oħrajn?
  4. X’inhuma dawk l-azzjonijiet, anke żgħar li inti tista’ tagħmel għall-familja tiegħek u għall-oħrajn?
  5. Ara dan il-clip https://www.youtube.com/watch?v=QnoPIuENS-I u rriffletti dwaru, Alla għandu pjan għal kulħadd, anke jekk inħossuna nkompetenti; jekk nagħtu dak li għandna lil Alla, jista’ jbiddel dan f’affarijiet kbar.
  6. X’importanza għandha l-Ewkaristija fil-ħajja tiegħek?
  7. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a. Bibbja bil-qari minn San Mattew (14, 13-21)
    b. Xemgħa mixgħula
    ċ. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d. Computer/laptop bil-qari u clips
  8. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  9. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  10. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

“F’dan is-sinjal mirakoluż l-inkarnazzjoni ta’ Alla u l-ħidma tar-redenzjoni huma minsuġin flimkien. Ġesù, fil-fatt, “niżel l-art mid-dgħajsa” biex jiltaqa’ ma’ rġiel u nisa (cf. Mt 14:14). San Massimu l-Konfessur qal li l-Kelma ta’ Alla għamel lilu nnifsu preżenti għalina, billi ħa l-ġisem, meħud minna, u kkonforma ruħu għalina f’kollox minbarra d-dnub, sabiex jurina t-tagħlim tiegħu bi kliem u eżempji addattati għalina (Ambigua 33: PG 91, 1285 C). Hawn il-Mulej joffrilna eżempju elokwenti tal-kompassjoni tiegħu lejn in-nies.”

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu dwar miraklu kbir. Tafu x’inhu miraklu?  Miraklu ma għandu xejn x’jaqsam mal-maġija. Min jitgħallem jagħmel il-maġija jkun jaf eżatt kif għandu jagħmel trick u anke jkun jaf il-magicians l-oħra kif qed jagħmlu t-tricks tagħhom. Miraklu imma huwa xi ħaġa li ħadd, l-anqas l-aktar bniedem bravu, ma jista’ jfisser kif saret.

Alla jixtieq li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn.

  • Printout tal-paġna li hawn aktar l-isfel, waħda għal kull tifel u tifla fil-familja
  • Kuluri
  • Rigal żgħir
  • Stampa ta’ ġemgħa kbira ta’ nies (tfal ta’ din l-età diffiċli jifhmu li 5,000 raġel, mingħajr nisa u tfal huwa fil-fatt numru kbir, għalhekk jekk nuruhom stampa jistgħu jifhmu aktar)

Nistaqsu:

  • X’tiftakar mill-ġrajja li għadna kemm smajna?
  • Kemm kien hemm nies? Ħafna jew ftit? (nuruhom l-istampa biex ngħinnuhom)

Ġesù ried li jagħti lil dawn in-nies kollha xi ħaġa x’jieklu. Hu ma kellux ikel, allura staqsa biex jara kienx hemm xi ħadd li kellu xi ħaġa tal-ikel x’jaqsam mal-oħrajn.

Nistaqsu u nħallu lit-tfal iwieġbu, l-adulti jistgħu fl-aħħar jagħtu t-tweġibiet tagħhom ukoll:

  • Kien hemm meta xi ħadd qasam dak li kellu, miegħek?
  • Kif ħassejtek?
  • Kien hemm xi darba li kellek taqsam xi ħaġa mal-oħrajn?
  • Kif ħassejtek?
  • Dejjem faċli li naqsmu dak li għandna? Għalfejn?

Ġesù staqsa lill-appostli biex jaqsmu dawk il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet mal-oħrajn. Kif taħseb li ħassewhom l-appostli?

Meta l-appostli kienu lesti li jaqsmu dan il-ftit ikel, Ġesù ħa gost li ma riedux iżommu l-ikel għalihom, imbagħad għamel xi ħaġa kbira ħafna, għax kulħadd kiel kemm ried!

Lilna Ġesù wkoll jixtieqna li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. Ġieli naqsmu mill-ikel u mill- ħelu li għandna, ġieli mill-ħin tagħna, meta pereżempju ngħinu fid-dar jew nilgħabu ma’ ħutna, anke meta ma jkollnix aptit. Matul din il-ġimgħa se naħsbu ftit, flimkien mal-ġenituri tagħna, kif nistgħu naqsmu dak li għandna. Kull darba li nagħmlu hekk, il-ġenituri tagħna se jagħtuna stampa ta’ ħobża jew ħuta. Jekk inkunu bravi ħafna se jkollna stampi ta’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Naraw min mill-aħwa se jgħaqqadhom l-ewwel!

Nota lill-ġenituri: aqtgħu l-istampa ta’ hawn taħt biex ikollkom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Kull waħda fiha azzjoni li t-tfal jistgħu jagħmlu, jekk tixtiequ tagħtuhom xi ħaġa differenti x’jagħmlu tistgħu wkoll. Meta jgħaqdu l-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet nagħtuhom ir-rigal. Jekk jixtiequ jistgħu jagħtu l-kulur l-istampi tal-ħobż u ħut.

Niftakru li mhux faċli li t-tfal jidraw jaqsmu dak li għandhom, meta jagħmlu dan għandna nfaħħruhom. Ukoll, huma se jsibuha aktar faċli jekk jaraw li aħna l-kbar naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. Tajjeb li meta naqsmu xi ħaġa ma’ ħaddieħor ngħidu lit-tfal, mhux b’sens ta’ ftaħir imma biex huma jitgħallmu jagħmlu t-tajjeb.

Ġesù inti taf li mhux dejjem faċli li naqsmu mal-oħrajn, għina biex inħobbu lill-oħrajn u naqsmu magħhom dak li għandna.

Flimkien nisimgħu Loaves and Fishes

Bħal kull ġimgħa l-Prayer Corner se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

Għal dawn l-aħħar ftit Ħdud Ġesù kien qiegħed ikellimna bil-parabboli, illum se jkellimna permezz ta’ miraklu. Tafu ssemmu xi mirakli li għamel Ġesù?

Tafu x’inhu miraklu? Miraklu ma għandu x’jaqsam xejn ma’ maġija. Min jitgħallem il-maġija jista’ jispjega dak li qiegħed jiġri, meta jkun hemm miraklu, lanqas l-aktar persuna brava, ma tista’ tispjega dak li ġara.

  • Alla jixtieq li naqsmu dak li għandna
  • Kif ngħidu fit-talba ta’ San Franġisk: “meta nagħtu aħna naqilgħu” (ara talba tas-16-il Ħadd), Alla jagħtina ħafna aktar minn dak li nagħtu
  • Fl-Ewkaristija Ġesù jagħti lilu nnifsu bħala ikel
  • Printout tal-paġna li hawn aktar l-isfel, waħda għal kull tifel u tifla fil-familja
  • Lapes
  • Kuluri

Nistaqsu:

  • Dwar x’hiex kien il-qari tal-lum?
  • Taħsbu li kieku aħna kellna dawn il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet irnexxielna nagħtu lil kulħadd jiekol?

Nafu li aħna għandna naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. X’nistgħu naqsmu mal-oħrajn? (apparti dak li hu ovvju bħal ħelu u flus għall-karità, ngħinu lit-tfal jaraw li Ġesù jixtieq li nagħtu mill-ħin tagħna u ngħinu anke bit-talenti li għandna, għalhekk bħala ġenituri, jekk it-tfal pereżempju huma tajbin fil-kant ma ninkoraġġuhomx biss biex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet imma wkoll li jagħtu sehemhom fil-kor tal-parroċċa u attivitajiet filantropiċi).

  • Kif taħsbu li ħassewhom l-appostli meta Ġesù qalilhom biex huma jagħtu lin-nies jieklu?
  • X’għamel Ġesù bil-ħobż u ħut, qabel ma tahom lill-appostli biex iqassmuhom? (talab)
  • Din tfakkarna f’xi ħaġa simili li għamel Ġesù? (l-aħħar ċena)
  • U tfakkarna f’xi talba li nisimgħu waqt il-quddiesa? (talba Ewkaristika)

Dakinhar, Ġesù fejjaq lin-nies, għallimhom u tahom jieklu. Illum Ġesù jagħmel l-istess magħna. Fil-quddiesa, b’mod speċjali, hu jgħallimna, ifejjaqna mid-dnub u jaħfrilna u jagħtina nieklu. L-ikel li jagħtina permezz tal-Ewkaristija huwa ikel li jagħtina s-saħħa, il-qawwa u l-kuraġġ biex nagħmlu għażliet tajbin.

Il-Matematika ta’ Ġesù huwa daqxejn stramb! Meta jkollna xi somma tal-matematika fejn irridu naqsmu, aħna nużaw id-division, bħal meta per eżempju rridu naqsmu kejk bejn għaxra minn nies. Ġesù, minflok division, bil-ħobż u l-ħut, huwa għamel multiplikazzjoni! Aħna dan żgur ma nistgħux nagħmluh. Imma nemmnu li meta aħna nagħmlu xi ħaġa tajba lilna tiswielna ta’ ħafna ġid, Ġesù jpattihulna bil-kbir, fost oħrajn, inkunu ferħana, nagħmlu ħbieb ma’ oħrajn. Ġesù tant huwa ġeneruż magħna li jagħmel multiplication ta’ dak it-tajjeb li nagħmlu u mhux division.

Nistaqsu:

  • X’nistgħu naqsmu mal-oħrajn?

F’dawn l-aħħar xhur, meta ma stajniex noħorġu, minħabba l-Corona Virus, smajna u rajna ħafna azzjonijiet fejn in-nies qasmu dak li kellhom u kienu ġenerużi ħafna. Tiftakru xi ftit minnhom? Stajtu kontu intom stess jew il-familja tagħkom li għamiltu dawn l-atti ta’karità (it-tobba u nurses li għenu lill-morda, xi wħud lanqas raqdu d-dar biex jipproteġu lill-familja tagħhom, numru ta’ parroċċi u għaqdiet waslu ikel lil dawk li ma setgħux joħorġu jew li tilfu x-xogħol, familji ħadu ħsieb li jixtru għall-familjari u ġirien anzjani, tfal ċemplu lin-nanniet biex ma jħossuhomx waħedhom).

Wara li nkunu dduskutejna dak li nistgħu naqsmu, lit-tfal nagħtuhom il-karti maqtugħin; jiġifieri nagħtuhom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Fuq kull waħda (fuq wara) jiktbu xi ħaġa li jistgħu jagħmlu (pereżempju jiżbarazzaw il-kamra tagħhom). Dawn jagħtuhom lill-ġenituri jew persuni kkonċernati (il-card li tgħid li jiżbarrazzaw il-kamra, jagħtuha lill-ġenituri tagħhom) u jaraw li din l-azzjoni mhux iwegħduha biss imma jagħmluha wkoll. L-istampi tal-ħobż u tal-ħut jistgħu jagħtuhom il-kulur.

Waqt li qegħdin jagħtu l-kulur lill-istampi nistgħu nisimgħu Loaves and Fishes jew Five Loaves and Two Fishes (din jista’ jkun li jkollha bżonn spjegazzjoni ta’ xi kliem).

Ġesù aħna nixtiequ naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, imma mhux dejjem ikollna aptit, u xi drabi tkun anke diffiċli. Imma inti minn ftit ħobż u ħut tajt jieklu lil ħafna u ħafna nies, għina biex aħna nagħmlu l-ewwel pass u negħlbu d-diffikultajiet li nsibu biex naqsmu dak li għandna, għax nemmnu li inti imbagħad tista’ tagħmel ħafna b’dan il-ftit tagħna.

Flimkien ngħidu Salm 145:

Alla kbir u tajjeb
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.
Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,
jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.
Twajjeb u ħanin il-Mulej, idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel.

Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej; iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,
biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej ‘il kull min se jaqa’, iqajjem ‘il kull min hu mitluq.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.

Int tiftaħ idek, u xxabba’ ‘l kulħadd bil-ġid.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.
Jaqtgħalhom xewqthom ‘il dawk li jibżgħu minnu,
jisma ‘l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom.
Tifħir il-Mulej ixandar fommi; u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu għal dejjem ta’ dejjem!

Bħal kull ġimgħa l-Prayer Corner se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

Ir-rakkont tal-Evanġelju tal-jum, jibda’ billi jgħid li Ġesù mar f’post iwarrab min-nies wara li kien sama’ bl-aħbar tal-mewt ta’ xi ħadd. Min kienet il-persuna li kienet mietet?

Correct! Wrong!

F’din is-silta, insiru nafu li Ġesù għamel miraklu. Huwa immultiplika l-ħobż u l-ħut biex jitma l-folla tan-nies li kienu marru biex jarawh u jisimgħuh. Kemm ġabu ħobż u ħut quddiem Ġesù qabel ma’ hu immultiplikahom?

Correct! Wrong!

Dan il-mirkalu Ġesù għamlu f’ħin partikolari tal-ġurnata. X’ħin kien dan il-ħin?

Correct! Wrong!

Jidher li l-ikel li pprovda Ġesù lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal li marru jfittxuh u jisimgħuh mhux biss kien biżżejjed għal kulħadd, iżda kien għad fadal iżjed ukoll. Kemm-il qoffa ġabru bl-ikel li kien għad fadal?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.