Illum huwa l-ħames Ħadd tar-Randan. Il-ġimgħa d-dieħla niċċelebraw Ħadd il-Palm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Mixjin flimkien ma’ Ġesù, lejn il-passjoni tiegħu.
Il-qari tal-llum huwa mit-12-il kapitlu ta’ San Ġwann, u hija ġrajja li seħħ wara li Ġesù kien midluk f’Betanja u d-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm. Ġesù jgħallem lid-dixxipli dwar il-mod kif Alla għad jiglorifikah. Il-vuċi mis-sema tikkonferma dak li jgħid. Ġesù jbassar it-tbatija, mewt u qawmien tiegħu u jħejji lill-appostli biex jemmnu fis-salvazzjoni li kienet ser iġġib il-mewt tiegħu.
Fil-mixja tagħna lejn l-Għid, is-salib isir aktar sinjifikanti. Illum Ġesù qiegħed ikellimna dwar il-mewt tiegħu fuq is-salib. Għalih hija glorifikazzjoni, għalina aktar ta’ dilemma. Strument ta’ tortura u eżekuzzjoni, isir strument ta’ ħajja.
Xi jfisser is-salib għalik? Matul ir-Randan nimmeditaw aktar ‘it-Triq tas-Salib’. Il-mixja tagħna mal-Mulej xi drabi tinvolvi tbatija u anke skumdità. Din is-sena forsi xi ftit aktar minħabba r-restrizzjonijiet li qegħda ġġib magħha din il-pandemija. Iżda fl-istess ħin, ‘l-esperjenzi tagħna tas-salib’ jistgħu jgħinu biex nikbru spiritwalment. Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib ħolqot relazzjoni ġdida bejnietna. L-għotja tiegħu nnifsu u s-sagrifiċċju tiegħu, juri kemm Alla jħobbna. L-ubbidjenza ta’ Ġesù, turina li l-glorja tas-salib tfisser li tmut għalik innifsek. Ġesù juża l-metafora tal-ħabba tal-qamħ, biex ifisser kif il-mewt tiegħu ser tkun ta’ benefiċċju. Dan ix-xebh mal-ħabba tal-qamħ, ikellem lilna wkoll. Bħala nsara, aħna msejħa biex nikkonvertu. Sakemm ma mmutux għalina nfusna u insiru anqas egoisti, ser nibqgħu waħedna mingħajr ir-rigal ta’ ħajja eterna. Matul ir-Randan, aħna msejħa għall-indiema. Għandna ċans nerġgħu nduru lejn Alla u ‘nagħmlu ħafna frott.’ Hija l-mixja ta’ Kristu lejn il-mewt u r-riżurezzjoni li tiġbidna lejh. Qisna, aħna b’xi mod, il-frott ta’ dik il-mixja, u ġo fina hemm iż-żerriegħa tiegħu.
Il-vuċi mis-sema tikkonferma dak li qal Ġesù, kważi kważi tweġiba għat-talba tiegħu. Bħal dak inhar tal-magħmudija ta’ Ġesù u fit-trasfigurazzjoni, il-vuċi ta’ Alla tapprova is-sagrifiċċju li Ġesù jagħmel għan-nom tagħna.
Permezz tas-sagrifiċċu ta’ Ġesù, Alla qiegħed joffri l-imħabba tiegħu, u aħna msejħa nwieġbu għal din l-imħabba. Bħala nsara, aħna nimxu wara Ġesù lejn is-salib, biex jurina t-triq għal għand il-Missier. B’dan il-mod, is-salib huwa stedina universali biex nimxu wara Ġesù u sinjal universali tal-imħabba ta’ Alla.
Nitolbu li aħna wkoll nistgħu nirriflettu l-imħabba ta’ Alla, anke jekk l-imħabba tiegħu twassal għas-salib. Il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù wasslu għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.