Waslet is-siegħa

Il-Ħames Ħadd tar-Randan

Illum huwa l-ħames Ħadd tar-Randan. Il-ġimgħa d-dieħla niċċelebraw Ħadd il-Palm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Mixjin flimkien ma’ Ġesù, lejn il-passjoni tiegħu. 

Il-qari tal-llum huwa mit-12-il kapitlu ta’ San Ġwann, u hija ġrajja li seħħ wara li Ġesù kien midluk f’Betanja u d-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm. Ġesù jgħallem lid-dixxipli dwar il-mod kif Alla għad jiglorifikah. Il-vuċi mis-sema tikkonferma dak li jgħid. Ġesù jbassar it-tbatija, mewt u qawmien tiegħu u jħejji lill-appostli biex jemmnu fis-salvazzjoni li kienet ser iġġib il-mewt tiegħu.

Fil-mixja tagħna lejn l-Għid, is-salib isir aktar sinjifikanti. Illum Ġesù qiegħed ikellimna dwar il-mewt tiegħu fuq is-salib. Għalih hija glorifikazzjoni, għalina aktar ta’ dilemma. Strument ta’ tortura u eżekuzzjoni, isir strument ta’ ħajja.

Xi jfisser is-salib għalik? Matul ir-Randan nimmeditaw aktar ‘it-Triq tas-Salib’. Il-mixja tagħna mal-Mulej xi drabi tinvolvi tbatija u anke skumdità. Din is-sena forsi xi ftit aktar minħabba r-restrizzjonijiet li qegħda ġġib magħha din il-pandemija. Iżda fl-istess ħin, ‘l-esperjenzi tagħna tas-salib’ jistgħu jgħinu biex nikbru spiritwalment. Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib ħolqot relazzjoni ġdida bejnietna. L-għotja tiegħu nnifsu u s-sagrifiċċju tiegħu, juri kemm Alla jħobbna. L-ubbidjenza ta’ Ġesù, turina li l-glorja tas-salib tfisser li tmut għalik innifsek. Ġesù juża l-metafora tal-ħabba tal-qamħ, biex ifisser kif il-mewt tiegħu ser tkun ta’ benefiċċju. Dan ix-xebh mal-ħabba tal-qamħ, ikellem lilna wkoll. Bħala nsara, aħna msejħa biex nikkonvertu. Sakemm ma mmutux għalina nfusna u insiru anqas egoisti, ser nibqgħu waħedna mingħajr ir-rigal ta’ ħajja eterna. Matul ir-Randan, aħna msejħa għall-indiema. Għandna ċans nerġgħu nduru lejn Alla u ‘nagħmlu ħafna frott.’ Hija l-mixja ta’ Kristu lejn il-mewt u r-riżurezzjoni li tiġbidna lejh. Qisna, aħna b’xi mod, il-frott ta’ dik il-mixja, u ġo fina hemm iż-żerriegħa tiegħu.

Il-vuċi mis-sema tikkonferma dak li qal Ġesù, kważi kważi tweġiba għat-talba tiegħu. Bħal dak inhar tal-magħmudija ta’ Ġesù u fit-trasfigurazzjoni, il-vuċi ta’ Alla tapprova is-sagrifiċċju li Ġesù jagħmel għan-nom tagħna.

Permezz tas-sagrifiċċu ta’ Ġesù, Alla qiegħed joffri l-imħabba tiegħu, u aħna msejħa nwieġbu għal din l-imħabba. Bħala nsara, aħna nimxu wara Ġesù lejn is-salib, biex jurina t-triq għal għand il-Missier. B’dan il-mod, is-salib huwa stedina universali biex nimxu wara Ġesù u sinjal universali tal-imħabba ta’ Alla.

Nitolbu li aħna wkoll nistgħu nirriflettu l-imħabba ta’ Alla, anke jekk l-imħabba tiegħu twassal għas-salib. Il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù wasslu għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 12, 20-33)

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Mod tajjeb kif tista’ tirrifletti fuq il-qari tal-lum, huwa li matul din il-ġimgħa ssib ħin biex titlob ‘it-Triq tas-Salib’ (Via Sagra) u tikkontempla kemm Ġesù bata’ għalina.
  4. Is-salib juri b’mod ċar l-imħabba ta’ Alla. Is-salib ta’ Ġesù huwa t-tama tagħna għal salvazzjoni eterna. Santa Roża ta’ Lima tgħid, ‘Mingħajr is-salib, m’hemm l-ebda sellum ieħor li minnu nistgħu naslu l-Ġenna’. Matul din il-ġimgħa itlob biex tingħata l-grazzja li tifhem li s-salib huwa l-għajn ta’ kull ħajja u kull barka. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (12, 20-33);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum ser nisimgħu lil Ġesù jitkellem dwaru nnifsu, dwar dak li kien ser jiġrilu u dwar ir-raġuni għalfejn hu sar bniedem. In-nies li kienu ma’ Ġesù ma kienux fehmu għalfejn Ġesù ġie fid-dinja. Huma kienu ħasbu li Ġesù kien ser iwaqqaf saltna bħalma jwaqqfu s-slaten l-oħra fuq din l-art. Madanakollu, s-saltna ta’ Ġesù, mhix bħal dawn is-saltniet l-oħra u ssib il-milja tagħha fil-ġenna. Huwa ġie fid-dinja biex imut għad-dnubiet tagħna, biex b’hekk aħna nkunu nistgħu ningħaqdu miegħu fil-ġenna.

  • Ġesù miet fuq is-salib għax ried hu, biex b’hekk iħallas għal dnubietna
  • Ma hemm xejn aktar qawwija mill-imħabba ta’ Ġesù
  • Kalamita b’saħħitha
  • 3 jew 4 oġġetti tal-metall, bħal paper clips, safety pins, staples, għatu ta’ vażett

L-Evanġelju jispiċċa bil-kliem ta’ Ġesù, li jgħid lin-nies “meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”

X’taħsbu li Ġesù jrid jgħid b’dawn il-kliem?

Ġesù kien qiegħed jgħallem lin-nies u jgħidilhom kif kien se jmut. Kien jaf li l-ġurnata meta jsallbuh u li jmur lura l-Ġenna kienet fil-qrib. Lil dawk ta’ miegħu qalilhom, “qiegħed inħoss ruħi mħawwda. X’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”

Ejjew naraw x’tista’ tagħmel din il-kalamita. Jekk iżżommha qrib tal-oġġetti tal-ħadid, x’jiġri? Ipprova u ara x’ser jiġri. L-oġġetti tal-ħadid jinġibdu lejn il-kalamita li għandha forza li ma tidhirx. Din il-forza li ma narawhiex qegħda tiġbed l-affarijiet tal-metall lejha. 

Din il-forza b’saħħitha, ma hi xejn ħdejn is-saħħa li għandu Ġesù biex jiġbidna lejh. Hu tant iħobbna li miet fuq is-salib biex iħallas għad-dnubiet tagħna. Meta naraw kemm iħobbna, ninġibdu lejh, nersqu qrib tiegħu u bħal tfal ta’ Alla, nafdaw fih.

Meta aħna nagħmlu xi ħaġa li lilu ma togħġbux, inkunu qegħdin nersqu il-bogħod minn Ġesù. Taħsbu li Ġesù, ma jibqax iħobbna meta nagħmlu hekk? Le. L-imħabba tiegħu hija tant b’saħħitha li jerġa jiġbidna lejh speċjalment permezz tas-sagrament tal-qrar. Ara hawn.

Biex nenfassizaw l-imħabba ta’ Ġesù għalina, nisimgħu, “Yes Jesus Loves Me.” 

Fl-Evanġelju tal-lum,  Ġesù jgħidilna li jekk “il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” Ġesù juża x-xbieha tal-ħabba tal-qamħ biex jitkellem dwar dak li kien ser jiġrilu. Ġesù qiegħed jerġa jitkellem dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu, u wkoll dwar l-imħabba tiegħu li qisha żerriegħa ġo qalbna.

  • Ġesù aċċetta li jmut għalina fuq is-salib biex jirbaħ id-dnub u biex bil-qawmien tiegħu mill-mewt, in-nies jemmnu li hu vera l-Iben ta’ Alla
  • L-imħabba ta’ Ġesù hija b’saħħitha u meta jkollna l-imħabba ta’ Ġesù ġo fina, irridu nsostnuha biex tikber
  • Żerriegħa
  • Ħamrija
  • Qasrija żgħira jew tazza tal-yogurt

Ħafna mit-tagħlim ta’ Ġesù jitkellem dwar in-natura. Tiftakruha l-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’ u l-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda? Illum, Ġesù jgħidilna li l-ħajja, titwieled minn mewt, juża l-eżempju taż-żerriegħa li tinżera’ fil-ħamrija, biex jispjega dak li jrid jgħid.

Intom qatt żrajtu xi ħaġa? Jew forsi rajtu lil xi ħadd jiżra’ l-ġulbiena. Dawn iż-żerriegħa żgħar huma iebsa u niexfa u jidhru bla ħajja. Meta niżirgħuhom f’ħamrija niedja u ngħattuhom u nħalluhom fil-kundizzjonijiet tajba, wara ftit ġranet narawhom inibtu mill-ħamrija. Wara ftit isiru pjanti! 

Ġesù jgħid lill-ħbieb tiegħu li hu kellu jkun bħal żerriegħa. Kien jaf li kellu jmut fuq is-salib, li jidfnuh, imma wara tlett ijiem iqum mill-mewt. Hu kien imnikket, imma kien jaf li kellu jagħmel dan. Hu qal lill-appostli li “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” Ġesù ra l-mewt tiegħu bħall-proċess taż-żerriegħa li dehret mejta, iżda tikber, issir pjanta u tagħmel aktar żerriegħa. Bħal pjanta aħna msejħa li nikbru u nagħmlu l-frott … mhux tuffiegħ u larinġ, imma ż-żerriegħa tal-imħabba ta’ Alla f’qalbna, irridu nitimgħuha u b’hekk nagħmlu affarijiet tajbin. Għandha bżonn kundizzjonijiet tajba biex tikber. Għandna nistaqsu lil Ġesù biex jgħinna nikbru fl-imħabba tagħna lejh u lejn it-tagħlim tiegħu.

Bl-imġiba tagħna nistgħu nuru lil ħaddieħor kif l-imħabba ta’ Ġesù tista’ tikber. Anke jekk nagħmlu xi ħaġa żgħira lil xi ħadd, tista’ tikber f’xi ħaġa kbira. 

X’tista’ tagħmel matul din il-ġimgħa li tagħmel differenza lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna? Pereżempju, tista’ ċċempel lil xi ħadd li qiegħed waħdu u titkellem miegħu, jew tibgħatlu xi tpinġija li għamilt jew xi kartolina biex turi li qiegħed taħseb fih.

Issa iżra’ ż-żerriegħa li ppreparajt u agħtihom l-ilma, sadanittant tista’ tisma’ din is-song.

Wara poġġihom fit-tieqa … u dalwaqt tarahom jikbru!

1. Fl-Evanġelju tal-lum, naqraw li xi Griegi marru jfittxu lil wieħed mill-appostli biex jistaqsu għal Ġesù. Min kien dan l-appostlu?

Correct! Wrong!

2. Meta l-Griegi marru għand Filippu, huwa mar ifittex lil wieħed minn sħabu l-appostli biex jgħidlu dak li kien ġara. Lil min kellem Filippu?

Correct! Wrong!

3. Waqt li kien qed ikellem lill-appostli, minkejja li ħass il-mument iebes tal-passjoni riesaq lejh, Ġesù talab u qal...

Correct! Wrong!

4. Ġesù ħabbar ukoll li f'dak il-mument kien se jitkeċċa xi ħadd. Għal min kien qed jgħid?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.