L-isem ta’ Santa Klara huwa marbut mas-sejħa Franġiskana u mal-belt t’Assisi fl-Italja. Kienet tgħix f’Assisi u mxiet wara San Franġisk fis-sejħa għal ħajja ddedikata lill-Mulej bbażata fuq il-faqar.
Tfajliet oħra mxew wara dan l-ideal u flimkien ma’ Santa Klara kienu l-ewwel sorijiet fit-Tieni Ordni li waqqaf San Franġisk, wara dik tal-Patrjiet Frangiskani. Illum dawn is-sorijiet huma magħrufa bhala il-Klarissi. Il-ħajja tagħhom hi bbażata fuq talb, penitenza u faqar.
F’Malta għandna monasteru tal-Klarissi f’San Ġiljan u ieħor fil-Munxar, Għawdex. Barra minn hekk, wieħed mill-Kulleġġi Edukattivi f’Malta huwa msejjaħ Kulleġġ Santa Klara.
Wara li kienet semgħet lil San Franġisk jitkellem dwar Ġesù, Santa Klara xtaqet tagħti ħajjitha kollha lil Alla. Għall-ewwel, il-familja tagħha ma aċċettawx imma għax vera kienet tħobb lil Alla hi żammet mal-għażla li ħadet. Maż-żmien, xi membri tal-familja tagħha ngħaqdu magħha fil-ħajja reliġjuża wkoll.