
San Disma hu magħruf bħala l-Qaddis li kien ikkanonizzat minn Ġesù stess minn fuq is-salib! Jgħidulu wkoll “Il-Ħalliel it-tajjeb!” u “Il-Ħalliel li seraq il-Ġenna”!
Jista’ ħalliel ikun tajjeb? X’nafu fuqu? Hemm referenza qasira waħda għalih fl-Evanġelu ta’ San Luqa Kap. 23, 39-43.
Huwa wieħed miż-żewġ ħallelin li kienu msallbin flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu fuq il-Kalvarju. Filwaqt li wieħed mill-ħallelin kien qed jiddieħaq b’Ġesù għax ma setax isalva lilhom u lilu nnifsu, Disma – il-ħalliel l-ieħor – irrikonoxxa li l-kastig li kien qed jirċievi kien jistħoqqlu, filwaqt li sostna li Ġesù ma kienx jistħoqqlu dik il-mewt krudila. Hu ma talabx miraklu biex jiġi salvat minn dik il-mewt mimlija tbatija, iżda talab bil-ħerqa lil Ġesù: “… ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.”
Hu possibbli li din setgħet tfisser li Disma kien jaf li Ġesù kien idur mal-Galilija u l-Lhudija, jippriedka fuq is-Saltna ta’ Alla, ifejjaq lill-morda u jqajjem lill-mejtin. It-talba tiegħu kellha risposta malajr minn Ġesù, “Tassew ngħidlek, illum tkun miegħi l-Ġenna!”
Anke f’dik l-aħħar siegħa, fl-aħħar nifs tiegħu waqt li kien qed isofri uġigħ kbir, Ġesù ra l-indiema ta’ Disma. Hu mhux biss kellu dirgħajh miftuħa fuq is-salib imma kellu qalbu miftuħa beraħ biex jagħti tgħanniqa kbira ta’ mħabba u ħniena lil dan il-“Ħalliel Ikkonvertit”.
