San Disma

25 ta' Marzu

San Disma hu magħruf bħala l-Qaddis li kien ikkanonizzat minn Ġesù stess minn fuq is-salib! Jgħidulu wkoll “Il-Ħalliel it-tajjeb!” u “Il-Ħalliel li seraq il-Ġenna”!

Jista’ ħalliel ikun tajjeb? X’nafu fuqu? Hemm referenza qasira waħda għalih fl-Evanġelu ta’ San Luqa Kap. 23, 39-43. 

Huwa wieħed miż-żewġ ħallelin li kienu msallbin flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu fuq il-Kalvarju. Filwaqt li wieħed mill-ħallelin kien qed jiddieħaq b’Ġesù għax ma setax isalva lilhom u lilu nnifsu, Disma – il-ħalliel l-ieħor – irrikonoxxa li l-kastig li kien qed jirċievi kien jistħoqqlu, filwaqt li sostna li Ġesù ma kienx jistħoqqlu dik il-mewt krudila. Hu ma talabx miraklu biex jiġi salvat minn dik il-mewt mimlija tbatija, iżda talab bil-ħerqa lil Ġesù: “… ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.”

Hu possibbli li din setgħet tfisser li Disma kien jaf li Ġesù kien idur mal-Galilija u l-Lhudija, jippriedka fuq is-Saltna ta’ Alla, ifejjaq lill-morda u jqajjem lill-mejtin. It-talba tiegħu kellha risposta malajr minn Ġesù, “Tassew ngħidlek,  illum tkun miegħi l-Ġenna!” 

Anke f’dik l-aħħar siegħa, fl-aħħar nifs tiegħu waqt li kien qed isofri uġigħ kbir, Ġesù ra l-indiema ta’ Disma. Hu mhux biss kellu dirgħajh miftuħa fuq is-salib imma kellu qalbu miftuħa beraħ biex jagħti tgħanniqa kbira ta’ mħabba u ħniena lil dan il-“Ħalliel Ikkonvertit”.

Isma’ flimkien mat-tfal ir-rakkont tal-Iben il-Prodigu mill-Bibbja tat-Tfal kif ukoll jaraw xi film fuqu. Iddiskuti mat-tfal kif:

  • Alla hu bħall-Missier fl-istorja.
  • Dwar dak li jaħsbu li l-iben għamel ħażin
  • Il-mod kif trattah missieru meta ġie lura.

Aħna lkoll nagħmlu affarijiet ħżiena. Imma Alla ma jieqaf qatt iħobbna anke meta nagħmlu l-ħażin.  Alla dejjem jaħfrilna meta ngħidu “jiddispjaċini” lilu u lil dawk li lilhom inkunu għamilna l-ħsara. Tajjeb li tgħin lit-tfal jammettu xi żbalji li għamlu u jitolbu lil Alla jaħfrilhom.

Jekk it-tfal ikunu akbar, tista’ żżid ukoll li Ġesù ħallielna s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fejn nistgħu ngħidu lil Alla “jiddispjaċini” u fejn nitolbuh jgħinna biex ma nerġgħux.

Toqgħodx tindika l-“imġiba ħażina” tagħhom int stess! Ħallihom jaslu huma stess sal-punt li jammettuha.

Ħeġġiġhom jissuġġerixxu modi kif jitolbu maħfra, biex jgħidu: “Jiddispjaċini.” Xi tfal isibuha diffiċli biex jesprimu dan bil-kliem. Ħallihom jipproponu modi kif jistgħu juri li jkun iddispjaċihom billi: jagħtu tgħanniqa jew bewsa, jew iħallu nota, messaġġ, jew fjura.

Ħin tat-Talb mal-Familja

Itolbu flimkien ir-Rużarju:  il-Misteri tat-Tbatija.

Għalkemm San Disma wettaq ħafna dnubiet f’ħajtu, hu xorta ċeda u staqsa l-maħfra lil Ġesù fuq is-salib. Dan l-episodju jibqa’ ifakkarna li Alla dejjem hemm lest li jaħrilna d-dunbiet li nagħmlu. Kulma iridu nagħmlu hu li nċedu!

Attività: Worship Song!

Illum nqimu lil Alla bili nkwantaw flimkien din il-Worship Song!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.