Hosanna!

Ħadd il-Palm

Illum niċċelebraw Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din twassal għall-akbar ċelebrazzjoni tas-sena liturġika, l-Għid il-Kbir, meta Kristu jqum rebbiegħ fuq il-mewt. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, niftakru b’solennità fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, speċjalment waqt it-Tridu tal-Għid (3 ijiem speċjali), li jibdew minn Ħamis ix-Xirka, u jkomplu matul il-Ġimgħa l-Kbira, u l-Viġili tal-Għid. 

Il-quddiesa tal-lum, tibda bil-purċissjoni bi friegħi tal-palm u l-Evanġelju jipproklama d-daħla trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, riekeb fuq felu misluf. Il-folla li kienet miġbura għall-Ikla tal-Għid bdiet tgħajjat b’entużjażmu, “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!” waqt li kulħadd kien qiegħed ixejjer il-friegħi tal-palm. Il-folla għarfet lil Ġesù bħala Sultan li kien ser jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. Iżda Ġesù ġie bħala Sultan tal-paċi, imħabba u maħfra. Ma ġiex biex iġib il-gwerra. 

L-Evanġelju skont San Mark, li nisimgħu waqt il-Liturġija tal-Kelma, jagħtina r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù. F’dan il-qari, Ġesù jifhem li l-mewt tiegħu kienet determinata minn qabel, kienet parti mill-misteru tal-pjan u l-iskop ta’ Alla. B’ubbidjenza, Ġesù, għax ried,  jagħti ħajtu biex jerġa jeħodha lura wara tlett ijiem. Il-ferħ tad-dħul tiegħu Ġerusalemm, ma tantx tawwal! Wara li Ġesù ċċelebra l-ikla tal-Għid (l-Aħħar Ċena) mad-dixxipli tiegħu, fejn hu bassar li l-fidi tagħhom ser tkun sfidata (xi ħaġa li huma ċaħdu), mar fil-ġnien biex jitlob. Ġesù mar biex jitlob waħdu lil Missier, u jsejjaħlu “Abba,” (missier bl-aramajk), sinjal ta’ mħabba u relazzjoni intima.  

Bħala nsara, lil Alla, aħna nagħrfuh bħala vera “Abba”, missierna fis-sema? Aħna nafdawh jew aktar nixbħu lid-dixxipli, li Ġesù sabhom reqdin fil-ġnien? Meta n-nies qabdu lil Ġesù, Mark jgħid li “d-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu.” F’dan il-punt hekk kritiku, nistaqsu lilna nfusna, “Jien nabbandunah lil Ġesù? Jien ser nibqa’ fidil/a lejn Ġesù fil-mumenti diffiċli ta’ ħajti?” 

Meta arrestaw lil Ġesù, kien jaf li wasal iż-żmien li jseħħ dak li kien hemm fl-Iskrittura. Hu baqa’ sieket quddiem dawk li akkużawh, l-ewwel il-membri tas-Sinedriju  (l-anzjani Lhud), imbagħad quddiem Pilatu. Id-dixxipli ma dehrux waqt il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Il-Ġimgħa Mqaddsa tistedinna biex nirriflettu u nimmeditaw il-kruċifissjoni, is-salib ta’ Ġesù, bħala r-raġuni għalfejn l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Hu kien iddestinat li jmut u jqajjimna flimkien miegħu. Wara li Ġesù kien kkundannat għall-mewt, ma jerġax jitkellem, ħlief l-aħħar għajta ta’ “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” Il-purtiera tas-santwarju tat-tempju ċċarrtet fi tnejn, eżatt f’dak il-mument, u kixfet l-aktar post qaddis. Din tikkonferma li Ġesù huwa Iben Alla, u permezz tas-salib huwa sar s-sagrifiċċju aħħari, li rrivela l-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna.  

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 14:1- 15:47 jew Mk 15:1-39)

Aqra r-rakkont tal-Passjoni hawn.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex? 
  3. Matul din il-ġimgħa, immedita dwar il-passjoni u mewt ta’ Ġesù. Aħseb b’mod partikolari dwar il-mewt tiegħu fuq is-salib. Is-salib huwa sagrifiċċju uniku, permezz tiegħu aħna nistgħu nissieħbu fil-Misteru tal-Għid. Nitolbu għall-kuraġġ biex nimxu wara Ġesù, anke fil-ġranet l-aktar diffiċli. 
  4. It-talb u t-tama tagħna matul din il-ġimgħa, huma li nikbru fl-imħabba, devozzjoni u qima għal Ġesù, li hu l-Mulej u Salvatur tagħna, imsallab fuq is-salib. Santa Roża ta’ Lima tgħid hekk: “Mingħajr is-salib, m’hemm l-ebda sellum ieħor li minnu nistgħu naslu l-Ġenna.” 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    A. Bibbja bil-qari minn San Mark  (Mk 14:1- 15:47 jew Mk 15:1-39)
    B. Xemgħa  
    Ċ. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħmar   
    D. Computer/laptop bil-qari u clips 
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja


Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu dwar ċelebrazzjoni speċjali li darba minnhom ġrat lil Ġesù. Illum Ħadd il-Palm. Hija ġurnata, li fiha niftakru kif in-nies ferħu u ċċelebraw meta Ġesù daħal Ġerusalemm, aktar minn elfejn sena ilu. Ħafna qabel it-twelid ta’ Ġesù, Alla kien wiegħed lill-poplu tiegħu, li jibgħat sultan li kellu jġib il-paċi.

  • Ġesù huwa s-Sultan tal-paċi
  • Aħna għandna nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna
  • Karta jew kartonċina ħadra
  • Lapes
  • Gloj jew tape
  • Imqass
  • Stikek tal-ġelat

Ġesù kien miexi mad-dixxipli lejn il-belt ta’ Ġerusalemm. Kien ftit ġranet biss, qabel ma kellu jmut fuq is-salib. Madanakollu d-dixxipli, kienu għadhom ma fehmux b’liema mewta kien se jmut Ġesù. Hekk kif waslu qrib il-belt, Ġesù qal lil tnejn mid-dixxipli biex imorru qablu fil-belt ta’ Betfaġe u Betanja. Qalilhom li hemm kellhom jaraw felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. “Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom, ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’, għidulu, ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn’”.

Id-dixxipli għamlu kif qalilhom Ġesù u ġara dak kollu kif kien qalilhom. Huma sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh u kif kienu ser jeħduh, xi rġiel staqsewhom: “X’intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?” Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jeħduh.

Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, biex Ġesù jkun riekeb komdu fuqu. Kif daħlu Ġerusalemm, kien hemm eċitament kbir u n-nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u qaċċtu xi friegħi tal-palm u bdew ixejruhom u jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!” Oħrajn imxew wara Ġesù u għajtu: “Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” In-nies kienu ferħana b’Ġesù dieħel Ġerusalemm. Ħafna snin qabel, il-profeti kienu kitbu li Sultan għad jidħol Ġerusalemm riekeb fuq felu u issa kien wasal!

Kienet ċelebrazzjoni ta’ ħafna ferħ, in-nies kienu qed jifirħu u jkantaw, kif aħna nkantaw “Happy birthday” meta mmorru xi birthday party. Kien żmien ta’ ferħ u paċi kbir.

Intom ġieli smajtu s-song Dan huwa l-jum ? Isimgħu din is-song u kantaw magħha, il-kliem faċli ħafna. Fl-istess ħin ifirħu, għax Ġesù hu s-Sultan tal-paċi. 

Biex tkunu vera tistgħu tiċċelebraw Ħadd il-Palm, tistgħu tagħmlu friegħi tal-palm (araw il-mudell mehmuż) u xxejjruhom waqt li tkantaw din is-song.

Illum Ħadd il-Palm, huwa l-aħħar Ħadd tar-Randan u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Niftakru kif Ġesù kien milqugħ Ġerusalemm minn folla ta’ nies ixejru weraq tal-palm u jgħajjtu: ‘Hosanna’. Nisimgħu wkoll kif Ġesù ġie arrestat u msallab. Ejjew naħsbu ftit aktar dwar din il-ġrajja. 

  • Ġesù huwa verament l-Iben ta’ Alla 
  • Ġesù jgħallimna li għandna ngħinu lill-oħrajn mingħajr tgergir 
  • Printout tas-salib
  • Printout ta’ Ġesù
  • Kuluri
  • Imqass
  • Gloj

Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum tibda b’Ġesù dieħel Ġerusalemm riekeb fuq felu. Il-folla bdiet tfaħħar lil Ġesù u n-nies, tefgħu l-imnatar tagħhom mal-art quddiemu u bdew ixejru friegħi tal-palm, hekk kif Ġesù għadda riekeb. Meta għamlu dan il-ġest, urew li lil Ġesù kienu qegħdin jagħrfuh bħala Re. U bdew jgħajjtu: “Hosanna! Imbierek is-Sultan!” 

Taħsbu li kulħadd kien qiegħed jifraħ b’Ġesù, huwa u dieħel Ġerusalemm? Il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, ma ferħux b’Ġesù, għax huma kienu rrabjati u mimlijin bl-għira għalih. Kienu qegħdin jistennew biex isibu l-mument tajjeb biex jarrestawh. Ġesù kien jaf li sal-aħħar tal-ġimgħa, kienu ser jaqbduh u jsallbuh. 

Bħalma l-folla xejret il-friegħi tal-palm, illum aħna wkoll nxejru l-palm u friegħi taż-żebbuġ qabel ma nidħlu l-knisja għall-quddiesa. Is-saċerdot, imbagħad iberikhom. Wħud minn dawn il-friegħ jinħaqru u jintużaw bħala riemed, f’Ras ir-Randan tas-sena d-dieħla.  

Dan il-Ħadd nistgħu wkoll insejħulu Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. Tafu għalfejn? 

Wara li nisimgħu d-daħla trionfali ta’ Ġesù, Ġerusalemm, waqt il-Lituriġija tal-Kelma naqraw dwar it-tbatija ta’ Ġesù, il-passjoni u l-ġrajjijiet l-oħra li wasslu għall-mewt tiegħu fuq is-salib.  

Kif spiċċa l-Aħħar Ċena, Ġesù mar jitlob, mad-dixxipli tiegħu fil-ġnien tal-Ġetsemani. Hawnhekk ġie arrestat. Ħaduh quddiem Pilatu, għaddewh biż-żmien, sawtuh u libbsulu kuruna tax-xewk fuq rasu. 

Taħsbu li Ġesù weġġa’ b’din il-kuruna tax-xewk? Naħseb li Ġesù weġġa’, iżda ma gergirx. Wara ġagħluh iġorr salib sal-post fejn sallbuh. Dan is-salib kien tqil, għalhekk is-suldati staqsew lil Xmun minn Ċirene biex iġorru hu, minflok Ġesù. X’taħsbu li ħass Xmun, meta għen lil Ġesù? Meta jistaqsu għall-għajnuna tagħna, aħna nagħtu l-għajnuna mingħajr ma ngorru? 

Ġeneralment, insibuha faċli li ngħinu, bħal per eżempju, nifirxu s-sodda, inpoġġu l-ħwejjeġ f’posthom. Aħna nafu li jekk inżommu l-kamra tagħna pulita, xi ħadd ser ikun ferħan. Madanakollu hemm drabi, meta ma tkunx daqshekk faċli li ngħinu, għax ikun hemm min iwaqqgħana għaċ-ċajt, għax jara li dak li qegħdin nagħmlu mhux worth it. Minkejja dan, Ġesù jgħallimna li dejjem għandna nippruvaw ngħinu lil dawk fil-bżonn. Matul ir-Randan konna qegħdin nippruvaw nagħmlu affarijiet żgħar bi mħabba, u dawn jistgħu iwasslu biex iħallu mpatt kbir fuq il-familja tagħna u fil-komunità, u jista’ jwassal li oħrajn jibdew jagħmlu bħalna. 

Ġesù kien jaf li ser imut fuq is-salib, u aċċetta bil-qalb. Is-suldati waħħlu biċċa għuda fuq is-salib ta’ Ġesù, bil-kliem: “Dan is-Sultan tal-Lhud”. In-nies bdew jgħajjtu kliem li jweġġa’, iżda Ġesù ma qal xejn. Ġesù huwa s-Sultan tal-paċi mhux tal-ġwerra. 

Għalfejn Ġesù kellu jsofri dawk il-kliem krudili u jsofri wkoll is-swat? 

Hu kien qiegħed jagħtina eżempju. Hu kien lest li jbati biex ikun jista’ jgħinna meta aħna nkunu muġugħa u n-nies iweġġgħuna. Ġesù huwa s-sid tal-qalb tagħna, għax iħobbna u jifhimna. Qatt ma għandna ninsew kemm Ġesù, bata għalina u li hu verament l-Iben ta’ Alla. Illum għamel wegħda f’qalbek li dejjem ser tibqa’ tiftakar kemm Ġesù bata għalina għax iħobbna. 

Biex niftakru li Ġesù miet għalina fuq salib, ipprintjaw is-salib u x-xbieha ta’ Ġesù. Agħtuhom il-kulur. Waħħlu lil Ġesù fuq is-salib, u poġġuh fuq il-mejda fejn intom titolbu flimkien mal-familja tagħkom. 

Irroddu s-salib 

Ġesù, urini kif nista’ nilqgħek fil-ħajja tiegħi. Għinni biex dejjem inkun lest li ngħin lill-oħrajn. Nixtieq nitlob għall-foqra, għal dawk li ma għandhomx dar, għall-morda u għal dawk li jħossuhom waħedhom, sabiex isibu l-faraġ li għandhom bżonn. Għinni biex dejjem ngħix fl-imħabba tiegħek u nimxi fuq l-eżempju tiegħek. Ammen. 

Isimgħu u kantaw din is-song.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, hekk kif Ġesù wasal qrib Ġerusalemm, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu biex iġibulu xi ħaġa. X'talabhom iġibulu?

Correct! Wrong!

2. X'poġġew fuq dan il-felu li Ġesù kellu jirkeb?

Correct! Wrong!

3. Xi nies oħrajn, biex isellmu lil Ġesù li kien dieħel Ġerusalemm riekeb fuq felu, firxu mal-art...

Correct! Wrong!

4. X'qalu l-istess nies preżenti biex isellmu lil Ġesù?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.