Illum niċċelebraw Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din twassal għall-akbar ċelebrazzjoni tas-sena liturġika, l-Għid il-Kbir, meta Kristu jqum rebbiegħ fuq il-mewt. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, niftakru b’solennità fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, speċjalment waqt it-Tridu tal-Għid (3 ijiem speċjali), li jibdew minn Ħamis ix-Xirka, u jkomplu matul il-Ġimgħa l-Kbira, u l-Viġili tal-Għid.
Il-quddiesa tal-lum, tibda bil-purċissjoni bi friegħi tal-palm u l-Evanġelju jipproklama d-daħla trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, riekeb fuq felu misluf. Il-folla li kienet miġbura għall-Ikla tal-Għid bdiet tgħajjat b’entużjażmu, “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!” waqt li kulħadd kien qiegħed ixejjer il-friegħi tal-palm. Il-folla għarfet lil Ġesù bħala Sultan li kien ser jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. Iżda Ġesù ġie bħala Sultan tal-paċi, imħabba u maħfra. Ma ġiex biex iġib il-gwerra.
L-Evanġelju skont San Mark, li nisimgħu waqt il-Liturġija tal-Kelma, jagħtina r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù. F’dan il-qari, Ġesù jifhem li l-mewt tiegħu kienet determinata minn qabel, kienet parti mill-misteru tal-pjan u l-iskop ta’ Alla. B’ubbidjenza, Ġesù, għax ried, jagħti ħajtu biex jerġa jeħodha lura wara tlett ijiem. Il-ferħ tad-dħul tiegħu Ġerusalemm, ma tantx tawwal! Wara li Ġesù ċċelebra l-ikla tal-Għid (l-Aħħar Ċena) mad-dixxipli tiegħu, fejn hu bassar li l-fidi tagħhom ser tkun sfidata (xi ħaġa li huma ċaħdu), mar fil-ġnien biex jitlob. Ġesù mar biex jitlob waħdu lil Missier, u jsejjaħlu “Abba,” (missier bl-aramajk), sinjal ta’ mħabba u relazzjoni intima.
Bħala nsara, lil Alla, aħna nagħrfuh bħala vera “Abba”, missierna fis-sema? Aħna nafdawh jew aktar nixbħu lid-dixxipli, li Ġesù sabhom reqdin fil-ġnien? Meta n-nies qabdu lil Ġesù, Mark jgħid li “d-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu.” F’dan il-punt hekk kritiku, nistaqsu lilna nfusna, “Jien nabbandunah lil Ġesù? Jien ser nibqa’ fidil/a lejn Ġesù fil-mumenti diffiċli ta’ ħajti?”
Meta arrestaw lil Ġesù, kien jaf li wasal iż-żmien li jseħħ dak li kien hemm fl-Iskrittura. Hu baqa’ sieket quddiem dawk li akkużawh, l-ewwel il-membri tas-Sinedriju (l-anzjani Lhud), imbagħad quddiem Pilatu. Id-dixxipli ma dehrux waqt il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Il-Ġimgħa Mqaddsa tistedinna biex nirriflettu u nimmeditaw il-kruċifissjoni, is-salib ta’ Ġesù, bħala r-raġuni għalfejn l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Hu kien iddestinat li jmut u jqajjimna flimkien miegħu. Wara li Ġesù kien kkundannat għall-mewt, ma jerġax jitkellem, ħlief l-aħħar għajta ta’ “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” Il-purtiera tas-santwarju tat-tempju ċċarrtet fi tnejn, eżatt f’dak il-mument, u kixfet l-aktar post qaddis. Din tikkonferma li Ġesù huwa Iben Alla, u permezz tas-salib huwa sar s-sagrifiċċju aħħari, li rrivela l-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna.