San Ġorġ

23 ta' April

San Ġorġ kien ħrafa jew leġġenda? Kien martri jew qaddis?

Bħal qaddisin tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, hemm diversi leġġendi marbuta ma’ dan il-qaddis. Nafu li twieled fil-Kappadoċja li issa tagħmel parti mit-Turkija, xi żmien fit-3 seklu W.K. Wara l-mewt ta’ missieru, flimkien ma’ ommu marru l-Palestina, pajjiż twelidha, fejn kellha xi artijiet tal-familja. Meta kien għadu żagħżugħ, sar suldat u aktar tard, tribun fl-Armata Rumana.

Matul ir-renju tal-Imperatur Dijoklezjanu, l-Insara kienu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom meta rrifjutaw li joffru sagrifiċċji lill-allat Rumani. Ġorġ ipprotesta  kontra din il-persekuzzjoni u rreżenja mill-kariga militari tiegħu. L-Imperatur, li kien jistma lil San Ġorġ fl-armata, offrielu artijiet, ġid u ħafna skjavi, fi sforz biex jikkonvinċih jiċħad il-fidi tiegħu; iżda San Ġorġ baqa’ sod. Tefgħuh l-ħabs u ttorturawh. Meta sar jaf li l-mewt qed tistennieh, hu qassam il-ġid tiegħu lill-foqra.

Fl-aħħar qatgħulu rasu u sar martri Palestinjan.  

Allura, id-dragun ta’ San Ġorġ fejn jidħol f’dan kollu?

Il-leġġenda dwar San Ġorġ hi: dragun feroċi kien qed jitterrorizza l-belt. Biex iżommu l-bhima ‘l bogħod mill-irħula l-ewwel tawha nagħaġ u baqar, imbagħad bdew jissagrifikaw lil uliedhom stess magħżula bix-xorti. Darba minnhom, bint is-sultan stess intgħażlet bħala l-vittma. San Ġorġ, suldat Nisrani, iltaqa’ ma’ din il-prinċipessa li kienet qed tibki, irrifjuta t-talbiet tagħha biex taħrab, u telaq biex jikkonfronta l-bhima. San Ġorġ darab lid-dragun bil-lanza tiegħu, rabtu, u ġabu lura fil-belt. Huwa wiegħed li joqtlu jekk in-nies tal-belt jikkonvertu għall-Kristjaneżmu u jitgħammdu, u dan wassal għal ħafna konverżjonijiet.  Huwa rrifjuta kull premju finanzjarju, u minflok talab li l-flus imorru għand il-foqra.

Aħna lkoll nafu li d-draguni qatt ma eżistew. L-istorja tad-dragun tissimbolizza r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, il-messaġġ tal-istorja huwa li wieħed jidentifika ruħu mal-kuraġġ, unur, valur u eroiżmu anke sal-punt li wieħed imut għal Kristu. Id-dragun jintuża bħala xebh li jirrappreżenta l-għedewwa ta’ Kristu u dak kollu li hu ħażin.

San Ġorġ huwa l-Qaddis Patrun tal-Ingilterra, il-Palestina, il-Greċja, il-Portugall, il-Ġorġja u r-Russja. Il-bandiera bajda b’salib aħmar hija magħrufa bħala l-bandiera ta’ San Ġorġ. 

Staqsi lit-tfal jekk jaħsbux li għad għandna martri llum.

Bi kliem sempliċi, nistgħu ngħidu lit-tfal li l-persekuzzjonijiet għadhom jeżistu f’xi pajjiżi.

Se japprezzaw aktar il-fatt li jistgħu jipprattikaw il-fidi tagħhom, meta jsiru konxji li miljuni ta’ Insara tkeċċew minn djarhom, inqatlu, inħatfu jew ġew mitfugħa l-ħabs minħabba mibegħda lejn ir-reliġjon. 

Kemm għandna nkunu grati li għandna knejjes f’kull belt u raħal, u saċedoti li jagħmluha possibli li jkollna l-Preżenza ta’ Kristu f’kull knisja.

Meta tkunu barra fil-karozza jew qed timxu u tgħaddu minn ħdejn xi knisja ħeġġu lit-tfal biex jagħrfu din ir-realtà u jagħtu tifħir u radd il-ħajr lil Ġesù, li jinsab preżenti fit-Tabernaklu f’dik il-Knisja.

Mat-tfal akbar fl-età, tista’ tikkunsidra li ssemmi nies storiċi li nqatlu jew ġew assassinati minħabba t-twemmin tagħhom:  Abraham Lincoln, għall-ħelsien tal-ilsiera; Martin Luther King, għal trattament ġust u d-drittijiet tan-nies ta’ kulur; u Mahatma Gandhi, minħabba t-twemmin tiegħu f’metodi biex tinżamm il-paċi.

San Ġorġ ma ħalliex lilu nnifsu jinġibed mit-twemmin tas-soċjetà ta’ żmienu,  li kien jitlob l-adorazzjoni lill-allat Rumani.

Għalkemm aħna m’aħniex qed niffaċċjaw il-martirju, li tkun Nisrani tajjeb ifisser li ‘tkun fid-dinja iżda mhux tad-dinja’, jekk irridu nibqgħu sodi fil-valuri Nsara tagħna.

Qatt mhu kmieni wisq biex nkellmu t-tfal b’dan il-mod u li ninkuraġġuhom biex jibqgħu sodi fil-prinċipji Kristjani.

Ħu l-opportunità anke permezz ta’ programm tat-televiżjoni jew reklam biex titkellem dwar ċertu mġiba li ħafna drabi tkun influwenzata mill-ħbieb. 

Kultant it-tfal kapaċi jġibu ruħhom mhux daqshekk tajjeb għax jinġarru mal-kurrent. Jekk jibqgħu sodi u jirrifjutaw li jagħmlu dak li qed jagħmlu l-oħrajn kollha meta dan ma jkunx sew, jistgħu jispiċċaw jiġu mwarrba.

Isma’ l-esperjenzi tagħhom u għinhom jirrealizzaw kemm hu importanti li jagħżlu ħbieb tajbin.

Ħin tat-Talb mal-Familja:

  • Itolbu u rringrazzjaw lil Alla għas-saċerdoti u l-katekisti, għall-knejjes u għal dawk li jaħdmu biex iżommuhom fi stat tajjeb.
  • Itolbu għal dawk li qed ibatu minħabba l-fidi tagħhom biex jibqgħu sodi, ħalli jkunu ta’ eżempju għalina li mhuwiex diffiċli nipprattikaw il-fidi tagħna.

Attività:

Attività fiżika waqt li nisimgħu din il-Worship Song!

Jekk tixtiequ tilbsu ta’ suldat (flokk aħdar jew kannella jkun biżżejjed), waqt li nkantaw, nagħmlu din l-attività filwaqt li nfaħħru lil Alla.

Tinsewx taqsmu magħna dan il-kraft, bili tibagħtulna ritratt 🙂

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.