L-Aħbar it-Tajba

Solennità tat-Tlugħ fiS-sema tal-Mulej

Fis-seba’ ġimgħa tal-Għid, niċċelebraw il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej. Hija l-erbgħin ġurnata wara l-Għid, meta Ġesù jitla’ s-sema. Din is-solennità tpoġġi l-attenzjoni kollha tagħna fuq Kristu, li quddiem id-dixxipli, tela’ s-sema u issa qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier. Qiegħed hemm biex iħejji post għalina fis-Saltna tas-Sema u hu għad jerġa’ jiġi fid-dinja. 

It-tlugħ fis-sema, huwa wkoll misteru li nitolbu fir-rużarju meta nimmeditaw il-misteri tal-glorja. Huwa t-tieni misteru tal-glorja u l-frott ta’ dan il-misteru hija t-tama. Bħala nsara, ngħixu fit-tama li għad ningħaqdu ma’ Kristu fil-ġenna. Nittamaw ukoll fit-tieni miġja tiegħu, għax meta Ġesù tela’ s-sema ma fissirx li hu telaq għal dejjem. Fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù jibgħat lid-dixxipli biex ixandru l-Aħbar it-Tajba lid-dinja kollha. Ikompli u jagħti lista ta’ “sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu” u mgħammda f’ismu. Ikollhom is-setgħa li jgħallmu, jfejqu u jkeċċu x-xjaten f’isem Ġesù. Wara li temm dan il-kliem, Ġesù jittella’ fis-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. L-appostli, għalhekk jitilqu u jibdew ixandru ma’ kullimkien, il-Mulej kien magħhom u f’ismu setgħu jagħmlu l-mirakli. Ġesù, issa qiegħed fil-glorja ta’ Alla, preżenti f’kull ħin u spazju, huwa qrib ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalkemm qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, xorta għadu jgħix fil-Ġisem tiegħu, il-Knisja. Kristu għadu jaħdem fid-dinja, permezz tal-Knisja. Ġesù bagħat lid-dixxipli, u dan jinkludi lilna wkoll biex inkomplu x-xogħol tiegħu li nħabbru l-Bxara t-Tajba permezz tal-kliem u tal-azzjonijiet. Fl-aħħar ta’ kull quddiesa, is-saċerdot jibgħatna biex inxandru l-Evanġelju lill-oħrajn. Din hija sejħa lid-dinja kollha. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk hemmx xi sitwazzjoni f’ħajjitna, fejn nistgħu nagħmlu dan. Nistaqsu … hemm bżonn li nirrikonċiljaw ma’ xi membru tal-familja? Nistgħu nieħdu ħsieb aktar tal-ambjent, nirriċiklaw u nnaqsu l-nfieq żejjed, nistgħu naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, jew inħawlu xi siġra? 

It-Tlugħ fis-Sema, jidderieġi l-ħarsa tagħna lejn is-sema, tfakkarna fil-missjoni tal-Knisja, li ma tispiċċa qatt. It-tlugħ fis-sema tal-Mulej kien il-bidu ta’ żmien ġdid, Ġesù huwa preżenti fostna f’forma differenti. Papa Franġisku jgħid, “issejħilna biex inżommu għajnejna u qalbna miftuħa biex niltaqgħu ma’ Ġesù, biex naqduh u nkunu xhieda tiegħu għall-oħrajn.” Permezz tal-magħmudija, aħna msejħa biex inkunu “rġiel u nisa tat-Tlugħ fis-Sema” u bl-istess qawwa li ngħatat lill-ewwel dixxipli, jibgħat lilna llum biex inkunu sinjali viżibbli u konkreti ta’ tama. Din it-tama tiġi minn Kristu Rxoxt, li fetaħ il-bibien tal-ġenna, u aħna ngħixu bit-tama li għad naslu hemm ukoll. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 16: 15-20) 

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex? 
  3. Matul din il-ġimgħa aħseb jekk intix tagħmel biżżejjed biex twassal l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn. Staqsi, nista’ nagħmel xi ħaġa aktar? Jekk iva, kif? 
  4. Ipprova itlob ir-rużarju kuljum, mal-familja tiegħek. Itlob b’mod speċjali l-misteri tal-Glorja (l-Erbgħa u l-Ħadd) hekk kif qegħdin nersqu eqreb ta’ Pentekoste. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (16, 15-20)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Erbgħin ġurnata wara li Ġesù qam mill-mewt, hu kien qiegħed jitkellem mal-ħbieb tiegħu, meta f’daqqa waħda huwa tela’ s-sema. Hu inħeba wara s-sħab u irritorna lura għand Alla l-Missier. Mela ejjew, ħalli llum niċċelebraw meta Ġesù mar ħdejn il-Missier fis-sema u niftakru li xi darba għad ningħaqdu magħhom aħna wkoll!

  • Jiġru affarijiet tal-għaġeb, meta nimxu wara Ġesù
  • Ġesù jkompli jgħinna mill-Ġenna, fejn qiegħed ma’ Alla l-Missier
  • Il-printout Ġ hija għall-Ġenna
  • Kuluri / żebgħa
  • Gloj
  • Blalen tat-tajjar

Meta Ġesù kien ħaj, id-dixxipli tiegħu rawh jagħmel u jgħid ħafna affarijiet tal-għaġeb. Tista’ tiftakar f’xi wieħed mill-mirakli ta’ Ġesù? Ħa nfakkarkom, hu fejjaq lill-morda u għomja, mexa fuq il-baħar, waqqaf it-tempesta u fit-tieġ ta’ Kana, bidel l-ilma f’inbid. L-aktar ħaġa tal-għaġeb li għamel, kien li miet fuq is-salib biex jinħafru d-dnubiet tagħna, u wara tlett ijiem hu qam mill-mewt!

Wara li qam mill-mewt, Ġesù baqa’ mal-ħbieb tiegħu għal erbgħin ġurnata, jgħallimhom dwar is-saltna ta’ Alla, u wriehom li hu kien ħaj tassew. Ġesù kien qiegħed iħejji lid-dixxipli għax kien ser jafdahom b’biċċa xogħol kbira, wara t-tlugħ tiegħu fis-sema. Id-dixxipli, s’issa kienu għadhom ma jafux li hu kien ser imur il-Ġenna. Ġesù qalilhom, “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” X’taħsbu li ried jgħidilhom Ġesù?

L-Evanġelju, jew Bxara Tajba, għandha x’taqsam mal-affarijiet kollha tal-għaġeb li għamel Ġesù meta kien fid-dinja. Din l-Aħbar Tajba, hija li Alla jħobbna u jrid li nemmnu fih u nimxu warajh. Hija wkoll l-aħbar li Ġesù miet fuq is-salib biex jinħafru d-dnubiet tagħna u b’hekk xi darba mmorru miegħu il-Ġenna. Din vera Aħbar Tajba! Wara li Ġesù qalilhom b’din il-biċċa xogħol kbira li kellhom jagħmlu, ġrat xi ħaġa oħra tal-għaġeb! Ġesù ġie mtella’ s-sema, hemmhekk qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla, jiġifieri, qiegħed f’post ta’ unur kbir. Il-lum Ġesù xorta għadu jgħinna biex nagħmlu affarijiet tal-għaġeb f’ismu.

Biex niftakru li Ġesù qiegħed jgħinna mill-Ġenna, ipprintja l-ittra ‘Ġ għall-Ġenna’. L-isfond pinġuh blu bħas-sema. Imbagħad waħħlu l-blalen tat-tajjar fuq l-ittra Ġ, biex jiġu qishom sħab. Sadanitant, isimgħu, Thankful.   

Ejjew, ħa nitoblu flimkien.

Grazzi Ġesù, li inti ma ħallejtniex waħedna. Grazzi li wrejtna l-imħabba tiegħek permezz tal-kliem u l-azzjonijiet tal-għaġeb tiegħek. Għinna biex naqsmu din l-imħabba tiegħek mal-familja u ħbieb. Dan nitolbuh f’ismek, Ġesù. Ammen.

L-Evanġelju tal-lum, meħud minn San Mark, jitkellem dwar dak li ġara, qabel ma’ Ġesù tela’ s-sema. Kien għad baqagħlu sett ta’ istruzzjonijiet x’jagħti lid-dixxipli! Din il-festa tiġi erbgħin jum wara l-Għid. 

  • Ġesù jsejħilna biex inkunu xhieda tal-Aħbar it-Tajba
  • Ġesù qiegħed il-ġenna, fuq il-lemin tal-Missier u qed iħejji post għalina
  • Il-printout tal-attività tal-lum
  • Kuluri
  • Imqass
  • Stapler jew hole punch
  • Spaga

Fil-festa tal-lum niċċelebraw meta Ġesù tela’ s-sema. Diffiċli nimmaġinaw il-ħsibijiet tad-dixxipli waqt li rawh jittella’ fis-sħab. Qabel ma telaqhom, Ġesù tahom messaġġ ta’ tama u ħidma x’jagħmlu. Huma kellhom sfida biex joħroġu u jxandru l-Bxara t-Tajba (jew l-Evanġelju) lid-dinja kollha. Dan il-mandat ta’ Ġesù huwa għalina wkoll. Ġesù qal li dawk li jemmnu fih, jagħmlu affarijiet kbar f’ismu. Ikollhom il-qawwa biex jippriedkaw, ifejqu u jkeċċu x-xjaten f’ismu.

X’inhi eżatt din l-Aħbar Tajba li rridu nwasslu lill-oħrajn? Alla jrid li kulħadd ikun jaf u jesperjenza l-imħabba tiegħu. Alla jrid li kulħadd ikun jaf dwaru. Ġesù ġie biex jurina kif għandna ngħidu lill-oħrajn dwar l-imħabba ta’ Alla. Huwa temm ix-xogħol li ġie biex jagħmel: imut fuq is-salib għal dnubietna u jqum mill-mewt biex iroddilna l-ħajja mill-ġdid. Wara li Ġesù spiċċa jkellem lid-dixxipli, huwa tela’ fis-sema u qagħad fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier. Id-dixxipli imbagħad, marru u bdew ixandru l-Aħbar it-Tajba lil kulħadd. Alla użahom biex jagħmlu ħafna affarijiet tal-għaġeb u huma għallmu oħrajn biex jagħmlu l-istess. Dan ifisser li wieħed jimxi wara Ġesù! Issa jmiss lilna biex bħala nsara mgħammdin, ngħidu lill-oħrajn dwar Ġesù, inkunu xhieda ma’ dawk ta’ madwarna, fid-dar, fl-iskola, fil-komunità tagħna, f’pajjiżna u fid-dinja kollha! Dan huwa x-xogħol ta’ missjunarju, meta jmur f’pajjiż ieħor biex iwassal il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù, permezz tal-kliem u għemil. Aħna msejħa biex inġorru l-imħabba ta’ Ġesù u naqsmuha mal-oħrajn.Ejjew nitolbu lil Alla biex jgħinna nkunu dixxipli tajba ta’ Ġesù u li jirnexxielna nxandru lill-oħrajn din l-Aħbar Tajba. Aħseb dwar 4 modi, kif tista’ tagħmel dan u ikteb l-ideat tiegħek fuq il-forom vojta (għandek 4). Agħti l-kulur lill-pentagoni kollha u waħħalhom flimkien bi stapler jew taqqabhom u għaddi spaga, biex jiġu qishom ktejjeb. Jekk twaħħalhom fuq kartonċina, ikunu aktar sodi 😊 Waqt li qed tagħmel din l-attività isma’ din . Tista’ wkoll tara dan il-video.

Irroddu s-Salib

O Alla Missier, nitolbuk biex permezz tal-Ispirtu S-Santu, ikollna l-kuraġġ biex naqsmu l-Aħbar it-Tajba mal-oħrajn. Ladarba Ġesù qiegħed miegħek il-Ġenna, nitolbuh biex jgħinna nkunu xhieda tiegħu, hekk kif nippruvaw nimxu fuq l-eżempju tiegħu. Ammen. 

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.