Fis-seba’ ġimgħa tal-Għid, niċċelebraw il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej. Hija l-erbgħin ġurnata wara l-Għid, meta Ġesù jitla’ s-sema. Din is-solennità tpoġġi l-attenzjoni kollha tagħna fuq Kristu, li quddiem id-dixxipli, tela’ s-sema u issa qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier. Qiegħed hemm biex iħejji post għalina fis-Saltna tas-Sema u hu għad jerġa’ jiġi fid-dinja.
It-tlugħ fis-sema, huwa wkoll misteru li nitolbu fir-rużarju meta nimmeditaw il-misteri tal-glorja. Huwa t-tieni misteru tal-glorja u l-frott ta’ dan il-misteru hija t-tama. Bħala nsara, ngħixu fit-tama li għad ningħaqdu ma’ Kristu fil-ġenna. Nittamaw ukoll fit-tieni miġja tiegħu, għax meta Ġesù tela’ s-sema ma fissirx li hu telaq għal dejjem. Fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù jibgħat lid-dixxipli biex ixandru l-Aħbar it-Tajba lid-dinja kollha. Ikompli u jagħti lista ta’ “sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu” u mgħammda f’ismu. Ikollhom is-setgħa li jgħallmu, jfejqu u jkeċċu x-xjaten f’isem Ġesù. Wara li temm dan il-kliem, Ġesù jittella’ fis-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. L-appostli, għalhekk jitilqu u jibdew ixandru ma’ kullimkien, il-Mulej kien magħhom u f’ismu setgħu jagħmlu l-mirakli. Ġesù, issa qiegħed fil-glorja ta’ Alla, preżenti f’kull ħin u spazju, huwa qrib ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalkemm qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, xorta għadu jgħix fil-Ġisem tiegħu, il-Knisja. Kristu għadu jaħdem fid-dinja, permezz tal-Knisja. Ġesù bagħat lid-dixxipli, u dan jinkludi lilna wkoll biex inkomplu x-xogħol tiegħu li nħabbru l-Bxara t-Tajba permezz tal-kliem u tal-azzjonijiet. Fl-aħħar ta’ kull quddiesa, is-saċerdot jibgħatna biex inxandru l-Evanġelju lill-oħrajn. Din hija sejħa lid-dinja kollha. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk hemmx xi sitwazzjoni f’ħajjitna, fejn nistgħu nagħmlu dan. Nistaqsu … hemm bżonn li nirrikonċiljaw ma’ xi membru tal-familja? Nistgħu nieħdu ħsieb aktar tal-ambjent, nirriċiklaw u nnaqsu l-nfieq żejjed, nistgħu naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, jew inħawlu xi siġra?
It-Tlugħ fis-Sema, jidderieġi l-ħarsa tagħna lejn is-sema, tfakkarna fil-missjoni tal-Knisja, li ma tispiċċa qatt. It-tlugħ fis-sema tal-Mulej kien il-bidu ta’ żmien ġdid, Ġesù huwa preżenti fostna f’forma differenti. Papa Franġisku jgħid, “issejħilna biex inżommu għajnejna u qalbna miftuħa biex niltaqgħu ma’ Ġesù, biex naqduh u nkunu xhieda tiegħu għall-oħrajn.” Permezz tal-magħmudija, aħna msejħa biex inkunu “rġiel u nisa tat-Tlugħ fis-Sema” u bl-istess qawwa li ngħatat lill-ewwel dixxipli, jibgħat lilna llum biex inkunu sinjali viżibbli u konkreti ta’ tama. Din it-tama tiġi minn Kristu Rxoxt, li fetaħ il-bibien tal-ġenna, u aħna ngħixu bit-tama li għad naslu hemm ukoll.
Dalwaqt.