“Sant’Antnin sib il-ħwejjeġ mitlufin!”
Ħafna minna jafu li Sant’Antnin isib l-affarijiet li nkunu tlifna imma l-kobor ta’ dan il-qaddis huwa akbar minn hekk. L-isem proprju tiegħu kien Fernando Martins De Bulhoes. Għalkemm jissemma bħala “Ta’ Padova” l-Italja, hu twieled f’Lisbona, il-Portugal. Ma kellu l-ebda nteress fl-isem u l-għana tal-familja u kellu xewqa li jsir patri. Kellu biss 15-il sena meta daħal mal-Agostinjani ġo f’Coimbra, il-Portugal u beda l-istudji tiegħu biex isir saċerdot.
Il-ħajja tiegħu inbidlet meta ġew il-Patrijiet Franġiskani viċin Coimbra. Inġibed mill-ispirtu missjunarju tagħhom u kien impressjonat meta ġabu lura ġo Lisbona mill-Marokk xi martri li kienu nqatlu hemm. Wara li qala’ permess mis-superjuri tiegħu hu ħalla l-Agostinjani u ngħaqad mal-Franġiskani bħala saċerdot u ħa l-isem ta’ Antonio.
Il-ħolma tiegħu biex isir missjunarju saret rejaltà meta ntbagħat missjunarju il-Marokk imma ma damx ħafna għax marad serjament u kellu jiġi lura l-Portugal bil-vapur. Imma nqalgħat maltempata qawwija u spiċċaw Sqallija. Wara li ħa saħħtu, Antnin u sħabu vvjaġġaw lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja fejn iltaqgħu ma’ Franġiskani oħrajn u beda jgħix ħajja sempliċi ta’ talb u servizz fl-ispirtu fqir Franġiskan.
Ħajtu ħadet xgħira oħra meta Antnin attenda għall-ordinazzjoni saċerdotali ta’ grupp ta’ Franġiskani u Dumnikani. Kien hemm xi ftit nuqqas ta’ ftehim fuq min kellu jagħmel l-omelija u allura ħadd ma kien ippreparat. Antonio kien imqabbad mis-superjur tiegħu biex jagħmilha avolja ma kienx ippreparat. Hu obda u għamel omelija tant sabiħa li San Franġisk t’Assisi il-fundatur tal-Franġiskani talbu biex isir l-imgħallem tan-novizzji u s-saċerdoti. Antonio aċċetta bl-umiltà kollha. Minn dak iż-żmien-il quddiem beda jgħallem f’universitajiet fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, imma kien magħruf l-aktar għall-priedki tiegħu li għalkemm kienu profondi kienu sempliċi biżżejjed biex jista’ jifhimhom kulħadd. Kompla jgħix bħala Franġiskan umli, iħobb il-foqra, u jagħmel il-mirakli.
Miet fit-13 ta’ Ġunju 1231, meta kellu biss 36 sena. Kien ikkanonizzat ftit snin wara. Kien ukoll iddikjarat “ Id-Duttur Evanġeliku tal-Knisja”.
Il-Ħajja ta’ Sant’Antnin kellha ħafna faċċati. Hu rrisponda l-messaġġi li kien jibgħatlu Alla u aċċetta l-pjanijiet tiegħU avolja dawn kienu differenti minn dak li kien ippjana hu. Il-pjan ta’ Antonio kien li jagħmel ir-rieda t’Alla għalih.