Sant’Antnin ta’ Padova

13 ta' Ġunju

“Sant’Antnin sib il-ħwejjeġ mitlufin!”

Ħafna minna jafu li Sant’Antnin isib l-affarijiet li nkunu tlifna imma l-kobor ta’ dan il-qaddis huwa akbar minn hekk. L-isem proprju tiegħu kien Fernando Martins De Bulhoes. Għalkemm jissemma bħala “Ta’ Padova” l-Italja, hu twieled f’Lisbona, il-Portugal. Ma kellu l-ebda nteress fl-isem u l-għana tal-familja u kellu xewqa li jsir patri. Kellu biss 15-il sena meta daħal mal-Agostinjani ġo f’Coimbra, il-Portugal u beda l-istudji tiegħu biex isir saċerdot.

Il-ħajja tiegħu inbidlet meta ġew il-Patrijiet Franġiskani viċin Coimbra. Inġibed mill-ispirtu missjunarju tagħhom u kien impressjonat meta ġabu lura ġo Lisbona mill-Marokk xi martri li kienu nqatlu hemm. Wara li qala’ permess mis-superjuri tiegħu hu ħalla l-Agostinjani u ngħaqad mal-Franġiskani bħala saċerdot u ħa l-isem ta’ Antonio. 

Il-ħolma tiegħu biex isir missjunarju saret rejaltà meta ntbagħat missjunarju il-Marokk imma ma damx ħafna għax marad serjament u kellu jiġi lura l-Portugal bil-vapur. Imma nqalgħat maltempata qawwija u spiċċaw Sqallija. Wara li ħa saħħtu, Antnin u sħabu vvjaġġaw lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja fejn iltaqgħu ma’ Franġiskani oħrajn u beda jgħix ħajja sempliċi ta’ talb u servizz fl-ispirtu fqir Franġiskan. 

Ħajtu ħadet xgħira oħra meta Antnin attenda għall-ordinazzjoni saċerdotali ta’ grupp ta’ Franġiskani u Dumnikani. Kien hemm xi ftit nuqqas ta’ ftehim fuq min kellu jagħmel l-omelija u allura ħadd ma kien ippreparat. Antonio kien imqabbad mis-superjur tiegħu biex jagħmilha avolja ma kienx ippreparat. Hu obda u għamel omelija tant sabiħa li San Franġisk t’Assisi il-fundatur tal-Franġiskani talbu biex isir l-imgħallem tan-novizzji u s-saċerdoti. Antonio aċċetta bl-umiltà kollha. Minn dak iż-żmien-il quddiem beda jgħallem f’universitajiet fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, imma kien magħruf l-aktar għall-priedki tiegħu li għalkemm kienu profondi kienu sempliċi biżżejjed biex jista’ jifhimhom kulħadd. Kompla jgħix bħala Franġiskan umli, iħobb il-foqra, u jagħmel il-mirakli. 

Miet fit-13 ta’ Ġunju 1231, meta kellu biss 36 sena. Kien ikkanonizzat ftit snin wara. Kien ukoll iddikjarat “ Id-Duttur Evanġeliku tal-Knisja”. 

Il-Ħajja ta’ Sant’Antnin kellha ħafna faċċati. Hu rrisponda l-messaġġi li kien jibgħatlu Alla u aċċetta l-pjanijiet tiegħU avolja dawn kienu differenti minn dak li kien ippjana hu. Il-pjan ta’ Antonio kien li jagħmel ir-rieda t’Alla għalih.

Tajjeb li tiddiskuti mat-tfal xi jridu jsiru meta jikbru. Staqsi għaliex? U ibni fuq ir-risposti eż: Għax inkun kuntent. Għax nista’ naqla’ ħafna flus. Insir important. Iddiskuti x’inhu l-aktar importanti!

Bħala għalliema u edukaturi importanti ħafna li niftakru li r-rwol tagħna fil-ħajja tat-tfal hu li niggwidawhom biex jiżviluppaw sens ta’ skop fil-ħajja u nżommu f’rasna d-differenza bejn “li ninbuttaw u li ninkuraġġixxu”. Huwa process li għandu l-pedament tiegħu f’li wieħed jibni fuq il-qawwiet tagħhom, li jiġbdilhom l-attenzjoni għalihom u jurihom it-talenti u l-kisbiet tagħhom.

It-talba li ngħidu lil Sant’Antnin biex isibilna l-ħwejjeġ mitlufin ġiet minn esperjenza li hu nnifsu kellu. Wieħed novizz kien ħadlu ktieb prezzjuż tas-Salmi li kellu. Antonio talab lil Alla biex jerġa’ jsibulu u n-novizz ġabulu lura.

Xi kultant nitilfu l-affarijiet avolja nkunu attenti għalihom. 

Imma ħafna drabi nitilfuhom għax inpoġġuhom f’post ħażin. Li norganizaw kollox jiffrankalna ħafna ħin u nkwiet! Allura ejja nitgħallmu norganizzaw ruħna issa li se tispiċċa l-iskola u li se nibdew il-vaganzi. Hu l-okkażżjoni li tgħin lit-tfal jorganizzaw il-ġugarelli, l-affarijiet tal-iskola, il-kxaxen, il-kubords tal-kamra tagħhom….

Is-sigriet biex isiru bil-kwiet hu li tagħmilhom flimkien mat-tfal. Ħudu gost. Kantaw jew doqqu xi ħaġa, ippreparaw xi ħaġa x’tieklu!

Għal ħin tat-talb għin lit-tfal jitkellmu ma’ Ġesù fuq x’jixtiequ jsiru meta jikbru u għaliex u mbagħad ipoġġu kollox f’idejn Alla. 

Sant’Antnin jidher fl-istampi jżomm id il-Bambin għax jemmnu li kellu xi esperjenza mistika ta’ Ġesù Bambin. Tkellem mat-tfal fuq ir-Rużarju tal-Ferħ u ffoka fuq il-Bambin Ġesù. 

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.