Illum Mark jagħtina messaġġ importanti dwar il-fidi u s-Saltna ta’ Alla.
Meta kien jgħallem lin-nies, Ġesù sikwit uża l-parabboli, biex iħallihom jaħsbu dwarhom u jagħrfu l-messaġġ tiegħu. Ġesù jgħid żewġ parabboli dwar iż-żerriegħa, u jużahom biex jispjega kif tikber il-fidi u l-kobor tas-Saltna ta’ Alla li tibda minn ħwejjeġ żgħar u li hi għal kulħadd.
Fl-ewwel parabbola Ġesù juri kif inhi s-Saltna ta’ Alla. Raġel jixħet iż-żerriegħa fl-art u tikber biż-żmien. Meta tagħmel il-frott, ir-raġel jiġbru. L-enfasi ta’ din il-parabbola huwa fuq iż-żerriegħa li tikber waħedha; l-istess tagħmel is-Saltna ta’ Alla. In-natura tgħin liż-żerriegħa tikber, mingħajr l-intervent tal-bidwi. Bl-istess mod, is-Saltna ta’ Alla tikber kif jippermetti hu fil-qlub tan-nies, anke meta aħna ma jkollna l-ebda ħjiel ta’ dan. Meta kien fid-dinja, Ġesù xeħet iż-żerriegħa tas-Saltna permezz tal-ħajja tiegħu, tal-mirakli, tat-tagħlim u tat-tbatija tiegħu. Minkejja dan, is-Saltna ta’ Alla mhix stabbilità sal-aħħar. Bħaż-żerriegħa, is-Saltna tikber biż-żmien. Il-ministeru ta’ Ġesù beda fil-Galilija, fost grupp żgħir ta’ tnax, iżda maż-żmien kiber u żviluppa fil-mod tiegħu, ġieli mingħajr deher ta’ xejn, jew inkella mingħajr għarfien, iżda dejjem f’diversità ta’ nies. Iż-żerriegħa tas-Saltna ta’ Alla hija dak il-persuna li tiftaħ lilha nnifisha għall-fatt li Alla hu veru u attiv fil-ħajja tagħha.
It-tieni parabbola hija dwar iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda. Għalkemm żgħira, tikber f’siġra ta’ madwar tliet metri u l-għasafar isibu l-kenn fil-friegħi tagħha. Hekk kif is-siġra tilqa’ l-għasafar, hekk ukoll is-Saltna ta’ Alla tilqa’ lil ħafna. Mark kiteb l-Evanġelju għal poplu li ma kienx Lhudi, għalhekk f’din is-silta, dawn in-nies setgħu jidentifikaw ruħhom ma’ dawk kollha li huma milqgħuha fis-Saltna. F’dawk iż-żminijiet, iż-żerriegħa tal-mustarda kienet titqjies bħala l-iżgħar u l-aktar żerriegħa insinifikanti, u fit-tradizzjoni Lhudija, l-espressjoni ‘l-għasafar tal-ajru’ kienet tirreferi għall-Ġentili (dawk li ma kienux Lhud).
Dawn il-parabboli jgħinuna biex nitgħallmu aktar dwar is-Saltna ta’ Alla u dwar il-mixja tal-fidi tagħna. Bħala nsara ngħixu u nsibu l-milja tagħna f’Alla, li hu misteru; għalkemm is-Saltna
tiegħu hi diġà preżenti, għadha mhijiex fil-kobor kollu tagħha. Illum, is-Saltna ta’ Alla hija preżenti fil-Knisja u bħaż-żerriegħa, trid iż-żmien biex tagħti l-frott. Għalhekk fit-talba tal-Missierna ngħidu, ‘tiġi Saltnatek.’ Nafu li l-milja tagħha tinkiseb fl-aħħar taż-żminijiet. Li għandna bżonn, hi l-fidi.