San Domenico Savio

6 ta' Mejju

San Domenico Savio twieled f’April 1842 f’familja tajba imma fqira f’Riva, raħal fin-naħħa ta’ fuq tal-Italja. Kienu familja ħabrieka, il-missier kien jaħdem fil-faħam u l-omm kienet tħit. Domenico kien it-tieni f’familja ta’ ħdax.

Kellu tfulija vera normali. Kien jieħu gost l-iskola u kien student intelliġenti. Kien jieħu gost jilgħab u kien popolari ma’ sħabu. Wera kwalitajiet sbieħ ta’ tmexxija u responsabbiltà u kien popolari ma’ sħabu. Sa minn eta’ żgħira Domenico kellu attitudni ta’ talb u u spiritwalita’ li għamlitu eżempju tajjeb għal sħabu.

Tgħallem jgħin fil-quddiesa meta kien għadu żgħir ħafna u għalkemm  it-tfal dak iż-żmien kienu jirċievu l-Ewwel Tqarbina ta’ 12-sena, hu rċieva lil Ġesù meta kellu 7 snin għax il-kappillan ta’ fejn kienu jmorru jisimgħu l-quddies bħala familja kien induna li t-tifel kellu dispożizzjoni tajba u għarfien tal-Fidi. 

Il-proponimenti li għamel Domenico qabel l-ewwel Tqarbina tiegħu baqgħu ma ntesewx. Hu ried li jmur iqerr u jitqarben spiss, li jħares l-Ħdud u l-Festi Kmandati b’mod speċjali, li jżomm lil Ġesu’ u lil Marija bħala l-ħbieb tiegħu u li jippreferi li jmut milli jagħmel id-dnub. 

Meta Domenico kellu 12-il sena beda jattendi l-Oratorju ta’ Don Bosco. Kellu l-intenzjoni li jibda jipprepara ruħu biex isir Saċerdot. Beda jieħu l-ħajja spiritwali tiegħu bis-serjetà ħafna, beda jaħseb li biex isir qaddis irid “ibati għal Kristu.”  Don Bosco induna b’dan u tah dan il-parir:

“Biex issir qaddis trid tkun dejjem ferħan, trid tagħmel id-doveri tiegħek bl-aħjar mod li tista’ u tagħti eżempju tajjeb lil sħabek. Ftakar li Ġesù dejjem qiegħed miegħek u jridek tkun ferħan.”

Hu baqa’ l-Oratorju għal sentejn. Imma Domenico ma kellux isir qassis. Beda jbati minn sola persistenti u saħħtu bdiet tnaqqas. Hu kellu jerġa’ lura d-dar billi kien isofri minn kundizzjoni serja fil-pulmun, probabbli it-tuberkulożi. L-antibiotiċi ma kinux jeżistu f’dak iż-żmien. Żammewh id-dar waqt li saħħtu baqgħet teħżien.

Kien riesaq lejn il-15-il sena meta fid-9 ta’ Marzu, 1857, Domenico mar jiltaqa’ mal-Mulej Ġesù, l-akbar ħabib tiegħu.

Wara li tispiċċa l-istorja staqsi lit-tfal: Trid issir qaddis?

Staqsi lit-tfal jekk jiftakrux il-proponimenti tal-Ewwel Tqarbina tagħhom. Issuġġerilhom jagħżlu wieħed u jagħmluh il-motto tagħhom.

Tista’ tiktibulhom, huma jiddekorawh u jżommuh bħala bookmark. Iddiskuti magħhom kif jistgħu ipoġġuh fil-prattika.

Domenico kien iħobb jilgħab ma’ sħabu u jagħmlu ħafna tlielaq. Ħafna drabi dawn kienu jispiċċaw f’argumenti storbjużi u ġlied. Domenico kien jidħol biexiġib il-paċi.

Iddiskuti mat-tfal kif huma jistgħu jkunu peacemakers (tfal li jġibu l-paċi), jużawkliem sabiħ bħalma nużaw meta nitkellmu mal-ħbieb, kif iġibu ruħhom ma’ xiħadd li kellhom xi jgħidu miegħu, u jitolbu skuża lil xi ħadd tal-familja. Urihom kif jaqbżu għal xi ħadd li jkun qed jiġi bullied, kif ma jitkellmux kontra ħaddieħor, u kif ikunu qalbhom tajba anke meta din tkun diffiċli.

Għinhom jitolbu għal min idejjaqhom jew jiġġieled magħom.

Kantaw Peace Like a River

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.