Din il-parti tal-Evanġelju li ser nisimgħu llum, hija parti mid-diskors ta’ Ġesù waqt l-aħħar ikla. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, fl-aħħar ikla Ġesù jaħsel saqajn l-appostli, jitkellem dwar it-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru u jagħmel diskors twil lill-appostli fejn iwiegħedhom li ser jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu u l-bżonn li jibqgħu magħqudin miegħu bħalma l-friegħi huma parti mid-dielja. U din fil-fatt, hija l-parti li ser nisimgħu llum.
Din l-imaġini tad-dielja ġejja mit-Testment il-Qadim, fejn il-Poplu ta’ Alla huwa mxebbah mal-għalqa tad-dwieli u Alla dak li jieħu ħsiebha (Salm 80, 9-10). Wieħed mill-għanijiet ta’ San Ġwann, huwa li juri kif Ġesù jwettaq il-wegħdiet li Alla għamel mal-poplu ta’ Iżrael. F’dan il-passaġġ Ġesù jrid lill-appostli jifhmu u jemmnu li wara mewtu, hu ser jibqa’ magħhom u li huma se jkunu parti minnu kif il-fergħa hija parti mid-dielja. Din hi l-intimità li Ġesù jixtieq li jkollu magħna. Ġesù ried lill-appostli li jkollhom din ir-relazzjoni miegħu biex ikomplu dak li kien beda hu. Kieku din l-għaqda sfaxxat, l-appostli ma kienux jistgħu ikomplu fuq il-passi tiegħu. Issa, dan qiegħed jitkompla fina u permezz tagħna ukoll.
B’din it-tixbiha, Ġesù jurina wkoll li aħna parti minn komunità akbar. Id-dielja magħmula minn diversi friegħi. Kif Ġesù, qiegħed fija, jinsab ukoll magħqud mal-oħrajn. Din torbot ħafna ma’ dak li San Pawl jiddeskrivi bħala l-Ġisem ta’ Kristu (1 Kor 12,27). Bl-istess mod li aħna nieħdu ħsieb ġisimna kollu, hekk ukoll irridu nieħdu ħsieb l-oħrajn, mingħajr preferenza. Aħna lkoll parti mill-istess ġisem. Irridu nħarsu lejn l-oħrajn, kif iħares lejhom Ġesù, inġibu ruħna magħhom, bil-mod kif iġib ruħu magħhom Ġesù, ngħinu, nħobbu u naħfru kif jagħmel hu. Hawnhekk, aktar nindunaw li waħedna dan kollu ma nistgħux naslu għalih. Irridu bilfors l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, biex ngħixu bħala parti dejna tal-Ġisem ta’ Kristu.
Qabel ma Ġesù jgħid il-parti li qrajna llum, Ġesù wiegħed l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Hu jaf li waħedna hija diffiċli wisq. Huwa l-Ispirtu s-Santu li ser jagħtina l-kuraġġ, is-saħħa, ir-rieda u l-impenn biex ngħixu ħajja nisranija ta’ vera. X’qiegħed jistenna Ġesù minna? Ġesù jixtieq li qabel kollox insiru nafuh dejjem aktar. Aħna nsiru nafuh mill-Iskrittura. It-talb u l-Ewkaristija ser jgħinnuna biex insaħħu r-relazzjoni tagħna, miegħu ukoll. Aktar ma nsiru nafu lil Ġesù, aktar ser tidħol fina x-xewqa li nagħmlu dak li jixtieq hu. Meta nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, inkunu qegħdin nagħmlu l-frott li qiegħed jitkellem dwaru Ġesù.
F’din is-silta, Ġesù jiftħilna għajnejna wkoll, dwar dak li jiġri meta aħna nibirdu, meta aħna ma nibqgħux nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu warajh. L-Evanġelju jibda bil-kliem ta’ Ġesù, “Jiena d-dielja vera.” Mela sinjal li hemm dwieli li ma humiex vera! Tajjeb li naraw ma’ liema dielja aħna magħqudin. X’jistgħu jkunu dawn id-dwieli oħra? X’inhu dak li għandu l-akbar prijorità fil-ħajja tagħna? It-tweġiba tagħna ser turina mal-liema dielja qegħdin. Biex inkunu mad-dielja l-vera, irridu nagħmlu kollox, għall-glorja ta’ Alla. Dan iseħħ meta nippruvaw li nagħmlu għażliet tajba f’dak kollu li nagħmlu.