Aħfer u ħobb

24 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu tliet parabboli. Ġesù kien jirrakonta dawn il-parabboli biex jispjega aħjar u b’mod aktar ċar u ħafif, it-tagħlim tiegħu u biex jgħallem dwar min hu  Alla l-Missier.  Il-parabboli tal-lum, huma dwar il-karattru ta’ Alla. Alla li hu ħanin u li dejjem jaħfer, il-parabboli jixhdu għall-fatt li Alla hu mħabba.

Fit-tliet parabboli, xi ħaġa jew xi ħadd jintilef. Fl-ewwel parabbola nisimgħu kif ragħaj li kellu mitt nagħġa, tintiliflu waħda minnhom. Hu jħalli lid-disgħa u disgħin u jmur ifittex dik il-mitlufa. It-tieni parabbola tirrakkonta kif mara titlef waħda mill-għaxar muniti li kellha. Din taqla’ d-dar u ma tieqafx qabel ma ssib il-munita mitlufa. L-aħħar parabbola hija waħda li smajnieha kemm-il darba, il-parabbola tal-Iben il-Ħali. 

Ix-xbieha ta’ Alla li jpoġġilna quddiema llum Ġesù, hija tal-iskantament u kważi kważi tmur kontra n-natura tagħna. Alla hu l-ewwel ħaġa rrappreżentat kemm fil-persuna ta’ raġel (ir-ragħaj u l-missier), kif ukoll ta’ mara (li tilfet il-munita). Huwa ma jagħmel differenza bejn ħadd. Alla jħobb lil kulħadd u lest li jaħfer lil kull midneb. Alla jagħmel minn kollox biex meta aħna nersqu ‘l bogħod minnu, nindmu u nitolbu skuża. Meta nitolbu maħfra, Alla ma jċanfarniex. Alla ma jitkabbarx, iżda Hu ‘jiġri lejna, jinxteħet fuq għonqna u jbusna, u jagħmel festa’! U kif kien qiegħed jistenna li jirritorna l-iben iż-żgħir b’imħabba, b’imħabba wkoll imur ħdejn l-iben il-kbir li rrifjuta li jidħol id-dar għall-festa, u jassigurah li “inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.” Din l-azzjoni turina li hemm drabi, fejn xi wħud minna, ikollhom bżonn ta’ aktar turija ta’ ħniena u mħabba. Dan ma jfissirx li hemm xi favoritiżmu. Għal Alla aħna kollha wliedu. 

It-tifel il-kbir huwa rifless tal-fariżej u tal-kittieba u forsi tagħna wkoll li aħna nies tajba, li ‘nobdu’ lil Alla u naħsbu li għandna aktar dritt għall-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, minn oħrajn li jagħmlu għażliet ħżiena b’kapriċċ. Illum Ġesù jwieġeb lill-fariżej u lill-kittieba u lilna wkoll, li nitkażaw meta naraw lil Ġesù jilqa’ għandu nies midinba u jiekol magħhom ukoll. It-tweġiba ta’ Ġesù insibuha f’dawn it-tliet parabboli.

L-ewwel waħda hi dwar ragħaj li kellu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom. Dan ir-ragħaj jitlaq id-disgħa u disgħin u jmur ifittex lil dik mitlufa. Hekk jagħmel Alla mal-midneb. U meta l-midneb jitlob maħfra, Alla jifraħ. Fit-tieni parabbola niltaqgħu mal-mara li kellha għaxar drakmiet u tilfet waħda minnhom. Din il-waħda kienet tiswa ħafna għaliha u taqla’ d-dar kollha u ma tieqafx tfittex qabel ma ssib il-munita mitlufa. Meta ssibha, tmur tifraħ mal-ġirien. 

Wara dawn il-parabboli, Ġesù jirrakonta l-ġrajja tal-missier u żewġ ulied. Iż-żgħir iġib ruħu b’mod egoist u dispreġġjattiv u jispiċċa mal-ħnieżer. Għal din ir-raġuni, forsi tiġina t-tentazzjoni li ngħidu “Ħaqqu!” Forsi dan huwa l-mod kif nimxu ma’ wliedna wkoll, wara li nwissuhom biex ma jagħmlux xi ħaġa u huma jwebbsu rashom u jagħmluha. Kif tkun ir-reazzjoni tagħna meta jiġrilhom dak li wisseniehom kontrih? 

Ir-reazzjoni tal-missier fil-parabbola hija sorprendenti, għax hu ma jitkabbarx, ma jilqgħux b’xi kliem bħal, “Ħadt dak li ħaqqek,” iżda minflok jilqgħu b’idejh miftuħa u b’ferħ kbir. 

Imbagħad hemm it-tifel il-kbir li jħossu offiż li l-missier mhux biss laqa’ liż-żgħir lura, iżda wkoll agħmillu festa. Fit-talba tal-Missierna ngħidu, “aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Din il-parabbola tgħallimna wkoll li rridu naħfru lill-oħrajn. Qabel ma naħfru, se nsibuha diffiċli li naċċettaw, b’mod sħiħ l-imħabba u maħfra li Alla joffrielna, għax nibqgħu mtaqqla’ bil-weġgħa ta’ dawk li dinbu kontrina. 

Fl-aħħar, dan l-iben il-kbir, jiftħilna għajnejna wkoll dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Il-kliem li juża ma humiex kliem ta’ iben li jħobb lill-missieru, iżda aktar ta’ xi ħadd li qiegħed jobdi lil dak ta’ fuqu. Kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla? Aħna nobdu l-kmandamenti biex immorru l-ġenna u nibżgħu minn xi kastig, jew nobduhom għax inħobbu lil Alla u ma rridux immorru kontra x-xewqa tiegħu?

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 15, 1-32) 

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema. Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid”. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”. Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ”. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!”. Wieġbu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Staqsi lilek innifsek: kemm verament inħobbu lil Alla jien? Hemm xi ħaġa li forsi nippreferi fuq Alla – forsi xi ħaġa li jien marbut/a magħha iktar m’jien marbut/a m’Alla (i.e., ma l-imħabba innifisha)? 
  3. Inti kif tarah lil Alla? Dawn il-parabboli għallmuk xi ħaġa ġdida dwar il-karattru ta’ Alla?
  4. Wara li smajt il-Parabbola tal-Iben il-Ħali, ma’ liema mill-aħwa tidentifika lilek innifsek l-aktar? Maż-żgħir li jagħraf il-ħażin li għamel, jindem u jitlob maħfra? Jew mal-kbir li ma jaċċettax li l-missier jaħfer lil ħuħ li kien ittratta lill-missierhom b’mod tant umiljanti u berbaq flusu kollha?
  5. Lil min għandek bżonn taħfer? Itlob biex il-Mulej Alla jagħtik l-għajnuna li għandek bżonn biex taħfer u hekk issib il-paċi. 
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (Lk 15, 1-32)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt kontu f’xi post fejn kien hemm ħafna nies, bħal f’xi festa u ntliftu? Kif ħassejtukom? X’għamlu l-mama u l-papa? Fittxewkom jew qalu: “u iva, issa xi ħin jew ieħor insibuh/a, ħa nkomplu nitkellmu mal-ħbieb!” Intom prezzjużi ħafna għall-mama u għall-papa, huma jħobbukom ħafna, żgur li kieku tintilfu, jibdew iffitxxukom mal-ewwel u jinkwetaw ħafna sakemm isibukom. 

Illum l-Evanġelju huwa aktar twil mis-soltu, għax Ġesù ser jgħidilna tliet parabboli! Dawn il-parabboli jgħallmuna dwar min hu Alla u kemm iħobbna.

  • Alla jrid li aħna dejjem nibqgħu qrib tiegħu
  • Nagħmlu x’nagħmlu, Alla jibqa’ jħobbna dejjem
  • Printout fuq kartonċina tal-istampa tal-ħaruf
  • Imqass
  • Kuluri
  • Kartonċina
  • Gloj 
  • Printout tal-wiċċ tan-nagħġa
  • Borża tal-plastic żgħira
  • Popcorn 
  • Sticky tape

Nota lill-ġenituri: qabel l-attività, ilħqu aqtgħu n-nagħġa max-xifer u aqtgħu wkoll minn fuq il-linji bit-tikek. Ippreparaw ftit popcorn u poġġuh fil-borża tal-plastic. Aqtgħu r-ras tan-nagħġa u waħħluha fuq il-borża kif hemm fl-istampa.

Smajtuhom il-parabboli?

Min jiftakar xi waħda minnhom? Dwar xiex kienu?

Fl-ewwel parabbola, smajna dwar ragħaj li kellu ħafna nagħaġ. Tiftakru kemm kellu? (mija) U kemm intilfulu? (waħda)

Waħda hija ftit, kien għad baqalu 99 oħra! X’għamel dan ir-ragħaj? Qal “u ma jimpurtax, għad baqali 99 nagħġa, din il-waħda nista’ noqgħod mingħajrha.” Jew mar ifittixha? (mar ifittixha)

L-istess għamlet dik il-mara li kellha 10 muniti. Tilfet waħda biss minnhom, kien għad baqala 9 oħra. Imma għax dik il-munita li tilfet kienet importanti għaliha, baqgħet sakemm sabitha.

U kemm ir-ragħaj, kif ukoll dik il-mara, kienu ferħana ħafna meta sabu dak li tilfu.

Fil-bidu staqsejna, jekk intom qattx intliftu. X’għamlu l-mama u l-papa meta sabukom? 

Huma kienu ferħana li sabukom. Jista’ jkun li rrabjaw ukoll, għax kienu qalulek kemm il-darba biex tibqa’ ħdejhom. Imma għalkemm kienu rrabjati, taħseb li baqgħu iħobbuk? 

Fit-tielet parabbola li qal Ġesù, kien hemm papa li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir, ma riedx jibqa’ joqgħod id-dar. Ried li l-papa tiegħu jagħtih il-flus, li kienu jkunu tiegħu wara li l-papa tiegħu jmut! Il-papa tiegħu ddispjaċih ħafna, imma tahomlu xorta waħda. X’għamel dan it-tifel b’dawk il-flus kollha? Ħa ħsiebhom? (le)

Il-flus spiċċawlu u tiftakru x’kellu jagħmel? (mar jieħu ħsieb il-ħnieżer u tant kellu ġuħ li xtaq jiekol mill-ikel tagħhom!)

Meta t-tifel induna li kien għamel żball kbir, u li kien ikun aħjar kieku baqa’ d-dar ma’ missieru, reġa’ mar lura. U l-papa tiegħu kien qiegħed jistennih! Bħall-mama u papa tagħkom. Meta ntliftu, huma ddejqu ħafna u rrabjaw xi ftit ukoll, imma xorta baqgħu jħobbukom. 

B’dawn il-parabboli, Ġesù ried jgħallimna li jkun hemm drabi meta aħna nagħmlu affarijiet li lil Alla ma jogħġbuhx. Meta nagħmlu għażliet ħżiena nweġġgħu lilna nfusna, għax ma nkunux ferħana u nistgħu nweġġgħu lill-oħrajn ukoll. Meta nagħmlu hekk, inkunu qisna ntlifna, bħal dik in-nagħġa jew munita jew bħal dak it-tifel. Alla jiddispjaċih meta jiġri hekk. Permezz tal-ġenituri tagħna, tal-għalliema u l-ħbieb tagħna, Alla jgħallimna nindunaw li għamilna għażliet ħżiena u li għandu jiddispjaċina. Meta jiddispjaċina u ngħidu sorry, Alla jkun ferħan ħafna, bħal dak ir-ragħaj, dik il-mara u dak li papa li għamel festa għat-tifel li reġa’ mar lura d-dar. 

Fl-attività tal-lum għandkom stampa maqsuma f’6 biċċiet. Jirnexxielkom tgħaqqduha?

X’inhi l-istampa? (nagħġa)

Fuq in-nagħġa għandkom il-kliem ‘Alla jħobbni u jaħfirli.’ Waħħlu l-biċċiet fuq kartonċina biex ma joqgħodux jiċċaqalqu u agħtu l-kulur lill-kliem, tistgħu tpinġu lin-nagħġa wkoll. Wara li tlestu, isimgħu u agħmlu l-actions, flimkien ma’ dawn it-tfal li qegħdin ikantaw, aħna lkoll ferħana għax nafu li Alla dejjem magħna. God is always with us.

Tiftakru kemm feraħ ir-ragħaj meta sab in-nagħġa u kemm ferħet il-mara meta sabet il-munita? U l-papa ta’ dak it-tifel, għamel party meta t-tifel mar lura d-dar. Biex tifirħu intom ukoll, li Alla jħobbna ħafna, il-mama u l-papa għamlulkom sorpriża wkoll … għandkom nagħġa tal-popcorn!

Radd tas-salib

Mulej Alla, grazzi li inti tħobbna ħafna, grazzi tal-għajnuna li tagħtina biex aħna nikbru u nkunu tfal tajbin. Jiddispjaċina meta nagħmlu għażliet ħżiena li lilek ma jogħġbukx. Ammen.

Illum Ġesù jirrakonta tliet parabboli, dwar telfa, sejba u ċelebrazzjoni!  Ejjew nisimgħu dawn il-ġrajjiet.

  • Nagħmlu x’nagħmlu, Alla qatt ma hu ser jieqaf iħobbna
  • Alla jifraħ meta nitolbu skuża għall-għażliet ħżiena li nagħmlu
  • Printout tal-attività, kull paġna pprintjata fuq kartonċina kkulurita
  • Imqass
  • Dekorazzjonijiet

Intom qatt lagħbtu l-logħba Noli? 

Fil-logħba tista’ tkun inti li tistaħba u tieħu gost meta jdumu ma jsibuk, jew inkella tkun dak li tfittex u l-gost ikun kemm issib lil dawk mistoħbija malajr. Kulħadd jieħu pjaċir jilgħab. Madnakollu, meta nitilfu xi ħaġa, ma tantx nieħdu gost. Per eżempju, sar il-ħin biex noħroġ nilgħab u ma nistax insib iż-żarbun, jew sar il-ħin biex il-mama jew il-papa jwassluni għand sħabi u ma jistgħux isibu ċ-ċwievet tal-karozza. Inkella, qegħdin nagħmlu jigsaw puzzle ta’ ħafna biċċijiet, u hekk kif inkunu lestejnieha kollha, nindunaw li għandna biċċa nieqsa. Nistgħu, per eżempju, nintilfu f’folla ta’ nies u ma nibqgħux naraw lill-ġenituri tagħna. Dawn huma kollha eżempji fejn nitilfu xi ħaġa. Meta nsibu dak li nitilfu, nieħdu gost u niċċelebraw… ngħajtu xi waħda kbira ukoll, bil-ferħ li nħossu dak il-ħin. 

Għalfejn irrakkonta dawn il-parabboli, Ġesù? 

Dakinhar, hu kien ma’ nies li kienu qegħdin igergru, għax ma kinux jaqblu ma’ Ġesù, meta hu kien ikellem u jgħin nies li kienu għamlu għażliet ħżiena. Għalhekk Ġesù ried li jgħallimhom, u jgħallem lilna wkoll, li Alla dejjem jibqa’ jħobbna; għalkemm jiddispjaċih meta nagħmlu għażliet ħżiena, xorta jibqa’ jħobbna. Alla ħalaq lil kulħadd, hu min hu, għalhekk aħna kollha wliedu. Alla ma jagħżilx bejnietna, iħobbna kollha indqas. Meta nagħmlu għażla ħażina, inkunu qisna ntlifna, minħabba li l-għażla ħażina tbiegħedna minn Alla. Minkejja dan, Alla qatt ma jitlifna. Huwa aħna li nitbiegħdu minnu. X’jagħmel Alla meta nagħmlu hekk? Hu jagħmel minn kollox, anke permezz tan-nies ta’ madwarna, biex nindunaw li mexjin ‘l bogħod minnu. Alla jrid li nindunaw li l-ħajja tagħna ma tkunx aħjar meta nkunu l-bogħod minnu. Hu jridna viċin u jixtieq jgħinna. Alla jrid li nindunaw li għamilna għażla ħażina, jiddispjaċina u nitolbu skuża. Meta nagħmlu dan, Alla jifraħ, bħalma ferħu ir-ragħaj, il-mara u l-missier tal-parabboli.

Dan kollu jfakkarkom f’xi ħaġa?

Ifakkarna fis-sagrament tal-qrar. Permezz ta’ dan is-sagrament, Alla għamilha possibbli għalina li nitolbu skuża u hu jaħfrilna. Meta nduru lejh Alla, Hu ma jċanfarniex, kif uriena Ġesù f’dawn il-parabboli. Meta r-ragħaj sab in-nagħġa, feraħ u refagħha fuq spallejh, minkejja li kien għajjien, wara dak il-ħin kollu jfittex u ħadha lura d-dar. Il-missier meta ra lil ibnu ġej lura “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.” Kemm iħobbna Alla, hux vera? Kemm aħna xortina tajba!

Iżda Alla jistenna xi ħaġa oħra minna wkoll, ma jistenniex biss li nitolbu skuża għal dak li għamilna ħażin, iżda li bħalu aħna naħfru lill-oħrajn ukoll. Fil-parabbola tal-Iben il-Ħali (ħali tfisser li nefaq il-flus bl-addoċċ, ma kienx bil-għaqal), jissemma’ l-iben il-kbir ukoll. Meta dan ra li missieru għamel festa għal ħuħ iż-żgħir, irrabja. Ħaseb li ġaladarba ħuħ kien għamel xi ħaġa daqshekk ħażina, missieru ma missux laqgħu lura qisu qatt ma kien xejn! Imma l-missier ħareġ ikellmu u jgħidlu: “ibni, inti dejjem miegħi u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.” Ġesù, irid jgħallimna li Alla jħobb lil kulħadd u kif hu jaħfrilna meta jiddispjaċina, hekk ukoll għandna nagħmlu aħna. Fil-bidu semmejna l-biċċa nieqsa mill-jigsaw puzzle. Il-puzzle kellha ħafna biċċiet, u waħda biss kienet nieqsa. L-ebda biċċa oħra ma setgħet timla l-vojt ta’ dik in-nieqsa u sakemm instabet dik il-biċċa, il-puzzle baqgħet bin-nieqes. Aħna bħal dawn il-biċċiet tal-puzzle, kull biċċa importanti u l-ebda biċċa ma tista’ tieħu post l-oħra. Iridu jkunu kollha hemm biex l-istampa tkun kompluta. Għal Alla, irridu kollha nkunu miegħu, biex iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ tkun sħiħa u kompluta.Sabiex niftakru li Alla jħobbna u jaħfrilna, fl-attività tal-lum għandkom cards bi kwotazzjonijiet mill-Bibbja. Aqtgħuhom waħda waħda. Jekk tixtiequ tistgħu tiddekorawhom ukoll. Waqt li qegħdin tippreparaw dawn il-cards, isimgħu Forever love, forever God, https://www.youtube.com/watch?v=knqrk-1XXaU  F’idejkom x’ser tagħmlu bihom. Tistgħu twaħħlu xi ftit mal-fridge per eżempju jew tużaw xi oħrajn bħala bookmarks, jew tagħtu xi ħaġa minnhom lil xi ħadd. L-għan hu li meta tarawhom, taqrawhom u tiftakru kemm Alla jħobbna, aħna min aħna. Ftakru wkoll, li Alla jagħmel festa meta nitolbu skuża għall-ħażin li nagħmlu. Għalhekk fil-ġranet li ġejjin, morru qerru.

Inroddu s-salib.

Bħala talba għidu s-salm responsorjali (Salm 50) li jinqara f’dan il-Ħadd.

Inqum u mmur għand missieri.

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. 
Inqum u mmur għand missieri.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.