It-tema tal-Evanġelju tal-lum hija li rridu nkunu ppreparati u rridu nżommu għassa għal meta jerġa’ jiġi Ġesù. Ġaladarba aħna ma nafux meta se tkun din il-ġurnata, irridu nkunu moħħna hemm il-ħin kollu u nkunu ppreparati.
It-tieni qari huwa mill-ittra lil-Lhud u huwa dwar il-fidi kbira li kellu Abraham u kemm din tatu qawwa. Il-fidi ta’ Abraham kienet it-teżor tiegħu u seta’ jeħodha miegħu kulfejn imur. Kienet parti minnu. Qalbu u t-teżor tiegħu, kienu fl-istess post! Dan li jixtieq Ġesù għalina u għad-dixxipli tiegħu. Ġesù jgħid hekk: “fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.” Bħala dixxipli tiegħu, Ġesù qiegħed jistaqsina: “Fejn hu t-teżor veru tiegħek?” U aħna għandna nagħmlu din l-istess mistoqsija lilna nfusna: “X’hemm fil-kaxxa tat-teżor tiegħi (f’qalbi)? X’inhu l-aktar ta’ valur għalija?” L-Evanġelju jistaqsina jekk it-teżor tagħna jitmermirx. It-teżor li jitkellem dwaru Ġesù ma jistax jitteħdilna minn xi ħalliel. Ma jistax jispiċċa, għax huwa mibni fuq l-imħabba. M’għandniex inkunu bħal dak l-għani iblah tal-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, li ried jaħżen il-frott tiegħu f’imħażen kbar u mhux riedx jaqsam il-ġid tiegħu mal-oħrajn. Aħna, hekk mistennija li nagħmlu, naqsmu l-ġid tagħna ma’ min hu fil-bżonn. It-teżor tagħna hu fil-ġenna, fejn ma jistax jispiċċa jew jitmermer.
Irridu nħejju ruħna għall-miġja ta’ Ġesù, bħall-qaddej li jistenna lil sidu jiġi lura mill-festa tat-tieġ. Dan ma jkunx jaf eżatt meta se jirritorna. Ġesù jgħallimna li xi darba, hu ser jerġa’ jiġi, u din ser toħodna għall-għarrieda. Għalhekk, tajjeb li nħejju ruħna, irridu dejjem u kull ħin ngħixu l-fidi tagħna, billi ngħixu ta’ vera nsara u nkunu xhieda tat-twemmin tagħna. Irridu nkunu ġenerużi, nuru ħniena u nkunu paċenzjużi; dan huwa li għandna nagħmlu fil-familja tagħna ta’ kuljum. Xi drabi l-ħajja ta’ fidi ma tantx tispirak u tħossok bla ħeġġa. Alla jagħtina l-inkoraġġiment li jkollna bżonn permezz tal-Kelma tiegħu u permezz tal-Ispirtu s-Santu. Aħna għandna mnejn naħsbu li Ġesù mhux ser jerġa’ jiġi lura sakemm aħna għadna ħajjin. Madanakollu, Ġesù jista’ jiġi għada stess. Dan il-ħsieb jista’ jbeżżgħana u allura ma naħsbux dwaru. Tajjeb li nistaqsu: “jien lest/a għal meta jerġa’ jiġi Ġesù? Kif se nagħti kont tal-ħajja tiegħi lil Alla?” Bħala familja, itolbu li tkunu miftuħa għal Alla u li jkollkom il-kuraġġ twieġbu għas-sejħat tiegħu.