Santa Marija Goretti

6 ta’ Lulju

Santa Marija Goretti, fis-sempliċità ta’ ħajjitha ta’ tfajla żgħira, għandha tagħlima mhux biss għaż-żgħar tagħna imma wkoll għalina l-kbar.

Li tirreżisti t-tentazzjoni hija l-akbar sfida tan-nisrani.

It-tentazzjoni tista’ tkun ta’ kull forma. Biex nispjegaw is-sens ta’ din l-isfida lit-tfal, jiddependi mill-età tat-tfal li ser nitkellmu magħhom.

Irridu ngħinuhom minn età żgħira jiżviluppaw is-sens ta’ reżistenza għax-xewqat billi ngħallmuhom il-virtù tal-istennija, anke jekk jistgħu jixtiequ xi ħaġa li hija tajba għalihom. Huwa importanti li ma jkollhomx id-drawwa ta’ “Irrid xi ħaġa, u rridha issa.”

Ikun ta’ għajnuna li meta jitolbu xi ħaġa, mhux dejjem taqtgħalhom xewqithom fil-pront, sakemm ma tkunx xi ħaġa verament bżonnjuża. Tajjeb li xi kultant nwieġbu: “Mhux issa. Mhux illum.” Din tista’ tkun talba għal biċċa ċikkulata, ġelat, mobile, jew saħansitra għal aktar ħin itwal mal-ħbieb tagħhom.  Il-prattika li wieħed jiċħad ix-xewqat tiegħu tista’ eventwalment tkun utli f’sitwazzjonijiet aktar serji fis-snin tal-adolexxenza.

Importanti wkoll li ngħallmuhom jitolbu skuża lil dawk li jkunu naqsu u dan jgħodd għalina l-adulti wkoll.

Wara li nkunu rajna flimkien il-filmat dwar il-ħajja ta’ Maria Goretti flimkien bħala familja, nistaqsu lit-tfal: X’laqatkom minn din l-istorja? X’jaħsbu fuq Marija Goretti?  X’jammiraw fiha?

Nistgħu ninkoraġġixxu lit-tfal stess jagħtu eżempji f’liema ċirkustanzi, huma bħala nsara żgħar, ikollhom jirreżistu u jgħidu “Le” għall-pressjoni minn dawk ta’ madwarhom.

Tajjeb li nistaqsu lit-tfal x’jaħsbu fuq Alessandro, għaliex jista’ jkun li l-ewwel reazzjoni tkun li kien ġuvni ħażin, u dwar l-opinjoni tagħhom x’wasslu biex jibdel ħajtu.

Għinhom jaslu għall-konklużjoni li persuna tħossha aħjar:

  • meta jiddispjaċiha meta tonqos lil xi ħadd
  • meta titlob maħfra
  • meta fil-Qrar, Ġesù jaħfrilna u jsaħħaħna biex nibqgħu nirreżistu

Ħin tat-Talb mal-Familja: nħeġġu lit-tfal biex jgħidu talb personali relatat mal-esperjenzi tagħhom matul il-ġimgħa li għaddiet. Dan it-tip ta’ djalogu jagħtina l-opportunità li nsiru nafu lil uliedna aħjar għax inkunu qed nagħtuhom ċans li jiftħu qalbhom magħna.

Minn età żgħira, Santa Maria Goretti kellha l-virtù tal-perseveranza. Hi tant ħabbet lil Alla li ppreferiet tmut milli tagħmel dnub. Hi baqgħet soda u qawwija u meta ffaċċjat it-tentazzjoni, u dan juri kemm verament ħabbet lil Ġesù!

Poġġi bilqiegħda quddiem xi ħelu li inti vera tħobb! Oqgħod ħares lejh mingħajr ma’ tmissu għal għaxar minuti – uża timer! … Jekk inti tiekol dan il-ħelu qabel ma jdoqq it-timer inti tkun tista’ tiekol il-ħelu kollu u tkun ukoll tgħallimt mill-ħajja ta’ Goretti!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.