Ma tantx tidher li nbidlet id-dinja! Fi żmien Ġesù kien hemm numru ta’ nies li kienu jagħtu importanza kbira u żejda għal mod kif jidhru. Illum l-istess, moħħna kif nidhru, kif jarawna l-oħrajn; l-istatus li għandna huwa mportanti. Aktar importanti kif nidhru, milli min aħna fir-realtà. L-Iskribi u l-Fariżej, kienu wkoll ifittxu li jidhru mportanti u li n-nies jaħsbuhom nies tajba u qaddisa. Ġesù jgħid li dawn in-nies kienu “jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu.”
Dawn fir-realtà kienu nies rispettati minħabba li huma kienu għorrief tal-Liġi. Il-problema kienet li huma kienu aktar imkabbra minħabba l-pożizzjoni li kellhom milli għall-għerf tagħhom. Ġesù jikkundanna wkoll il-fatt li kienu jisfruttaw lill-foqra u d-dgħajfa, meta dawn kienu fid-dmir li jgħixu skont ir-rieda ta’ Alla. Il-kilba għall-poter u għall-pożizzjoni, u r-regħba għall-ġid materjali tidher li hija dgħufija tal-bniedem matul iż-żminijiet.
Meta aħna nagħtu aktar importanza għall-ġid materjali, u għad-dehra tagħna, se nkunu aktar moħħna fina nfusna milli fl-oħrajn. L-armla fqira ma kellha xejn minn dawn il-pretensjonijiet.
L-armla, kienet mimlija umiltà. Id-dehra tagħha ma kinitx komparabbli ma’ tal-għonja li felħu jagħtu mill-ħafna li kellhom. Ħadd ma ta kasha, jew warrab biex tgħaddi hi. Iżda lil Ġesù ma ħarbitlux! Jużaha biex jgħallem lil dawk ta’ madwaru. L-armla tagħti dak kollu li kellha, u tafda fil-providenza ta’ Alla. Dan l-Evanġelju qiegħed jidderiġina lejn il-passjoni ta’ Ġesù, fejn hu wkoll jagħti dak kollu li għandu, jagħti ħajtu lil Alla għalina.
L-Evanġelju tal-lum ukoll jgħinna biex nirriflettu mhux biss fuq il-ġid materjali li għandna, u li aħna mitluba li ngħinnu lill-oħrajn, iżda wkoll dwar it-talenti tagħna. Dan ukoll huwa ġid tagħna. It-talenti li għandna, huma rigali mingħand Alla. Alla tahomlna għall-ġid tagħna u tal-oħrajn. Naħsbu ftit, aħniex imkabbra b’dawn it-talenti tagħna. Nistennewx li nkunu mfaħħra, minflok ma nagħrfu li dak li għandna ġej mill-ġenerożità kbira ta’ Alla. Jekk Ġesù hu l-mudell għalina, il-kburija m’għandiex tkun waħda mill-kwalitajiet tagħna.
Dalwaqt.