Arkanġli San Mikiel, Gabrijel u Rafel

29 ta' Settembru

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jikkonferma l-eżistenza tal-Anġli u jiddikjara li l-eżistenza tagħhom hija ‘Verità tal-Fidi’.  Il-kelma ‘Anġlu’ ġejja mill-kelma ‘aggelos’ li tfisser ‘messaġġier’, filwaqt li Santu Wistin jiddeskrivi lill-anġli bħala ‘ħlejqiet spiritwali u personali, mhux fiżiċi, maħluqin minn Alla’ u li għandhom il-missjoni speċjali li jkunu messaġġiera ta’ Alla.

L-Iskrittura tirreferri għas-‘sebgħa mistiċi’ li qegħdin quddiem it-‘Tron’ ta’ Alla, filwaqt li tidentifika b’isimhom lil Mikiel, Gabrijel u Rafel bħala Arkanġli, u mogħtija missjoni speċjali bħala messaġġiera ta’ Alla għall-poplu magħżul minnu biex jitwettaq il-pjan tas-Salvazzjoni Tiegħu.

Billi huma spirti, għandna t-tendenza li ma nħossuniex magħqudin magħhom bl-istess mod kif nagħmlu mal-qaddisin l-oħra.  Ir-realtà hi li ma nifhmux u ma nafux kollox dwarhom, għaliex jeżistu f’dimensjoni differenti minn tagħna. L-Arkanġlu huwa maħluq bħala anġlu, bħala spirtu pur; dan ifisser li m’għandux ġisem uman. Peress li huma purament spiritwali u m’għandhomx ġisem bħalna, m’għandhomx data tat-twelid jew data tal-mewt. Ma jeżistux anġli rġiel jew nisa.

L-immaġini tal-Arkanġli – bħal dawk tal-anġli l-oħra – huma simboliċi u jippruvaw juru l-kwalitajiet tagħhom. Huma jidhru bil-ġwienaħ biex tissimbolizza l-ħeffa, għaliex, billi mhumiex marbutin bl-ispazju u ż-żmien, huma jivvjaġġaw malajr. Huma deskritti wkoll bħala puri, bojod u brillanti, ħaġa li tirrappreżenta l-purità tas-sema.

Mikiel ifisser “Min hu bħal Alla?” bbażata fuq siltiet mill-Iskrittura. It-tradizzjoni Nisranija tattribwixxi lil San Mikiel missjonijiet speċifiċi bħala protettur mill-ħażen. Dan b’rabta ma’ dak li hu magħruf bħala l-‘Gwerra tas-Sema,’ fejn San Mikiel l-Arkanġlu baqa’ sod u qawwi kontra “l-anġli ħżiena” – rappreżentati bħala dragun – li rribellaw kontra Alla (ara Apokalissi 12:7). San Mikiel jidher bħala “gwerrier anġeliku,” b’xabla, elmu u tarka. Jissimbolizza l-kuraġġ, is-saħħa u l-verità. Hu jibqa’ jipproteġina u jżommna fit-“triq it-tajba,” ’il bogħod minn kull ħażen.

Gabrijel ifisser “Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi”. Dan l-Arkanġlu għandu rwol prominenti fit-Twelid ta’ Ġesù; iħabbar it-Twelid ta’ Ġwanni l-Battista, it-Twelid tal-Mulej lill-Verġni Marija (Lq 1, 26-38) u lil Ġużeppi meta kien għadu indeċiż. Iħabbar ukoll it-Twelid ta’ Ġesù lir-rgħajja. Gabriel seta’ kien ukoll l-anġlu li offra l-appoġġ lil Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ u dak li kien bilqiegħda ħdejn il-qabar biex iwassal il-messaġġ ta’ Kristu Rxoxt lin-nisa.

Rafel ifisser “Alla jfejjaq.”  Dan l-Arkanġlu jidher fil-Bibbja, fil-Ktieb ta’ Tobija; huwa l-anġlu li jakkumpanja lil Tobija fil-vjaġġ tiegħu, għenu biex iseħħ iż-żwieg tiegħu ma’ Sara u fejjaq lill-missier Tobija mill-għama. San Rafel huwa l-Anġlu li jinżel fil-menqgħa ta’ Betżata, iqanqal l-ilma u l-ewwel persuna li kienet tinżel fl-ilma kienet tfiq.  San Rafel huwa magħruf bħala l-Anġlu tal-fejqan.

Mill-Bibbja tat-tfal aqra xi siltiet dwar l-Arkanġli jew araw:

Ħeġġeġ lit-tfal jitkellmu dwar:

  • Kif kienu jħossuhom kieku kellhom jesperjenzaw dak li nqara f’dawn is-siltiet.
  • X’kienu jgħidu u jagħmlu.
  • Jista’ jkun li togħġobhom l-idea li jpinġu l-Arkanġli, iżejnuhom bi stilel u glitter, u jdendluhom fil-kamra tagħhom b’żigarelli kkuluriti!
  • Tkellem mat-tfal dwar kif aħna wkoll, bħall-Arkanġli, nistgħu nkunu messaġġiera tal-Imħabba ta’ Alla billi naqsmu l-Imħabba Tiegħu ma’ ħaddieħor, għax Alla jħobb lil kulħadd, anke lil dawk li huma diffiċli!
  • Iddiskuti kif nistgħu niksbu dan id-dar, l-iskola u fis-sitwazzjonijiet kollha billi nkunu qalbna tajba, lesti ngħinu, nuru ħsieb u konsiderazzjoni lejn ħaddieħor, nużaw kliem ħelu u li jinkoraġġixxi u nkunu ġenerużi.

Ħin għat-Talb mal-Familja

  • Mexxi talb ta’ tifħir lil Alla kif jagħmlu l-Arkanġli fis-Sema: Tifħir lil Alla, għax Hu kbir u l-qawwa tagħna, għax… (ħallihom jagħtu s-suġġerimenti tagħhom).
  • L-aħħar messaġġ tal-Arkanġlu Rafel lil Tobit u Tobija kien: “Bierek lil Alla kuljum, faħħru b’għanja.”

Kanta mat-tfal:  Bible Songs Collection for Children Summer 2023 – Bible Songs Collection for Children Summer 2023.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.