Kulmin għandu t-tfal żgur li xi darba sema’ dawn il-kliem bejn l-aħwa: “Dik tiegħi. Dik tiegħi”, u x’aktarx konna msejħa biex nagħmulha ta’ mħallef u naqtgħu is-sentenza! Iżda din mhijiex attitudni tat-tfal biss. Il-parabbola tal-lum twissi dwar din in-nassa li xi drabi lkoll naqgħu fiha. Kien hemm drabi, meta per eżempju rraġunajna li ‘din il-ħajja tiegħi, nagħmel li rrid’? Jew li nista’ nieħu deċiżjonijiet kif irrid?
Il-ħajja tagħna hija rigal mingħand Alla u fl-aħħar irridu nagħtu rendikont tad-deċiżjonijiet li ħadna. Bħala nsara, għalhekk, kull deċiżjoni għandha tittieħed fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Il-bdiewa ħasbu li la huma kienu ħadmu fl-għalqa, din saret tagħhom u s-Sid ma kellux aktar jedd fuqha. Ma baqgħux jgħoddu lis-sinjur bħala s-sid tal-art. Hu kien ħanin. Bagħat numru ta’ nies biex bil-kelma t-tajba jurihom li ma kienux qegħdin jirraġunaw sew. Madanakollu, dawn il-bdiewa tant kienu saru egoisti, li sawtu u qatlu lil dawk kollha li bagħat is-sid, inkluż lit-tifel tiegħu.
Alla jimxi magħna b’dan il-mod. Huwa tana l-ħajja tagħna bħala rigal, tana l-ħolqien kollu bħala rigal, tana familja bħala rigal ukoll. Poġġiena bħala amministraturi ta’ dan il-ħolqien. Ma ħalliniex waħedna. Fil-parabbola, Ġesù jgħidilna li s-sid bagħat numru ta’ nies u anke lil ibnu. Dawn huma l-għajnuniet li jagħtina Alla biex insiru nies aħjar. Għandna l-Kelma tiegħu: il-Bibbja; għandna nies, bħall-qassisin, id-diretturi spiritwali, u l-għalliema li juruna t-triq u jgħinuna. Hemm diversi mezzi oħra ta’ għajnuna fejn nistgħu nduru biex nevalwaw dak li qegħdin nagħmlu, ma’ dak li jixtieq Alla mingħandna. Kemm qegħdin nagħmlu użu sew minn dan kollu? Jew qegħdin inġibu ruħna bħall-bdiewa u nirraġunaw li l-ħajja tagħna, nagħmlu biha li rridu aħna, ngħixu kif jidhrilna, ma jimpurtaniex kif id-deċiżjonijiet li nieħdu se jeffettwaw l-ambjent u lil dawk ta’ madwarna.
F’dan l-Evanġelju tissemma l-ġebla tax-xewka. Din hija ġebla importanti ħafna fil-bini. Ma titpoġġiex biex il-bini jidher sabiħ, iżda biex il-bini jkun sod. Ġesù, iqabbel lilu nnifsu ma’ din il-ġebla. Ġesù, għandu jkun dak li nibnu ħajjietna fuqu. Hekk inkunu qegħdin nibnu ħajjietna fis-sod. Ġesù huwa “ġebla tax-xewka, imsejsa sewwa.” (Isaija 28, 16)