Beata Maria Adeodata Pisani

25 ta' Frar

Maria Adeodata Pisani Mompalao Cuzkeri kienet l-unika tifla tal-Baruni ta’ Frieniuni, wieħed mill-aktar Barunijiet antiki f’Malta. Ommha kienet Taljana. Hija mietet fis-26 ta’ Frar 1865 meta kellha 48 sena. Illum hija magħrufa bħala l-Beata Maria Adeodata Pisani li kienet ibbejatifikata f’Malta mill-Papa Gwanni Pawlu 11 fid-9 ta’ Mejju, 2001. Matul ħajjitha kellha ħafna nkwiet fil-familja tagħha. Ommha u missierha kellhom ħafna problemi fiż-żwieġ tagħhom, minħabba li missierha kien jixrob ħafna. Minħabba f’hekk ommha telqet mid-dar u ħalliet it-tifla għand in-nanna tagħha min-naħa ta’ missierha. Maria Teresa kellha 10 snin meta mietet in-nanna u bagħtuha fi skola Napli. Peress li issa ma kellhiex min jieħu ħsiebha, kienet torqod l-iskola. 

Wara dan, missierha kellu sentenza tal-mewt għax ħa sehem f’irvellijiet politiċi f’Napli. Ġabuh Malta minflok, billi hu kien ċittadin Ingliż. 

Iktar tard, Maria Teresa flimkien ma’ ommha ġew joqogħdu Malta imma qatt ma għexu flimkien ma’ missierha għax dan baqa’ jgħix kif kien qabel. Imma Teresa qatt ma neħħiet minn qalbha lil missierha, saħansitra tieqaf u titolbu jberikha meta tiltaqa’ miegħu fit triq. 

Hi baqgħet tirrifjuta kuldarba li ommha kienet tipprova żżewwiġha. Wara ħafna sforzi tal-familja biex jopponu l-vokazzjoni tagħha, hi rnexxielha tidħol mas-Sorijiet Benedittini fil-monasteru ta’ San Pietru l-Imdina, u għażlet il-ħajja umli tal-kastita’, talb, xogħol, silenzju u ubbidjenza. Isimha inbidel għal Maria Adeodata, ċaħdet it-titli u qassmet il-ġid kbir li wirtet, żammet biss dak li kien ta’ bżonn għaliha u biex tgħin lill- oħrajn. Fil-monasteru x-xogħol li kienet tħobb l-aktar kien dak ta’ purtinara, responsabbilta’ li ġabitha f’kuntatt ma’ nies fqar li kienu jiġu jitolbu l-għajnuna, kif ukoll kienet tieħu ħsieb il-kappella għax kienet tagħtiha aktar ċans li toqgħod ħdejn is-sagrament. 

Lejn l-aħħar ta’ ħajjitha saret Badessa għal sentejn, meta kellha tiddilja ma’ konflitti anke bejn membri tal-komunita’ li ma fehmux il-missjoni tagħha u l-qdusija tagħha. Hi ġiet midfuna fil-kripta tal-monasteru, fejn għadhom iżuruha ħafna nies biex jitolbu bl-interċessjoni tagħha.

Minkejja it-tbatija li sofriet, il-Beata Adejodata baqgħet soda fil-mod kif għexet, f’dak li kienet temmen, fil-prattika tal-virtujiet, kif ukoll għas-sejħa tagħha. 

 

Bħala ġenituri waqt li aħna rridu nipproteġu lil uliedna mill-inkwiet ta’ madwarna ma nistgħux ninsew id-dmir tat-trobbija tajba u li niffurmawlhom qalbhom. 

Għandna nieħdu kull opportunità biex ngħinuhom ma jaqtgħux qalbhom, u biex jaddottaw attitudni pożittiva fl-okkażjonijiet iebsin tal-ħajja. Dawn jistgħu ivarjaw minn telfa tal-pet tagħhom, jew ta’ ħbiberija, bidliet fil-ħajja tal-familja, aħbarijiet koroħ fil-familja immedjata tagħhom…

Tista’ tikkonsidra tuża l-logħba ta’ Snakes and Ladders biex turi li l-ħajja fiha t-tlugħ u nżul għax il-ħajja tinvolvi l-bidla. Nuruhom li aħna nifhmu t-tbatijiet tagħhom u nħobbuhom.

Adeodata Pisani setgħet issir barunessa sinjura ħafna imma minflok għażlet ħajja ta’ umiltà kbira. 

It-tfal tagħna qed jikbru f’soċjetà ta’ nies minfuħa bihom infushom. Jista’ jkun li jkollna ideja żbaljata ta x’inhi l-umiltà. C.S. Lewis qal li “l-umiltà  mhux li taħseb inqas fik innifsek imma li taħseb li int l-inqas.”

Għalhekk li tkun umli ma tfissirx li int twaqqa’ lilek innifsek jew li int ma tinqalax. Għal kuntrarju din tinvolvi qawwa ġewwinija.

L-umiltà mhix umiljazzjoni. Li tumilja lit-tfal u speċjalment li twaqqafhom quddiem l-oħrajn ma tagħmilhomx umli, imma tfisser biss li tkissrilhom l-istima tagħhom infushom. 

Biex tkabbar fit-tfal l-umiltà tinvolvi li tinkuraġġihom li jindunaw u jammettu meta jkunu għamlu żball, li jaċċettaw ir-responsabbiltà tal-imġieba tagħhom, li jitgħallmu jgħidu  ‘Jiddispjaċini’, li joffru li jservu lil ħaddieħor. Għinhom jisimgħu l-opinjoni ta’ ħaddieħor, mhux li jibqgħu sakemm jgħidu l-aħħar kelma huma.  

Għidilhom prosit meta jagħmlu s-sewwa biex twassal il-messaġġ li huma nies tajbin. Din issaħħilhom qalbhom u tgħinhom jifhmu li huma OK u li m’għandhomx għalfejn jippruvaw jikbru f’għajnejn l-oħrajn billi jitkessħu u jigdbu.

Waqt it-talb għin lit-tfal jitolbu għal min għaddej minn xi żmien diffiċli. Tajjeb li jitolbu għal dawk il-membri tal-familja li huma inkwetaw. Inkuraġġihom jitolbu fuq xi nkwiet li għandhom jew xi wġieh ta’ qalb għax Ġesù jaf ifejjaqna mid-dwejjaq. 

Minn mindu kienet żgħira Marija Teresa batiet ħafna. Meta ġiet Malta hi għexet ir-Rabat. Meta saret soru hi għexet ħajja kollha talb u għenet ħafna lil morda.

Attivita:

Ara l-bijografija tagħha.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.