Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu dwar Marija u Ġużeppi, il-familja ta’ Ġesù. Insejħulhom il-Familja Mqaddsa. Fl-Evanġelji ftit insibu dwar din il-familja, imma fil-ftit li jagħtuna, hemm tagħlim kbir għal kull familja nisranija. Marija u Ġużeppi, jieħdu lit-tarbija Ġesù biex jippreżentawh fit-Tempju. Jiltaqgħu ma’ Xmun u Anna, it-tnejn xjuħ u nies ta’ fidi kbira.
Marija u Ġużeppi, jobdu l-liġi u kif kien mitlub minnhom jieħdu lil Ġesù u jippreżentawh lil Alla fit-Tempju. Bħala ġenituri nsara, intom ukoll, ippreżentajtu lil uliedkom fil-magħmudija. Din hija ħaġa tajba u pass importanti fil-mixja nisranija. L-aħħar parti tal-Evanġelju hija dik li titfa’ d-dawl fuq kif għandha tkun familja nisranija. Ġesù għadda tfulitu ma’ Marija u Ġużeppi, u magħhom huwa kiber u sar ir-raġel li ħareġ jgħallem lin-nies dwar Alla. Dan juri li s-snin ta’ tfulija fi ħdan il-familja huma snin li jiffurmaw lit-tfal. Il-ġenituri u dawk l-aktar qrib tat-tfal ser jgħinu fil-formazzjoni tal-futur tat-tfal. It-tfal jitgħallmu mill-imġieba u attitudnijiet tal-adulti ta’ madwarhom, jitgħallmu mill-attivitajiet li jieħdu sehem fihom. Il-fidi tat-tfal ser tissaħħaħ bil-mod li l-ġenituri jgħixu l-fidi tagħhom, bil-mod li jitolbu, bil-mod kif ikellmu lit-tfal, bl-eżempju li jagħtu.
Niftakru fir-raba’ kmandament: weġġah lil missierek u lil ommok. Dan mhux kmandament indirizzat lit-tfal biss. Ir-rispett tat-tfal lejn il-ġenituri jiġi mill-attenzjoni, kura u mħabba li jirċievu mingħand il-ġenituri, mis-sagrifiċi li l-ġenituri jagħmlu għalihom. Ġenituri nsara jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom għax huma l-edukaturi ewlenin ta’ uliedhom. Huma l-aktar persuni strumentali biex ilaqqgħu lit-tfal ma’ Ġesù. Huma l-ġenituri li jipprovdu għat-tfal, kemm dak li hu materjali, kif ukoll spiritwali. Ovvjament, hemm għajnuna għall-ġenituri, iżda l-għajnuna, anke mill-Knisja, qatt ma tista’ tieħu l-post importanti tal-ġenituri.
Kulħadd, kull familja u kull ġenitur ser jiltaqa’ ma’ problemi u diffikultajiet. Anke l-Familja Mqaddsa kellha diffikultajiet, mhux kollox kien ward u żahar. Id-differenza għall-familja u ġenituri nsara, hija fejn u għand min, ser jirrikorru għall-għajnuna. Inħallu lill-Mulej Alla jmexxina. Inħalluh jidħol fid-djar tagħna u jsir parti mill-familja tagħna, insiru midħla tal-għajnuniet li toffri l-Knisja, speċjalment fil-parroċċi tagħna, anke fil-formazzjoni nisranija, mhux tat-tfal biss, iżda wkoll għall-adulti.
Dalwaqt.