Il-lum ser nisimgħu dwar is-sajd! Qatt xi ħadd minnkom mar jistad? Biex tkun sajjied tajjeb, ma taqbadx tqum u tiddeċiedi li ser tmur tistad. Is-sajjied jipprepara sew, ilesti l-qasba jew ix-xbiek u nases u s-snanar, iħejji l-lixka u l-għalf li ser juża. Qabel xejn jara t-temp, jiddeċiedi liema post l-aħjar li jmur. Jekk ser juża d-dgħajsa, irid jara li din hija ppreparata wkoll. Mhux kulħadd jitwieled sajjied. Wieħed irid jitgħallem kif jistad, jitgħallem fejn huma l-aħjar postijiet għas-sajd u meta hu l-aħjar ħin u żmien.
Ġesù jsejjaħ lil Xmun u lil Indrì biex isiru sajjieda tal-bnedmin. Din is-sejħa jagħmilha lilna wkoll. Bħal sajjied li jitgħallem u jħejji ruħu għal sajda, aħna wkoll irridu nitgħallmu u nħejju ruħna biex nimxu wara Ġesù u nkunu dixxipli tiegħu. L-ewwel ħaġa li rridu nkunu nafu hu l-messaġġ li rridu nwasslu. Dan il-messaġġ insibuh fil-Bibbja. Tant huwa importanti li nsiru midħla tal-Bibbja, li ftit tas-snin ilu, Papa Franġisku ddikjara t-tielet Ħadd tas-Sena (jiġifieri dan il-Ħadd, il-lum) bħala l-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla. Irridu nsiru nafu lil Ġesù personalment, qabel ma nistgħu nwassluh lill-oħrajn. Eżerċizzji bħal Lectio Divina, tgħin biex insiru aktar familjari mal-Kelma ta’ Alla. Nisimgħu b’attenzjoni l-qari u l-omelija ta’ nhar ta’ Ħadd. Jekk irridu nidħlu aktar fil-fond, irridu wkoll nirrikorru għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, fejn wieħed isib dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tagħlim nisrani. Ċertament, laqgħat ta’ formazzjoni nisranija huma ta’ għajnuna kbira.
Minbarra li wieħed ikun jaf il-messaġġ li jrid iwassal, irid ikun jaf lil min ser iwassal dan il-messaġġ. Bħala ġenituri, intom fid-dover li l-ewwel u qabel kollox twasslu dan il-messaġġ lill-uliedkom. Irid jitwassal b’mod li jifhmuh, għalhekk bi kliem addattat skont l-età tagħhom.
Fis-sajd trid ħafna paċenzja. Ġieli tara sajjieda bilqegħda fuq xi pont, bil-qasba f’idhom u jibqgħu hemm għal ħin twil, ma jiċċaqalqux, jistennew xi ħuta taqbad il-lixka. Bl-istess mod, biex inwasslu l-messaġġ ta’ Ġesù, rridu ħafna paċenzja. Ix-xhieda u l-perseveranza tagħna tista’ tkun il-lixka li għandhom bżonn.
Ġesù għażel lill-appostli, kif illum jagħżel lilna. L-appostli ma għażilhomx għax kienu xi għorrief tal-Iskrittura, jew kienu jgħaddu l-ħin kollu tal-ġurnata fit-Tempju jitolbu. Kienu nies sempliċi, x’aktarx il-maġġoranza tagħhom bla skola, żgur li kienu midinba. Li jista’ jkun li kellhom differenti kienet fit-tweġiba li taw lil Ġesù. Meta Ġesù sejħilhom, telqu kollox u marru miegħu. Aħna, jista’ jkun naħsbuha darbtejn, għax l-affarijiet u l-attivitajiet li mlejna ħajjitna bihom, huma aktar għal qalbna milli s-sejħa ta’ Ġesù.
L-Evanġelju jibda bi kmand mingħand Ġesù. Ġesù jrid li nindmu. Meta tindem, mhux biss jiddispjaċik ta’ dak li għamilt ħażin, imma wkoll ikun hemm deċiżjoni li tinbidel. Ikun hemm deċiżjoni li ssir aktar skont dak li jixtieq Alla. Il-bidla li saret fl-appostli kienet kbira ferm. Huma telqu dak kollu li kellhom biex imorru wara Ġesù. Aħna mhux qed inkunu mistennija nagħmlu bidla radikali bħal din, imma x’inbiddlu għall-aħjar hemm żgur.