Wasalna fir-Raba’ Ħadd tar-Randan. Dan il-Ħadd insejħulu Dominica Laetare, jiġifieri Ħadd immarkat mill-ferħ . Għalkemm għadna fi żmien ta’ penitenza u ċaħda, f’nofs ir-Randan, il-Knisja tfakkarna li għandna għalfejn nifirħu, il-qawmien tal-Mulej mill-mewt huwa fil-qrib!
L-Evanġelju tal-lum għandu messaġġ ta’ ferħ. L-imħabba ta’ Alla għalina hija tant kbira, li ma jrid lil ħadd jintilef. Alla jrid lil kulħadd, hu min hu, hu minn fejn hu, li jgawdi l-ħajja ta’ dejjem. Tant hija xewqa kbira ta’ Alla, li huwa bagħat lil Ibnu stess biex jurina kif għandna ngħixu. Ġesù miet mewta ħarxa biex isalvana. Biex nifhmu fi kliem eħfef, xi tfisser li Ġesù fdiena bil-mewt tiegħu, hemm storja dwar żewġt iħbieb.
Kienu dejjem flimkien fi ċkunithom, imma meta kibru ħadu toroq differenti. Wieħed laħaq imħallef, u l-ieħor iżda sar kriminal. Darba dan tal-aħħar jispiċċa l-qorti quddiem sieħbu, li issa kien imħallef. L-imħallef ħass għafsa ta’ qalb jara lil sieħbu hemmhekk, iżda l-ġustizzja riedet tingħata u jagħtih is-sentenza li kien ħaqqu. Kif tispiċċa s-seduta, l-imħallef imur ħdejn sieħbu u jħallaslu hu l-penali li kien ingħata. B’hekk, għax kien iħobbu, ħallas hu għal dik is-sentenza meta hu ma kien ħati ta’ xejn.
Għax Alla huwa mħabba, ma jridx li jikkundannana. Hu jrid li ħadd ma jintilef. Ladarba Alla huwa mħabba, huwa jagħtina l-libertà tal-għażla. Dan l-Evanġelju jagħtina kuraġġ u tama. Għamilna x’għamilna, huma kbar kemm huma kbar id-dnubiet tagħna, Ġesù jibqa’ dawl għalina. Jekk irridu, iżda nistgħu nagħżlu li nibqgħu nimxu fid-dlam. Alla dejjem jibqa’ joffrielna l-maħfra. Aħna kollha dgħajfin u għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. Meta nħarsu lejn il-kurċifiss, ninduaw x’imħabba kbira għandu Alla għalina. Jekk inħalluh, nisimgħu lil Ġesù jgħidilna “Jien batejt il-mewt għalik ukoll, jien inħobbok, jien naħfirlek.” Inħallu lil Ġesù jkun id-dawl tat-triq tagħna. Ma niddejqux li nikxfu quddiemu l-għażliet ħżiena tagħna, ma nħallux in-nuqqasijiet tagħna jżommuna fid-dlam u ‘l bogħod mill-ħniena ta’ Alla.