Papa Franġisku jitkellem ħafna fuq il-ferħ għaliex minħabba li madwaru jara ħafna problemi, tbatija u dwejjaq, jixtieq li l-bnedmin kollha tad-dinja jkunu ferħanin.
Papa Franġisku jixtieqna nkunu ferħanin mhux għaliex maqtugħ mir-realtà tagħna u ma jafx x’ngħaddu minnu. Anzi, pjuttost bil-maqlub! Il-punt l-aktar importanti, skont Papa Franġisku, hu li nixtiequ dak li hu tajjeb u sabiħ, u nippruvaw ngħixuh. Mhux dejjem faċli u mhux dejjem aħna fil-kontroll tas-sitwazzjoni, imma Papa Franġisku jfakkarna li l-ħajja hi verament sabiħa meta ngħixu x-xewqat sbieħ u tajbin tagħna mal-oħrajn. X’jiġifieri? Ħafna drabi fil-kitbiet u fid-diskorsi tiegħu Papa Franġisku jħeġġeġ lit-tfal u liż-żgħażagħ biex joħolmu. Mingħajr ħolm, diffiċli nkunu nafu x’verament nixtiequ, u nispiċċaw ngħixu ħajja bla sens u bla gost – il-kontra eżatt ta’ ħajja mimlija ferħ.
Ħajja ferħana tfisser li nieħdu bis-serjetà l-ħolm u x-xewqat sbieħ u tajbin tagħna, u naħdmu flimkien mal-oħrajn biex ngħixuhom. Ħajja ferħana ma tfissirx li f’ħajjitna mhux se niltaqgħu ma’ problemi u ma’ tbatijiet, u lanqas tfisser li jkun jinterressana biss mill-ferħ tagħna. Ħajja ferħana tfisser li ma naqtgħux qalbna kemm mill-ħolm tagħna kif ukoll mill-oħrajn. Papa Franġisku jfakkarna li nistgħu nkunu verament ferħanin meta ngħixu flimkien il-ħolm tagħna billi naħdmu flimkien għal dinja aktar tajba u isbaħ, u billi nħobbu lil xulxin kif iħobbna Ġesù.