Hienja int!

L-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa s-Sema

Il-lum hija l-festa solenni tat-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija. Għalkemm mill-ewwel żminijiet tal-Knisja (mill-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena 431) il-Madonna ġiet imsejħa bħala Omm Alla, il-festa tal-Assunzjoni rat il-bidu tagħha fil-ħames seklu, u kien biss fis-sena 1950, meta Papa Piju XII iddikjara l-Assunzjoni tal-Verġni Marija bħala domma tal-fidi, jiġifieri verità rikonuxxuta mill-Knisja bħala rivelazzjoni divina.

Waqt l-Angelus tas-sena l-oħra, Papa Franġisku, iddeskriva din il-festa, bħala waħda ta’ tama kbira, għax “waħda minna tgħammar fis-Sema bil-ġisem.” Permezz ta’ din il-festa, kompla l-Papa, “nifhmu li aħna prezzjużi, iddestinati li nqumu.  Alla ma jħallix il-ġisem tagħna jgħib fix-xejn.  Ma’ Alla xejn mhu mitluf!” 

Dan it-twemmin huwa wkoll rifless fil-Prefazju tal-lum, li jgħid hekk:

“Illum il-Verġni Omm Alla ġiet imtellgħa fis-sema,
bħala bidu u xbieha tal-Knisja tiegħek,
fil-milja kollha li għad tidher fiha;
u b’hekk hi saret xbieha
ta’ tama sħiħa u ta’ faraġ għall-poplu tiegħek.” 

Fl-Evanġelju tal-lum għandna żewġ nisa, qraba. Eliżabetta hija kbira fl-età, kellha x-xewqa li ssir omm, imma din kienet baqgħet biss ħolma, sakemm bir-rieda ta’ Alla, fi xjuħitha, hi kellha iben u semmietu Ġwanni. Marija, min-naħa l-oħra, għadha żgħażugħa. L-istess anġlu li ħabbar lil Żakkarija li kien ser ikollhom tifel, ħabbar lil Marija li hi kienet ser issir omm Alla. Naraw lil Marija titlaq b’għaġġla biex tmur għand Eliżabetta. Vjaġġ ta’ madwar mitt mil, minn Nazaret sal-għolja ta’ Ein Karem. Il-messaġġ li Ġesù jġib il-ferħ jidher mal-ewwel f’din il-ġrajja, għax “malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha.” Dan il-ferħ, Ġesù jwasslu lilna wkoll. 

Marija, li għarfet kemm kienet diffiċli s-sitwazzjoni meta hi ħarġet tqila bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ma tiddisprax. Il-fidi tagħha f’Alla u fl-għemejjel tiegħu, twassalha tfaħħar lil Alla b’qalbha kollha. Din l-għanja ta’ Marija, turina għalfejn aċċettat dak li qalilha l-anġlu u għalfejn hi kienet mimlija bil-ferħ. Marija kienet tafda f’Alla, hi kienet taf lil Alla permezz tal-Kelma u wegħdiet tiegħu. Kieku Marija ma kienitx taf min hu Alla, ma kienitx tista’ tgħid dak kollu li qalet, f’dak li nsejħulu l-Magnificat. F’din l-għanja, Marija tfaħħar lil Alla għall-ħniena, l-qawwa, l-ġenerożità, l-grazzja u l-fedeltà tiegħu. 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 1, 39-56)

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Għalkemm Marija tfaħħar lil Alla, żgur ma kienitx għamja għad-diffikultajiet li t-tqala ħolqitilha. Inti kif tiffaċċja d-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja? Marija tgħallimna li f’kull sitwazzjoni rridu nafdaw f’Alla, li hu preżenti u qrib tagħna.
  4. L-Evanġelju jibda, b’Marija “tħaffef” lejn id-dar ta’ Eliżabetta. Marija, illum tgħallimna dan ukoll, li rridu nkunu qaddejja għall-oħrajn. Aħseb ftit kemm inti persuna li taqdi lill-familja tiegħek, lill-qraba u lill-ħbieb. Bħala ġenitur, għin lit-tfal jikbru f’dan il-virtù li jgħinu lill-oħrajn, mhux għax jistgħu jiksbu xi ħaġa, iżda għall-imħabba ta’ Alla.
  5. Madre Tereża kienet tgħid din it-talba, għamilha t-talba tiegħek ukoll. “Marija, agħtini l-Qalb tiegħek, hekk sabiħa, hekk safja, hekk Immakulata, il-Qalb tiegħek hekk mimlija bl-imħabba u bl-umiltà, sabiex anke jien nista’ nirċievi lil Ġesù fil-Ħobż tal-Ħajja u nħobbu bħalma tħobbu inti u naqdih fil-fqar.”
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (1, 39-56)
    ii. Xemgħa;
    iii. Fjuri
    iv. Statwa jew stampa tal-Madonna, preferibbilment tal-Assunta
    v. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    vi. Computer/laptop bil-qari u clips;
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum qegħdin niċċelebraw il-festa li ftakkarna meta l-Verġni Mqaddsa Marija ġiet imtellgħa s-sema. Il-Madonna hija omm Ġesù, u hi l-omm tagħna wkoll. Fl-Evanġelju mhux ser nisimgħu l-ġrajja li tirrakkonta meta l-Madonna ġiet imtellgħa fis-sema, iżda l-ġrajja li tirrakkonta meta hi saret taf li ser issir il-mama ta’ Ġesù u marret tagħti din l-aħbar lill-kuġina tagħha Eliżabetta.

  • Bħal Marija, aħna għandna ħafna ta’ xiex ngħidu grazzi lil Alla
  • Printouts tal-attività fuq kartonċina jew inkella l-karti jitwaħħlu fuq kartonċina
  • Gloj
  • Imqass

Il-Madonna kien ser ikollha tarbija. Taħsbu li din it-tarbija kienet ser tkun speċjali? (iva)

Għalfejn kienet tarbija speċjali? (għax Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla

Taħsbu li l-Madonna kienet ferħana li kienet se ssir l-omm ta’ Ġesù? 

Għalkemm il-Madonna ma fehmitx kif hi kienet ser tkun omm Alla, hi kienet ferħana ħafna li kienet aċċetat li tagħmel dak li ried Alla. Nafu li hi kienet ferħana għax kif smajna fl-Evanġelju tal-lum hi bdiet tfaħħar lil Alla. Dak li qalet Marija nsejħulu kantiku, jiġifieri tant kienet ferħana li kważi kważi bdiet tkanta. Intom ma tkantawx meta tkunu mdejqa hux hekk? Imma tkantaw meta tkunu ferħana! Hekk għamlet Marija dakinhar bil-ferħ li ħasset. Hi bdiet tkanta u tfaħħar lil Alla. 

Marija bdiet tfaħħar lil Alla biex tirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel magħha. Hemm xi affarijiet li tistgħu tgħidu thank you lil Alla għalihom?

X’inhuma dawk l-affarijiet li nistgħu nirringrazzjaw lil Alla għalihom? (familja, ħbieb, saħħa, talenti, xemx, qamar, fjuri, annimali….)

Illum il-festa’ ta’ meta l-Madonna ttellgħet fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Fl-Evanġelju smajna meta Marija, wara li l-anġlu Gabrijel qalilha li kien ser ikollha tarbija u ssemmih Ġesù, hi marret għand il-kuġina tagħha Eliżabetta, għax l-anġlu qalilha li hi wkoll kien ser ikollha tarbija. Tfal dawn it-tliet ġrajjiet niftakru fihom meta ngħidu t-talba tal-rużarju. Ir-rużarju hija talba li l-Madonna tieħu ħafna gost biha meta ngħiduha. Meta ngħidu r-rużarju niftakru wkoll fil-ħajja ta’ Ġesù u ta’ ommu Marija. 

Fl-attività tal-lum għandkom l-erba’ misteri tar-rużarju. Tal-ferħ nirriflettu fuqhom nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt, u niftakru meta l-anġlu Gabrijel deher lil Madonna u anke meta hi tmur għand Eliżabetta. Tal-Glorja, nimmeditawhom nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd u bihom niftakru meta l-Madonna ġiet mtellgħa fis-sema. Imbagħad hemm tnejn oħra, li għandkom l-istampi tagħhom ukoll: tad-dawl, li nirriflettu dwarhom nhar ta’ Ħamis, u niftakru f’xi ġrajjiet mill-ħajja ta’ Ġesù u tat-tbatija, li nimmeditawhom nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa, jirrakkontaw meta Ġesù, għax iħobbna ħafna, bata u miet għalina.

Kull paġna li għandkom fl-attività, trid tinqata’ u meta titwaħħal tifforma kaxxa, bl-istampi tal-misteri. Kull darba li tgħidu r-rużarju żommuhom ħdejkom biex jgħinukom tiftakru fil-ġrajjiet li jissemmew.

Inroddu s-Salib

Illum minħabba li hija l-festa tal-Madonna, bħala talba għidu t-talba tas-Sliema. Indunajtu li parti minn din it-talba smajniha waqt l-Evanġelju?

Fl-Evanġelju Marija faħħret lil Alla meta hi saret il-mama ta’ Ġesù. Ġesù lilna jħobbna ħafna u jgħinna wkoll, għalhekk bħala parti mit-talba, minħabba li aħna ferħana ħafna li Ġesù jħobbna, bħal Marija ser inkantaw, Jesus in the morning.


Jekk tridu tfal, hawnhekk  issibu xi attivitajiet marbuta mat-talba tas-Sliema.

Introduzzjoni

Illum qegħdin niċċelebraw il-ġrajja li tfakkarna meta l-Madonna, wara l-ħajja tagħha fuq din l-art, ittellgħet fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem. 

  • Bħal Marija, rridu nafdaw f’Alla, f’kull sitwazzjoni li nsibu lilna nfusna fiha
  • Printout tat-talba tal-Magnificat, li hi sewda u bajda
  • Printout fuq kartonċina, tat-talba tal-Magnificat, li hi bil-kulur, jew minflok fuq kartonċina tista’ tkun fuq karta u ssir laminated 
  • Highlighter 
  • Bibbja tat-tfal

Min hi l-Madonna? X’tafu dwar il-Madonna? (tfajla minn Nazaret, saret omm Alla, jissemmew: iż-żjara lil Eliżabetta, il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù, il-ħarba l-lejn l-Eġittu, il-preżentazzjoni ta’ Ġesù, il-Madonna titlef lil Ġesù fit-tempju, it-tieġ ta’ Kana, il-Madonna fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Nota lill-ġenituri: uru lit-tfal, dawn il-ġrajjiet fil-Bibbja)

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu ġrajja li lkoll nafuha sew, meta l-Madonna tmur għand il-kuġina tagħha Eliżabetta. Eliżabetta li kienet kbira fl-età qatt ma kellha tfal, imma issa Alla jagħtiha tarbija u semmiha Ġwanni. Dan huwa l-istess Ġwanni li meta jikber jibda jippriedka u jipprepara lin-nies biex jilqgħu lil Ġesù, hu jibda jissejjaħ Ġwanni l-Battista. L-Evanġelju tal-lum jurina wkoll, li l-Madonna kienet tafda ħafna f’Alla. L-anġlu Gabrijel kien għadu kif qalilha li hi kienet ser issir omm Ġesù. Għalkemm din kienet ħaġa ta’ unur kbir ħafna, għal Marija setgħet kienet problema wkoll, għax minkejja li hi kienet ġa tgħarrset ma’ Ġużeppi huma t-tnejn kienu għadhom ma marrux jgħixu flimkien (ara Mt 1, 18). F’dawk iż-żminijiet, setgħu iħaġġru lin-nisa jekk ikunu suspettati li kisru il-wegħdiet tagħhom bħala miżżewġin! Madanakollu, Marija emmnet f’Alla. Kienet taf li dan kien dak li xtaq Alla minnha, u għalhekk qalet iva u kellha fiduċja kbira fih. Dan kollu nafuh mill-mod kif tkellmet u faħħret lil Alla, f’dik li nsejħulha l-Magnificat, l-innu ta’ tifħir, li smajna fl-Evanġelju. Għalhekk, illum Marija tgħallimna, li meta niltaqgħu ma’ xi diffikultà, m’għandniex naqtgħu qalbna. Minflok, għandna nitolbu u nafdaw f’Alla.

Min hu Alla għalik? Inti taf dwar Alla, daqs kemm kienet taf Marija?

Bħala għajnuna, għandkom it-talba tal-Magnificat (dik li hi sewda u bajda). Aqrawha bil-mod, anke aktar minn darba. Imbagħad bil-highlighter, immarkaw dawk il-partijiet li jitkellmu dwar il-kwalitajiet ta’ Alla. Per eżempju “il-kobor tal-Mulej”, din turina li Alla huwa kbir u setgħan. (nota lill-ġenituri: din tistgħu tagħmluha intom ukoll, wara arawha flimkien mat-tfal. Żgur ser ikun hemm xi punti li t-tfal ma fehmux u għalhekk ħallewhom barra. Tajjeb li tiddiskutuhom flimkien u tfehmuhom dan il-kwalitajiet ta’ Alla u xi jfissru għalihom)

Marija għamlet din it-talba ta’ tifħir lil Alla għax hi kienet taf li Alla kien qiegħed jagħmel “ħwejjeġ kbar” magħha. Alla jagħmel “ħwejjeġ kbar” miegħek?  Ta’ xiex tista’ tgħid grazzi lil Alla? Meta aħna ngħidu grazzi lil Alla, inkunu qegħdin infaħħruh bħalma għamlet Marija!

F’din it-talba, il-Madonna ssemmi lil dawk li huma “mkabbra f’qalbhom.” Kif ikun bniedem li hu mkabbar? Inti qatt kont imkabbar b’dak li għandek? Ġieli ħassejt li inti aħjar mill-oħrajn u li tista’ tagħmel li trid? Taħseb li dan huwa tajjeb?

Il-Madonna wkoll isemmi kif Alla “ħa ħsieb Iżrael.” Aħna kif nistgħu nieħdu ħsieb l-oħrajn?

Inroddu s-salib.

Ngħidu t-talba tas-Sliema bil-qalb. Il-ġrajja li smajna llum kienet dik li għenet biex aktar ’l quddiem tibda tingħad din it-talba. Indunajtu li smajna xi partijiet mis-sliema fil-kliem li qalet Eliżabetta?

Flimkien għidu t-talba tal-Magnificat (dik li hi pprintjata fuq kartonċina, wara, żommuha fir-rokna ta’ talb tagħkom, biex tgħiduha ta’ sikwit).
Agħlqu dan il-mument ta’ talb, wara li tisimgħu, I will magnify.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, Marija qamet u marret tħaffef lejl l-għoljiet, daħlet għand Zakkarija u sellmet ukoll lil...

Correct! Wrong!

2. X'kienu l-ewwel kelmiet li Eliżbetta qalet lil Marija biex isellmilha...

Correct! Wrong!

3. Marija mbagħad, mimlija bil-ferħ u b'Ġesù fil-ġuf tagħha, bdiet tfaħħar lil Alla bil-kliem....

Correct! Wrong!

4. Skont Marija, il-Mulej ra xi ħaġa sabiħa fil-qaddejja tiegħu. X'kienet din?

Correct! Wrong!

.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.