Ħobż tal-ħajja

17-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Fil-ġimgħat li ġejjin ser nieqfu ftit mis-smigħ tal-Evanġelju skont San Mark u minflok, nisimgħu is-6 kapitlu mill-Evanġelju skont San Ġwann.

“Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir,” dan il-kliem insibuh fil-bidu tal-Evanġelju skont San Luqa (1, 37) u l-Evanġelju tal-lum huwa xhieda ta’ dan. Il-qari tal-lum għandu ħafna x’jgħallimna, forsi l-aktar ħaġa hija l-fidi tagħna f’Alla. Meta nafdaw fih, hu jista’ jbiddel anke l-iżgħar att tagħna f’ħaġa tant kbira li qatt ma stajna nobsruha.

Bħal qari ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, il-folla qegħda tiġri wara Ġesù minħabba l-mirakli li qiegħed jagħmel. Ġesù jistaqsi lil Filippu għal xi ħaġa impossibli: li huma jixtru ikel biżżejjed biex jitimgħu dawk l-eluf ta’ nies. Kellu għalfejn jistaqsi lil Filippu? Kieku ried, Ġesù seta’ għamel dan l-istess miraklu mingħajr l-għajnuna tal-appostli u tat-tfajjel li kellu l-ħobż u l-ħut. Alla jrid il-ko-operazzjoni tagħna, Alla jrid li nafdaw fih, Alla jrid li nduru lejh fil-bżonnijiet tagħna u nistaqsuh għall-għajnuna u b’hekk inkunu qed nuru l-kobor tiegħu. Illum Ġesù qiegħed ipoġġi din il-mistoqsija: “Meta ssib ruħek f’sitwazzjoni diffiċli li ma tistax tara soluzzjoni għaliha, x’tagħmel?” X’nagħmlu? Naqtgħu qalbna? Niddispraw? Jew induru lejh u nafdaw fih biex imexxina hu?

Minbarra l-fidi fih, Alla jrid li aħna nagħmlu l-parti tagħna. Hi ħaġa tajba ħafna li aħna nitolbu biex ma jkunx hawn faqar, biex ikun hawn il-paċi fid-dinja, biex ikun hawn il-fejqan mill-COVID-19. Madanakollu aħna x’qed nagħmlu? Ġesù seta’ ma nvolviex lil Filippu, lil Indri u lit-tfajjel, iżda ried li huma jagħmlu l-parti tagħhom ukoll. X’qed nagħmlu aħna biex innaqqsu l-faqar, biex inġibu l-paċi bejnietna u fil-familji tagħna, biex inħarsu s-saħħa tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna?

Wara li kiel kulħadd u nġabru t-tnax-il qoffa bil-fdalijiet, in-nies riedu li jagħmluh Sultan tagħhom. Huma għarfuh bħala dak li kienu qed jistennew imma ma fehmux ir-raġuni għala Ġesù ġie fid-dinja. Huma riedu Sultan li jeħodha kontra r-Rumani; iżda Ġesù, ried isaltan f’qalbhom. Min hu Ġesù għalija? Huwa s-Sultan ta’ ħajti?

Għalfejn jinġabru tnax-il qoffa ta’ loqom? Tnax huwa n-numru ta’ appostli. Bil-ftit li rċieva, il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, ikel ta’ fqir, Ġesù jagħmel l-impossibli u mhux biss jitma’ lil kulħadd, imma wkoll jibqa’ tant fdalijiet! Meta l-appostli aċċettaw li jagħmlu dak li ried hu, meta aċċettaw li jwasslu t-tagħlim tiegħu lid-dinja kollha, huma taw lilhom infushom bid-dgħufijiet kollha tagħhom u Ġesù tahom dak kollu li kellhom bżonn. Kif setgħu tnax-il raġel iwasslu l-messaġġ tiegħu lid-dinja kollha? Kif setgħu dawn l-irġiel beżżiegħa jissograw ħajjithom biex jagħmlu dak li ried hu? Aħna llum xhieda ta’ dan is-suċċess. Aħna llum frott tat-tagħlim li beda Ġesù u tkompla minn dawn it-tnax-il raġel. U illum Ġesù qiegħed jistedinna biex naqbdu waħda minn dawn il-qfief bil-loqom u nwassluha lill-oħrajn. Minkejja d-dgħufijiet u nċertezzi tagħna, Ġesù fdalna familja biex inrabbuha skont xewqtu, li nkunu xhieda għall-oħrajn tal-imħabba u ħniena tiegħu.

Ġesù mhux ser iħallina waħedna. “Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh” u kellu ħniena minnhom. Hekk ukoll, għadu jkollu ħniena minna. 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6, 1-15)

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!” Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’inhuma l-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet li inti tista’ toffri lil Ġesù? X’ser tagħmel? Tagħtihomlu jew iżżomm lura? Itlob biex ikollok aktar fidi u Ġesù jurik kif tista’ tħobb kif iħobb hu u tingħata għall-oħrajn, kif jingħata hu.
  4. Għin lit-tfal biex ikunu ġenereżi mal-oħrajn u jaqsmu minn dak li għandhom. Bħala ġenitur, kun inti ta’ eżempju u tkellem magħhom dwar kif tgħin lill-oħrajn u kif jistgħu jgħinu huma wkoll, anke b’affarijiet żgħar.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (6, 1-15)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips;
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum ser nisimgħu dwar miraklu ieħor ta’ Ġesù. Immaġinaw ħafna, ħafna nies. (nota lill-ġenituri: uruhom l-istampa ta’ ħafna nies. It-tfal għad ma għandhomx kunċett ta’ ammonti, għalhekk l-istampa tgħinhom jifhmu l-ammont kbir ta’ nies li kien hemm) Illum Ġesù jagħti jieklu lil dawn in-nies kollha. Ejjew nisimgħu x’ġara.

  • Bħat-tifel fil-qari tal-lum, aħna għandna naqsmu dak li għandna mal-oħrajn
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kuluri
  • Stampa li turi ħafna nies, fl-Evanġelju jissemmew 5,000 raġel, dan minbarra n-nisa u tfal

Għadna kif smajna dwar meta Ġesù ra ħafna nies resqin lejh biex ikun jista’ jgħallimhom. Lil wieħed mill-appostli, li kien jismu Filippu, jistaqsih minn fejn setgħu jixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha.

X’qallu Filippu? (li kieku kellhom jixtru ikel għal kulħadd, kien ikollhom bżonn ħafna flus)

Indri, x’qal lil Ġesù? (li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar)

Taħsbu li dawn kienu biżżejjed biex jieklu dawk in-nies kollha?

X’għamel Ġesù? Qalilhom imorru jfittxu aktar ikel għax dawk kienu ftit wisq?

Minflok ma bagħat lil kulħadd id-dar biex jiekol, Ġesù ħa l-ħobżiet u l-ħutiet, qal talba u staqsa lill-appostli biex iqassmuhom lin-nies.

Tiftakru x’ġara? (il-ħobż u ħut ma spiċċawx! Kien hemm biżżejjed għal kulħadd)

Permezz ta’ dan il-miraklu kbir, Ġesù ta jieklu lil dawn in-nies kollha u wara li kulħadd kiel kemm ried, ġabru dak li kien għad baqa’ ġo tnax-il qoffa!

Illum nitgħallmu li għandna naqsmu dak li għandna, anke meta tkun diffiċli. Dak it-tifel seta’ ma tkellimx li kellu l-ħobż u l-ħut, u kielhom kollha hu. Imma minflok hu tahom lil Ġesù. U aħna wkoll għandna nagħmlu bħal dak it-tifel. 

X’nistgħu naqsmu mal-oħrajn? (nota lill-ġenituri, għinu lit-tfal jindunaw li huma jistgħu jaqsmu mhux biss affarijiet materjali, bħal-ċikkulata u logħob, imma wkoll ħin. Meta pereżempju jieqfu mil-logħob u jgħinu fid-dar, ikunu qed jaqsmu mill-ħin tagħhom)

Tfal, intom dejjem issibu x’tieklu, imma hawn tfal fid-dinja u anke xi tfal Malta stess li ma tantx għandhom x’jieklu. Taħsbu li intom tistgħu tgħinnuhom? Kif? (nota lill-ġenituri: jekk it-tfal għandhom xi flus tagħhom, forsi xi rigali li qalgħu jew pocket money, ħajruhom biex jagħtu minn dawn il-flus għall-fqar. Ftakru li ta’ din l-età t-tfal għad ma għandhomx għarfien dwar il-valur ta’ flus, għalhekk biex jitgħallmu jaqsmu dak li għandhom ma dawk li huma fil-bżonn, mhux sempliċiment ħajruhom jagħtu minn dawn il-flus, imma jekk kienu ser jixtri xi ħaġa għalihom, jiċċaħħdu minnha biex minflok jagħtu l-flus għall-karità).

Tiftakru x’għamlu bl-ikel li fadal? (Ġabruh) Dan jgħallimna wkoll li ma għandniex naħlu. Ma npoġġux fil-platt aktar milli nafu li ser nieklu, meta jkollna toys li għadhom tajbin, imma ma għandnix nilgħabu bihom, nistgħu nagħtuhom lil ħaddieħor, il-ġenituri jistgħu wkoll jagħtu l-ħwejjeġ tagħna li għadhom tajbin u li ma jiġuniex, lil tfal fil-bżonn.

Tfal, intom tafu li meta taqilgħu xi ħaġa għandkom tgħidu grazzi. L-ikel li nieklu jagħtihulna Alla, bl-għajnuna tal-bdiewa, ħaddiema oħra u wkoll il-ġenituri li bi mħabba kbira jsajru l-ikel. Fl-attività tal-llum ser tpinġu u tiddekoraw it-talba ta’ qabel u wara l-ikel. Dawn it-talb huma l-mod li ngħidu grazzi lil Alla u lil dawk li għamluha possibli li jkollna x’nieklu. Meta tkunu lesti mit-tpinġija, il-ġenituri tagħkom ser jagħmluhom dahar ma’ dahar, u jagħmluhom laminated, biex tkun tista’ tintmesaħ. Din ser tkun il-placemat tagħkom. Qabel ma tieklu poġġuha f’postkom, u għidu t-talba ta’ qabel l-ikel. Il-platt tal-ikel poġġuh fuqha. Wara li tieklu, aqilbuha u għidu t-talba ta’ wara l-ikel. Jekk tridu tistgħu tagħmlu placemat għal kull membru tal-familja u anke għall-ħbieb!

Waqt li qegħdin tpenġu l-placemat, isimgħu, Shout Hooray .

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, grazzi ta’ dak kollu li tatina. Grazzi tal-ikel li nieklu kuljum. Nitolbuk Ġesù biex dawk it-tfal li ma għandhomx x’jieklu, jsibu lil min jgħinhom u jagħtihom il-flus biex ikunu jistgħu jixtru l-ikel. Għinni Ġesù biex jien naqsam dak li għandi mal-oħrajn. Ammen.

Introduzzjoni

Immaġingaw li qegħdin l-iskola, sar il-ħin tal-break, u t-teacher qaltilkom toħorġu l-lunch biex tiekluh. Inti tfittex fil-basket biex toħorġu u kif tpoġġih fuq il-mejda tinduna li ħadd aktar ma kien ġab ikel miegħu! X’ser tagħmel? 

Anke jekk toffri li taqsam dak li għandek, ma jistax jiekol kulħadd! Imma darba, ġara xi ħaġa simili, u Ġesù għamel miraklu u kielu ħafna nies, kif ser nisimgħu fl-evanġelju tal-lum.

  • Alla jipprovdilna dak li għandna bżonn, u hu ġeneruż ħafna
  • Ġesù jipprovdilna l-ikel, illum ukoll, permezz tal-Ewkaristija
  • Platt tal-kartun
  • Printout tal-attività fuq kartonċina
  • Mqass
  • Kuluri
  • Lapes 
  • Gloj
  • Dekorazzjonijiet 

Il-miraklu li smajna llum huwa l-uniku miraklu li nsibu fl-erba’ Evanġelji. Dan juri li huwa miraklu importanti u li għandna ħafna x’nitgħallmu minnu. L-aktar ħaġa li jrid jurina Ġesù llum hi li aħna għandna nafdawh għax hu jista’ jieħu ħsiebna f’dak li għandna bżonn. Meta Ġesù ra lil dawn in-nies, ħerqana biex jisimgħuh, imma fl-istess ħin il-bogħod mid-dar u bil-ġuħ, ġietu ħniena minnhom u ried jagħtihom jieklu. Kieku ried, Ġesù seta’ jagħmel il-miraklu mingħajr għajnuna ta’ ħadd. Iżda Ġesù ried mhux biss juri s-seta’ u l-kobor ta’ Alla permezz ta’ dan il-miraklu, iżda wkoll ried juri li aħna għandna rwol importanti fil-pjan ta’ Alla. Dak it-tfajjel ma kellux xi ikla ta’ sinjur, imma ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar. Dan kien l-ikel tal-fqar. Iżda dan it-tfajjel kien ġenereż biżżejjed li wasal li joffrih, għalkemm żgur dak il-ħin ma setgħax jara kif dak il-ftit ikel kien ser jgħin. L-anqas Indri ma mmaġina x’kien ser jagħmel Ġesù. Dan il-miraklu jurina li meta aħna noffru xi ħaġa lil Alla, żgħira kemm hi żgħira, hu jista’ jagħmel biha affarijiet tal-għaġeb. 

Tiftakru kemm kien hemm ikel? (kien hemm biżżejjed li kiel kulħadd u wara ġabru tnax-il qoffa)

Dan jurina l-ġenerożità kbira ta’ Alla. 

L-Evanġelju ma jgħidilnix x’għamlu bl-ikel li kien hemm f’dawn il-qfief. Intom x’taħsbu li għamlu?

Żgur li dawn il-fdalijiet ma nħlewx. Aħna nafu, li ma għandniex naħlu. Mhux biss għandna naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, bħalma għamel dak it-tfajjel, imma wkoll ma nżommux għalina dak li hu żejjed. Dan nistgħu nagħmluh per eżempju, b’logħob li m’għadniex nilgħabu bih, ħwejjeġ tajbin li m’għadhomx jiġuna. Naraw kif nistgħu nagħtuhom lil min jista’ jużahom.

Dan il-miraklu jfakkarna f’xi ħaġa oħra wkoll. Il-quddiesa, kif tafu hija maqsuma f’erba’ taqsimiet. Fl-offertorju aħna noffru l-ħobż u l-inbid. Alla jaċċetta dawn l-offerti tagħna u jbiddilhom f’xi ħaġa tant akbar. Il-ħobż u inbid, jinbidlu fil-ġisem u demm ta’ Ġesù. Fl-offertorju aħna noffru lilna nfusna wkoll u nemmnu li l-Ewkaristija tista’ tagħmel affarijiet kbar fina.

Għall-attività tal-lum ser taħsbu dwar dak li intom tistgħu toffru lil Alla. Tistgħu toffru affarijiet materjali, bħal flus, tistgħu wkoll toffru t-talenti tagħkom. Jekk per eżempju tħossukom tajbin biex tgħidu l-istejjer, tistgħu tgħidu dawn lil ħutkom iż-żgħar waqt li l-ġenituri qegħdin jagħmlu affarijiet oħra, jekk tafu tpenġu, tistgħu tagħmlu kartolini u tibgħatuhom lil xi qraba li jgħixu waħedhom u tferrħuhom ftit, jekk tafu tkantaw, staqsu tistgħux tingħaqdu mal-kor tal-parroċċa, mod ieħor li taqdu, huwa li tkunu abbatini (staqsu fil-parroċċa tagħkom, hawn parroċċi fejn anke bniet jistgħu jservu ta’ abbatini). 

Aqbdu l-platt tal-kartun u aqsmuh min-nofs. Waħħlu t-truf biex jiġi bħal baskett fejn tistgħu tpoġġu l-ħobżiet u ħutiet. Il-baskett tistgħu tiddekorawh kif tixtiequ. Aqtgħu l-ħobż u l-ħut, u fuqhom, iktbu dawk l-affarijiet li intom tistgħu taqsmu mal-oħrajn. Poġġuhom fil-baskett, imma tinsewhomx hemmhekk! Araw li fil-ġranet li ġejjin, tagħmlu dak li tkunu ktibtu fuqhom. 

Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, One basket.

Inroddu s-salib

Grazzi Mulej tal-ġenerożità tiegħek. Inti tipprovdilna dak li għandna bżonn, u aktar ukoll. Għallimna kif aħna wkoll inkunu ġenerużi bħalek. Grazzi Ġesù li inti tiġi għandna fl-Ewkaristija. Għinna biex inħalluk tibdilna u nsiru nixbħuk dejjem aktar. Ammen. 

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, Ġesù mar lejn il-baħar...

Correct! Wrong!

2. It-tfajjel li Indri ippreżenta lil Ġesù, kemm kellu ħobż ħut?

Correct! Wrong!

3. X'għamel Ġesù qabel ma qassam il-ħobżiet u l-ħut lin-nies li kienu bilqiegħda?

Correct! Wrong!

4. X'qalu n-nies meta ndunaw li Ġesù kien ipprovda l-ikel għal kulħadd?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.