Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu lil Ġesù jitkellem mad-dixxipli tiegħu; hu qiegħed fit-triq lejn Ġerusalem, fejn jaf x’qiegħed jistennih. Is-salib qiegħed quddiemu u jaf li l-għedewwa tiegħu ma kienux ser juru l-ebda ħniena. Għalkemm wera tant imħabba u ħniena u ġab il-paċi, miegħu ma kienux ser jimxu bi ħniena.
Bħala segwaċi ta’ Ġesù aħna wkoll irridu nkunu mħejjija għal żminijiet diffiċli. Mhux faċli li nimxu warajh u jitlob minna sagrifiċi ta’ kuljum li jeffetwaw il-ħajja tagħna u wkoll tal-familja tagħna. Il-konflitt li għadda minnu Ġesù, hu tagħna wkoll. Fis-silta li nisimgħu llum, Ġesù juża l-immaġini tan-nar u l-magħmudija, biex jispjega dak li kien qiegħed jistennih Ġerusalemm. Jgħid li hu ġie biex iqabbad nar fuq l-art. Fit-3 kapitlu tal-Evanġelju ta’ Luqa, Ġwanni l-Battista, jgħid li hu jgħammed bl-ilma, iżda li xi ħadd akbar minnu, kien għad irid jiġi u jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar. In-nar li jitkellem fuqu Ġesù llum, huwa d-dwejjaq u t-taqlib li kellu jġib miegħu l-Ġudizzju. Huwa wkoll in-nar tal-Ispirtu s-Santu li jinżel fuq id-dixxipli nhar Pentekoste. Huwa nar li jagħtihom il-qawwa biex joħorġu u jwasslu l-Aħbar it-Tajba lid-dinja kollha, li Ġesù qam mill-mewt. Il-konflitt u d-dwejjaq li Ġesù kellu jgħaddi minnhom, fi triqtu lejn is-salib kellhom jixduh id-dixxipli. Meta Ġesù twieled, l-anġli ħabbru l-paci lid-dinja kollha; fit-Tempju, Xmun jerfa’ lit-tarbija Ġesù, u jindirizza lil Alla, waqt li jgħid li issa, Alla seta’ jieħdu fis-sliem, għax hu kien ra lill-Mulej. Lill-Madonna, jgħidilha li binha għad “iġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna u jkun sinjal li jmeruh.” Il-paċi huwa l-għan aħħari tas-Saltna ta’ Alla, iżda l-paċi tiġi bi prezz. Ġesù jwissi li meta wieħed jilqa’ l-Kelma ta’ Alla u jgħixha, tinħoloq il-firda. Ikun hemm firda, anke fil-familji stess. Dawn ma humiex kliem faċli; meta nagħtu lilna nfusna lil Ġesù se jkollna sfidi fir-relazzjonijiet tagħna u saħansitra fil-ħajja tagħna. Għandna bżonn li niftakru li meta nieħdu d-deċiżjoni li nagħmlu dak li hu tajjeb, dan mhux ser ikun faċli jew mingħajr konflitt. Ġesù stess, ma evitax il-konflitt u lanqas ma ħa deċiżjonijiet faċli. Għalkemm mhux bil-fors se naffaċċjaw tbatija fiżika minħabba t-twemin tagħna, nistgħu nesperjenzaw tbatija emozzjonali u wkoll il-firda. Per eżempju, aċċettajt xogħol b’anqas paga, iżda li jagħtik aktar ħin mal-familja tiegħek. Forsi waqqgħuk għaċ-ċajt għax ma rajtx film partikolari, minħabba li dan imur kontra t-twemmin tiegħek. Li timxi wara Ġesù tfisser li jkollok mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, iżda jekk tibqa’ fidil għal dak li temmen, tirċievi l-wegħda ta’ sliem u l-ħajja ta’ dejjem.