Santa Marija

15 t’Awwissu

Illum, il-15 ta’ Awwissu hija l-festa ta’ Santa Marija. Din hija festa għażiża ħafna għall-Maltin. Santa Marija tiġi ccelebrata f’seba’ lokalitajiet, f’Malta, Ħal Għaxaq, il-Qrendi, il-Gudja, il-Mosta, Ħ’Attard, L-Imqabba u r-Rabat, Għawdex. Il-Ħadd ta’ wara tiġi ċċelebrata Santa Marija f’Ħad Dingli u fl-Imġarr, Malta, u fiż-Żebbuġ, Għawdex. Is-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex huwa ddedikat lil Sidtna Marija mtellgħa s-Sema.

Din il-festa hija wkoll imsejħa l-festa tal-Assunta għaliex Marija ġiet mogħtija l-privileġġ singulari li ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem.

Matul dawn il-ġranet tkellem mat-tfal dwar Ommna Marija.

Staqsihom: X’tafu fuq Marija, Omm Ġesù?

Ħallihom jidentifikaw ġrajjiet mill-ħajja tal-Madonna li nsibu fl-Evanġelji u fl-Atti ta’ l-Appostli:

  • It-Tħabbira tal-Anġlu
  • Iż-Żjara għand Eliżabetta
  • Marija ma’ Ġużeppi f’Betlem
  • Marija u t-Twelid ta’ Ġesù
  • Il-Preżentazzjoni fit-Tempju
  • Ġesù jintilef f’Ġerusalemm
  • Marija fit-Tieġ ta’ Kana
  • Marija fit-Tbatija ta’ Ġesù
  • Marija fuq il-Kalvarju
  • Marija u Ġesù Rxuxtat
  • Marija f’Pentekoste

X’nammiraw f’Marija?

Isma’ l-ideat tat-tfal.  Għinhom jifhmu, forsi għall-ewwel darba, li kollox beda meta Marija, tfajla ftit akbar minnhom, emmnet fil-kliem tal-Anġlu Gabrijel u qalet “IVA” għal dak li Alla ried minnha.

Il-festa tal-Assunta hija l-premju t’Alla għal din l-Omm li EMMNET u b’imħabba kbira u umiltà, baqgħet tgħix il-kliem li qalet lil Anġlu: “Ikun minni skond kelmtek.”

Ħalli lit-tfal isemmu storja mill-ħajja ta’ Marija li diġà semmejt. Jekk it-tfal huma żgħar ħafna, sellmu lil Marija bit-talba tal-Ave Marija.  Jekk huma akbar fl-età, lejliet il-Festa tal-Assunta, għidu r-Raba’ Posta mir-Rużarju tal-Glorja:  meta Sidtna Marija ġiet imtellgħa s-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem.

Illum niċċelebraw it-tlugħ ta’ Marija fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Marija tfakkarna u tgħallimna li għandna nixbhu lil Kristu f’dak kollu li nagħmlu. Din il-festa hija importanti ħafna għall-Maltin għax kien bħal-lum, il-15 ta’ Awwissu 1942, li f’Malta wasal vapur sħiħ mimli ikel li salva lin-nazzjon Malti mill-ġuħ waqt il-gwerra, li baqa’ magħruf bħala l-Konvoy ta’ Santa Marija.  Il-Maltin kienu jitolbu ħafna lil Marija u din kienet grazzja speċjali għalina l-Maltin.

Illum sejrin fil-passat, fi żmien il-gwerra! Żmien li aħna żgur ma niftakrux imma n-nanniet jew il-bużnanniet tagħna jiftakru żgur!

Araw dawn iż-żewġ vidjows:  (https://www.youtube.com/watch?v=Ju2pnJGFyig u https://www.youtube.com/watch?v=gWT8m4I1if4) biex flimkien taraw u tiftakru din l-esperjenza. Staqsi lin-nanniet/bużnanniet jgħidulek x’jiftakru dwar din il-ġrajja u ħeġġiġhom jgħidulek aktar dwarha. Wara, flimkien bħala familja, għidu t-talba tas-Sliema biex tirringrazzjaw lil Marija u tgħinna nsiru aktar bħalha.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.