L-għaxqa tiegħi!

Il-Magħmudija tal-Mulej

Illum niċċelebraw l-aħħar Ħadd ta’ Żmien il-Milied u l-qari tal-lum jintroduċina għall-ġrajjiet li ser nisimgħu matul iż-Żmien ta’ Matul is-Sena jew Żmien Ordinarju. Illum ser naqraw dwar meta Ġesù ġie mgħammed. Din il-ġrajja tat bidu għal dik li nsejħula l-ħajja pubblika ta’ Ġesù, li dwarha nisimgħu aktar matul il-ġimgħat taż-Żmien Ordinarju. 

Ġesù ma kellux bżonn jitgħammed. Huwa ma kellu l-ebda dnub x’jinħafirlu. Bil-magħmudija tiegħu, Ġesù kien ta’ eżempju għalina. Meta aħna nitgħammdu jinħafrilna d-dnub, dak id-dnub li hu magħruf bħala d-dnub oriġinali, insiru wlied Alla u membri tal-Knisja.  Il-magħmudija hija l-bidu tal-ħajja tagħna bħala nsara, u matul din il-ħajja aħna għandna dejjem inżommu lil Ġesù bħala l-mudell li fuqu nfasslu l-għażliet tagħna. 

Tgħammed ifisser “tgħaddas”, “iddaħħal fl-ilma”. Dan huwa simbolu qawwi biex jgħinna nifhmu dak li jseħħ f’dan is-sagrament. L-ilma qiegħed inaddaffna mill-ħajja ta’ qabel u jibdina għall-ħajja ġdida, ħajja fi Kristu. Il-magħmudija ssejħilna biex ngħixu ta’ vera nsara u hekk kif Ġesù rċieva l-qawwa u l-għajnuna mill-Ispirtu s-Santu, aħna wkoll nirċievu dak li għandna bżonn biex nimxu wara Ġesù. Li tkun nisrani, ma jfissirx li mhux ser tiltaqa’ ma’ tbatijiet u diffikultajiet. L-Ispirtu s-Santu jgħinna, jagħtina l-kuraġġ niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet bi twemmin u fidi li Alla qiegħed magħna.

Il-magħmudija tagħmilna parti mill-‘Ġisem ta’ Kristu.’ Bħal kull sagrament, il-magħmudija tpoġġi fuqna ċerta responsabbiltajiet; aħna rridu ngħixu dan is-sagrament. Aħna għandna d-dmir li nkomplu fil-missjoni li beda Ġesù. Permezz tagħna Ġesù jrid li jasal għand oħrajn, permezz tagħna jrid li jwassal l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu.

F’din il-ġrajja naraw lil Ġesù jitgħammed bħan-nies l-oħra u narawh jitlob. Waqt li qiegħed jitlob jinżel fuqu l-Ispirtu s-Santu, u jkun rivelat, bħala Iben Alla. Ġesù hawnhekk, kif ukoll f’partijiet oħra fl-Evanġelji, jurina l-importanza tat-talb. Lil Ġesù spiss insibuh imur għalih waħdu biex jitlob. U aħna, kemm nagħmlu ħin matul il-ġurnata, biex ngħadduh fit-talb?

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 3, 15-16.21-22) 

F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum il-Knisja tagħtina l-opportunità biex nirriflettu dwar il-magħmudija tagħna.  Din ma kinitx ġrajja li seħħet numru ta’ snin ilu u daqshekk. Hija proċess fejn aħna nikbru bħala parti mill-Ġisem ta’ Kristu. Kemm tħossok parti minn dan il-Ġisem ta’ Kristu? 
  4. Riflessjoni li hi attribwita lil Santa Tereża ta’ Avila, tgħid hekk: “Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek, m’għandux idejn u riġlejn fuq din l-art ħlief tiegħek, tiegħek huma l-għajnejn li bihom Ġesù juri il-ħarsa ta’ ħniena tiegħu lejn id-dinja; tiegħek ir-riġlejn li bihom iterraq jagħmel il-ġid, tiegħek huma l-idejn li bihom Ġesù jbierek lid-dinja kollha, tiegħek l-idejn, ir-riġlejn u l-għajnejn; inti il-ġisem tiegħu, Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek.” Il-magħmudija ssejħilna biex insiru nixbħu aktar lil Ġesù. Uża din ir-riflessjoni biex teżamina ftit il-mod li qed tgħix.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Luqa (3, 15-16.21-22)
    ii.Xemgħa kbira bajda
    iii.Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Reċipjent fl-ilma mbierek
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Id-dar għandkom xi ritratt tal-magħmudija tagħkom? Intom tafu li anke Ġesù ġie mgħammed? Ejjew nisimgħu dwar din il-ġrajja, fl-Evanġelju tal-lum.

  • Meta nitgħammdu aħna nsiru parti mill-familja kbira ta’ Alla
  • Alla l-Missier lilna jħobbna bħalma jħobb lil Ġesù
  • Ritratt tal-magħmudija tiegħek
  • Printout tal-attività
  • Lapsijiet tal-kulur
  • Dekorazzjonijiet 
  • Gloj
  • Frame tar-ritratti (A4)

Intom ma tiftakrux meta tgħammidtu għax kontu għadhom żgħar ħafna, imma meta tgħammed Ġesù, kien diġà raġel kbir. Ġesù ma kellux għalfejn jitgħammed. Wieħed mir-rigali li nirċievu meta nitgħammdu huwa li jinħafrulna d-dnubiet. Issa Ġesù qatt ma għamel dnub, imma tgħammed biex ikun ta’ eżempju għalina, jiġifieri Ġesù uriena dak li għandna nagħmlu.

Meta Ġesù tgħammed instema leħen Alla l-Missier u qal li f’Ġesù hu jsib l-għaxqa tiegħu. X’ried ifisser b’dan il-kliem?

Dan ifisser li Alla l-Missier kien vera kburi b’Ġesù, hu kien ferħan bil-mod li kien jgħix u jġib ruħu Ġesù. Intom ġieli tagħmlu xi ħaġa u l-mama jew il-papa jgħidulkom kemm ħadu gost b’dak li għamiltu? 

(nota lill-ġenituri: semmu lit-tfal okkażżjonijiet meta huma tawkom gost bl-imġieba tagħhom)

U tafu li Alla jieħu gost ħafna meta intom tagħmlu dak li hu tajjeb? Meta intom iġġibu ruħkom bħal Ġesù? Alla lilkom iħobbkom ħafna u jgħidilkom: “Inti ibni/binti l-għażiż/a; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

U biex tibqgħu tiftakru kemm Alla jħobbkom, ser iżżejnu r-ritratt tal-magħmudija tagħkom u tpoġġuh fejn tarawh ta’ spiss. Għandkom il-printout, hemm post fuq in-naħa ta’ fuq fejn tiktbu isimkom, imbagħad duru l-kliem bit-tikek, biex jiġu jidhru sew. Waħħlu r-ritratt tal-magħmudija tagħkom u żejnu u għatu l-kulur l-bqija tal-paġna. Meta tkunu lesti poġġuh ġol-frame. Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, I am a child of God.

Tfal, intom mal-fridge jew x’imkien ieħor għandkom kalendarju fejn għandkom immarkati il-birthdays tal-membri kollha tal-familja? X’aktarx fuq dan il-kalendarju, minbarra birthdays hemm immarkati ġranet importanti oħra. Il-ġranet tal-magħmudija tagħkom immarkati? Dawn ukoll huma ġranet speċjali ħafna u li għandna niċċelebrawhom! Meta tgħammidna, aħna sirna parti mill-familja ta’ Alla. Għalhekk huwa jum speċjali ħafna! Mela flimkien mal-ġenituri tagħkom, immarkaw il-ġranet tal-magħmudija ta’ kull membru tal-familja, fuq dan il-kalendarju. F’din il-ġurnata mbagħad għamlu ċelebrazzjoni flimkien, ixgħelu x-xemgħa tal-magħmudija, jew xi xemgħa oħra, bl-ilma mbierek għamlu sinjal tas-salib fuq moħħkom u itolbu għal dik il-persuna li qed tiċċelebraw l-anniversarju tal-magħmudija tagħha. Araw ir-ritratti u/jew DVD tal-magħmudija flimkien. Tkun ħaġa sabiħa li għal din iċ-ċelebrazzjoni jkunu preżenti l-parrini wkoll.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, grazzi tar-rigal tal-Magħmudija. Għinna biex ngħixu bħala tfal tiegħek u nħobbu lill-oħrajn, kif iħobb Ġesù. Ammen.

Nota lill-ġenituri, biex tispjegaw lit-tfal dwar id-dnub oriġinali u l-magħmudija, tistgħu taraw dawn: 
X’inhu d-Dnub Oriġinali?
X’inhi l-Magħmudija?

Introduzzjoni

Illum huwa l-aħħar Ħadd taż-Żmien tal-Milied u fl-Evanġelju ser nisimgħu dwar il-Magħmudija ta’ Ġesù.

  • Aħna ma aħniex biss parti mill-familja tagħna, iżda permezz tal-Magħmudija, sirna wkoll membri tal-familja ta’ Alla
  • Printout tal-attività
  • Lapes 
  • Kuluri 

Ġesù huwa Alla. Ġesù qatt ma għamel xejn ħażin, qatt ma għamel dnub u għalhekk ma kellux għalfejn jitgħammed. Meta Ġesù tgħammed, huwa tana eżempju ta’ dak li għandna nagħmlu aħna. 

Meta nitgħammdu jinħafrilna d-dnub oriġinali, insiru wlied Alla u membri tal-Knisja. Aħna nsiru aħwa ta’ xulxin, u bħala membri tal-istess familja, għandna nieħdu ħsieb xulxin ukoll. Ġesù tgħammed qabel ma beda l-ħajja pubblika tiegħu, u għalhekk il-Magħmudija hija l-ewwel sagrament li niċċelebraw u permezz tiegħu nibdew il-mixja tagħna ta’ ħajja nisranija. Huwa l-Ispirtu s-Santu li ser jgħinna ngħixu kif jixtieq Alla. Ġesù uriena kif għandna ngħixu. Anke Ġesù kien immexxi mill-Ispirtu s-Santu. Min hu l-Ispirtu s-Santu? Biex tkun taf aktar dwar l-Ispirtu s-Santu ara dan il-filmat.

Fl-attività tal-lum ser tifforma kliem oħra mill-kelma MAGĦMUDIJA. Dawn il-kliem iridu jirriflettu l-effett tal-Magħmudija. Per eżempju Imħabba: permezz tal-Magħmudija, aħna msejħa nħobbu lill-oħrajn. Aħwa: permezz tal-Magħmudija aħna nsiru aħwa ta’ Ġesù u tal-oħrajn. Meta tlesti tista’ tagħti l-kulur l-istampa li hemm fil-parti ta’ fuq u tisma’ Children of God.

Intom mal-fridge jew x’imkien ieħor, għandkom kalendarju fejn għandkom immarkati il-birthdays tal-membri kollha tal-familja? X’aktarx fuq dan il-kalendarju, minbarra birthdays hemm immarkat ġranet importanti oħra. Il-ġranet tal-magħmudija tagħkom immarkati? Dawn ukoll huma ġranet speċjali ħafna u li għandna niċċelebrawhom! Meta tgħammidna, aħna sirna parti mill-familja ta’ Alla. Għalhekk huwa jum speċjali ħafna! Mela flimkien mal-ġenituri tagħkom, immarkaw il-ġranet tal-magħmudija ta’ kull membru tal-familja, fuq dan il-kalendarju. F’din il-ġurnata mbagħad għamlu ċelebrazzjoni flimkien, ixgħelu x-xemgħa tal-magħmudija, jew xi xemgħa oħra, bl-ilma mbierek għamlu sinjal tas-salib fuq moħħkom u itolbu għal dik il-persuna li qed tiċċelebraw l-anniversarju tal-magħmudija tagħha u ġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija. Araw ir-ritratti u/jew DVD tal-magħmudija flimkien. Tkun ħaġa sabiħa li għal din iċ-ċelebrazzjoni jkunu preżenti l-parrini wkoll.

Inroddu s-salib.

Illum ġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija:

Tiċħad lix-xitan?  –  Iva niċħad.

Tiċħad l-egħmil kollu tiegħu? – Iva niċħad.

Tiċħad it-tlellix fieragħ kollu tiegħu? – Iva niċħad.

Temmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox li ħalaq is-sema u l-art? – Iva nemmen.

Temmen f’Ġesù Kristu, Sidna, l-Iben waħdieni tiegħu, li twieled minn Marija Verġni, u bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier? – Iva nemmen.

Temmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-Xirka tal-Qaddisin, il-maħfra tad-dnubiet, il-qawma tal-Imwiet, u fil-ħajja ta’ dejjem? – Iva nemmen.

U Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li nissilna mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu u tana wkoll il-maħfra ta’ dnubietna, iħarisna bil-grazzja tiegħu f’Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.