Dawk in-nies li kienu fqar wisq biex ikollhom żiemel kienu jużaw il-ħmar biex jivvjaġġaw. Probabbilment San Ġużepp u l-Madonna marru minn Nazaret (fejn kienu joqogħdu) sa Betlehem (minn fejn kienu) fuq ħmara. Aktar tard fil-ħajja ta’ Ġesù, ftit qabel il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt, Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq ħmara u b’hekk uriena kemm hu tassew għandu qalbu tajba u umli (Luqa 19:35).
Il-baqra wkoll hi annimal importanti ħafna fil-Bibbja; kellha sehem kbir fl-ekonomija u kienet użata ħafna fix-xogħol tal-għelieqi. Ħafna drabi l-baqar kienu jintużaw biex iġorru l-affarijiet tnejn tnejn. Tiftakar meta Ġesù qalilna biex nerfgħu l-madmad tiegħu għax hu ta’ qalb tajba u umli? (Mattew 11:28) Ġesù juża l-eżempju ta’ kif iġorru l-affarijiet il-baqar biex jgħidilna li hu mhux se jħallina weħidna fid-diffikultajiet tagħna, u f’dak kollu li jtaqqalna!
Alla jgħid: “Il-gendus [ir-raġel tal-baqra] jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx” (Isaija 1:3). Ma jiddispjeċiniex li kemm il-baqra u kemm il-ħmar għarfu lil Ġesù u apprezzawh, u aħna nibqgħu ma nagħrfuhx u ma napprezzawx?
Mhux daqshekk komuni li naraw ħafna nies li xogħolhom hu li jieħdu ħsieb in-nagħaġ, imma dan kważi dejjem kien il-każ fil-postijiet li naqraw dwarhom fil-Bibbja.
In-nagħġa hi mistħija u ġentili li għandha bżonn min jipproteġiha, u mingħajr il-ħarsien tar-ragħaj ħafna drabi toħroġ ’il barra minn triqtha u tista’ tintilef u/jew tiġi attakkata minn annimali oħra. Ir-Re David, li hu stess kien ragħaj, kiteb: “Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa” (Salm 119:176). Meta ma nġibx ruħi sewwa, meta ma nirrispettax lill-oħrajn u meta ma nagħtix kas tal-bżonnijiet tagħhom, jien ukoll inkun qisna nagħġa mitlufa li ħarġet mit-triq tar-ragħaj tagħha.
Imma Ġesù mhuwiex biss il-Ragħaj it-Tajjeb: meta l-Iben Alla sar bniedem, ir-Ragħaj it-Tajjeb stess sar ħaruf (nagħġa żgħira). Dan il-Ħaruf t’Alla mhuwiex biss eżempju tajjeb biex in-nagħaġ l-oħra – aħna stess! – nagħmlu bħalu, imma hu wkoll dak li se jsalva lid-dinja kollha mid-dnub. Kif nitolbu waqt il-Quddiesa: “Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina; Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, agħtina l-paċi.”