Dan il-Ħadd ukoll qegħdin inkomlu nisimgħu l-Evanġelju skont San Ġwann, id-diskors li jagħmel Ġesù fejn iqabbel lilu nnifsu mal-ħobż. Illum Ġesù jmexxina pass ieħor u jdaħħalna aktar fil-fond ta’ dan il-misteru. Illum Ġesù jerġa’ jħeġġiġna biex nemmnu dak li qiegħed jgħid. Hu jaf li ma nistgħux nifhmu dak li qiegħed jerġa jtenni llum, “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Ġesù jrid li naċċettaw li hu jista’ jsalvana u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.
Ġesù jaf, li aħna bħal-Lhud nistaqsu u jiġuna d-dubji. Meta ngħaddu minn diffikultajiet, problemi u inġustizzji, il-fidi tagħna tkun ippruvata. Meta f’dawn is-sitwazzjonijiet tonqsilna t-tama, jiġuna l-istess mistoqsijiet li għamlu l-Lhud … Ġesù min hu? Dawn huma l-mumenti li rridu nitolbu aktar, nitolbu għall-fidi biex nemmnu aktar, biex nemmnu li għad ikollna l-ħajja ta’ dejjem. Irridu nimxu ’l hinn minn dak li naraw. Il-Lhud kienu mwaħħla wisq ma’ dak li kienu jafu fuq Ġesù, għalhekk ma setgħux jaraw min kien verament.
Illum Ġesu jixtieq li naċċettaw li t-tagħlim tiegħu, huwa verità. Dan it-tagħlim iwassalna biex nagħrfu wkoll lill-Missier. Dan it-tagħlim isalvana.
F’dan il-qari, Ġesù juri b’mod ċar li l-ħobż li qiegħed jirreferi għalih, huwa l-Ewkaristija, “il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi.” Dan ifakkarna fl-għotja tiegħu nnifsu fuq is-salib. Ġesù ta ħajtu għalina biex aħna ksibna l-ħajja ta’ dejjem.
L-Ewkaristija tbiddilna biex insiru nixbhu aktar lil Ġesù. It-tagħlim tiegħu jsir parti mill-ħajja tagħna, ibiddel l-istil ta’ kif ngħixu, l-attitudni li għandna lejn l-oħrajn. L-Ewkaristija tagħtina l-qawwa u l-kuraġġ biex naraw lil Ġesù fl-oħrajn, f’dawk li jixtiequ jirċievu l-imħabba mingħandna, jew jixtiequ l-għajnuna tagħna, jew qed jistennew il-maħfra mingħandna. Ġesù huwa f’kull wieħed u waħda minna.