Il-Kelma ta’ dejjem!

33 Ħadd ta' Matul is-Sena

Dalwaqt tispiċċa s-sena liturġika. Il-Ħadd li ġej hija l-festa ta’ Kristu Sultan, dan ikun l-aħħar Ħadd tas-sena. Il-ġimgħa ta’ wara nibdew l-Avvent. L-Evanġelju tal-lum jistedinna biex nieħdu bis-serjetà t-tagħlim ta’ Ġesù dwar l-aħħar żminijiet, u ndawwru qlubna u ħarsitna lejn il-ħajja li għad trid tiġi. Kif ser inkunu nafu li resqin lejn it-tmiem? Ma nafux la l-ġurnata u lanqas s-siegħa. Iżda nafu, li fi żmien li jafu Alla biss, meta d-dawl jiddi u jirbaħ fuq id-dlam, meta l-ġustizzja u l-imħabba jirrenjaw fuq kollox, iż-żmien kif nafuh jispiċċa u t-tieni miġja tal-Mulej tkun waslet.

Il-kliem ta’ Ġesù jirrifletti xbieha preżenti fit-Testment il-Qadim speċjalment dawk fil-ktieb ta’ Danjel, li qrajna minnu fl-ewwel qari. Huma xbihat apokalittiċi li jxandru li l-agħar żminijiet għad iwasslu għall-aħjar żminijiet. Apokalittiku tfisser revelazzjoni jew ‘kxif’. Flimkien mad-dixxipli tiegħu, Ġesù qiegħed fil-Ġnien taż-Żebbuġ, u Ġesù jwassal l-aħħar messaġġ dwar il-passjoni tiegħu. Jiddeskrivi s-sinjali li wieħed kellu jfittex li jindikaw il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Ġesù ma jgħidx dan il-kliem biex ibeżżagħna iżda biex iħejjina għall-bidliet li rridu ngħaddu minnhom f’ħajjitna u fl-aħħar taż-żminijiet.

Il-qari juża lingwaġġ simboliku biex ifisser li ħadd ma jaf meta hu ż-żmien tas-salvazzjoni, u jagħti stampa ta’ żmien ta’ tensjoni u diżordni. Ma rridux ninterpretawh litteralment. Jeħtieġ li  niffukaw fuq il-messaġġ ta’ Ġesù. Meta Ġesù juża l-eżempju tas-siġra tat-tin bħala sinjal li wasal is-sajf (għax ikollha l-weraq), ifakkarna biex nosservaw l-ambjent naturali ta’ madwarna, u hekk nagħrfu s-sinjali u naraw, “lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.” Xbihat apokalittiċi jistgħu ibeżżgħuna, iżda l-messaġġ ta’ Ġesù hu wieħed ta’ tama. Ġesù jistedinna nemmnu li Alla jkompli jaħdem għan-nom tal-umanità kollha, anke jekk dan, aħna ma nagħrfuħx. Hu jgħid lid-dixxipli li meta xejn ma jibqa’ jagħmel sens, meta l-gwerer u d-diżastri qishom jagħtu rebħa lill-ħażen u l-kaos, jiskopru lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab. It-tagħlim ta’ Ġesù jisfidana biex nafdaw lil Alla b’dak li jiġri fil-futur. It-twemmin fit-Tieni Miġja (Parousia) jirrikjedi l-fidi. Meta ser tiġi, Mulej? Forsi din mhux mistoqsija li nagħmlu, iżda bħala nsara, għanda nikkunsidraw x’inhuma l-ħsibijiet tagħna dwar l-aħħar taż-żmien. It-tweġiba ta’ Ġesù, hija l-istess bħalma ta lid-dixxipli elfejn sena ilu. Fittxu s-sinjali tal-miġja tiegħu fil-kaos tal-ħajja. Afdaw fil-wegħda tiegħu ta’ salvazzjoni. Kunu ċerti, li għad jiġi, meta ikun wasal iż-żmien!

Santu Wistin jgħid, “iż-żmien huwa tliet uċuh tal-preżent: il-preżent kif nesperjenzawh aħna, il-passat bħala memorja tal-preżent u l-futur bħala aspettativa.” Meta nieħdu ħsieb u nużaw sew iż-żmien li għandna, nitgħallmu npoġġu ħajjitna għas-servizz ta’ Alla, infittxu li ngħixu fil-preżenza tiegħu, b’għarfien dejjem jikber li l-Mulej ser jerġa’ jiġi u jdaħħalna fis-Saltna ta’ dejjem.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 13: 24-32)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ħafna affarijiet f’ħajjitna, jinbidlu u ma jkollnix kontroll fuqhom. Meta jkollna xi inċident jew inkunu morda, nistgħu nsibu sigurtà f’relazzjonijiet u valuri li nafu li huma sodi u ma jinbidlux. Jekk nafdaw fl-imħabba dejjiema ta’ Alla u tal-familja, nistgħu naslu li naċċettaw il-bidla.
  4. Matul din il-ġimgħa, oqgħod ara xi ritratti tal-familja, flimkien ma’ membri tal-familja. Tkellmu dwar bidliet li saru, fl-istess ħin l-imħabba ta’ bejnietkom baqgħet b’saħħitha. L-istess nistgħu ngħidu għall-imħabba ta’ Alla għalina. Meta  tagħmel dan, tkun qed tagħti tama u fiduċja, lit-tfal, li inti ser tibqa’ tħobhom. “Timxix fiż-żmien mingħajr ma tħalli evidenza denja tal-passaġġ tiegħek.” (Papa Ġwanni XXIII)
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (13, 24-32)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Ġesù wiegħdna li għad jerġa’ jiġi, iżda ma qalilniex meta. Qalilna biss biex inkunu lesti.

  • Ġesù se jerġa’ jiġu u aħna rridu nkunu lesti
  • Platt tal-karti / blalen tat-tajjar
  • Lapsijiet tal-kulur / gloj
  • Imqass / żigarella jew spaga
  • Stickers 

Intom tafu għalfejn nużaw il-kalendarju? Jurina l-ġranet, il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin. Jgħinna niftakru f’dak li rridu nagħmlu. Ukoll ifakkarna fi ġranet importanti, bħal għeluq sninna, li kull sena tiġi fl-istess ġurnata. Il-Milied hija ġurnata importanti wkoll, għalkemm mhux dejjem tkun fl-istess ġurnata tal-ġimgħa, dejjem niċċelebrawha fil-25 ta’ Diċembru.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li kienet se tasal ġurnata importanti. Qalilhom li għad tasal ġurnata meta n-nies jarawh ġej, fil-glorja u bil-qawwa, fuq sħaba. Qalilhom, li dakinhar, hu jibgħat l-anġli biex jiġbru lin-nies kollha u jeħduhom għandu fil-ġenna. Taħsbu li din hija ġurnata importanti? Tgħid meta se tasal? Ħadd ma jaf meta. Ġesù qal lil dawk li kienu miegħu li ħadd ma kien jaf il-ġurnata u l-ħin meta hu kellu jerġa jiġi. Alla l-Missier biss jaf. Għalhekk, aħna rridu nkunu ppreparati, għax Ġesù jista’ jiġi meta ma nkunux qegħdin nistennewh. Imma jekk ma nafux meta se jiġi Ġesù, kif se nippreparaw lilna nfusna? Nistgħu nagħmlu dan, billi nagħmlu dak kollu li jixtieq Ġesù, bħal inħobbu lil xulxin, nieħdu ħsieb min hu marid, ngħinu lill-ħbieb tagħna u lill-ġirien tagħna u lil dawk li huma fqar. Jekk aħna nagħmlu dan, ser inkunu lesti għal meta jiġi Ġesù. 

Illum, il-Knsija, tiċċelebra wkoll “il-Jum Dinji tal-Fqar.” F’din il-ġurnata, Papa Franġisku jistedinna, biex inkunu ħbieb u ngħinu lil dawk li huma fqar. Illum, b’mod speċjali, nitolbu għalihom.

Biex tiftakru li Ġesù wegħedna li hu għad jerġa jiġi, tistgħu tagħmlu platt tal-karti u żżejnuh bis-sħab. Penġu linja min-naħa għall-oħra fin-nofs tal-platt. Fuq in-naħa ta’ fuq waħħlu t-tajjar, biex jiġi bħal sħab. Fuq in-naħa ta’ taħt iktbu, il-vers mill-Evanġelju: “Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.” Iddekoraw it-tarf tal-platt u għamlu toqba fin-naħa ta’ fuq. Permezz taż-żigarella jew l-ispaga, tistgħu ddendlu dan il-platt.

Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, “Jesus is Alive”.

Inroddu s-salib.

Nitolbu għall-Knisja kollha madwar id-dinja, biex tagħti leħen lill-fqar. Nitolbu għall-mexxejja tad-dinja, biex jaħdmu għall-ġid ta’ kulħadd. Nitolbu għall-komunità tagħna, biex nuru l-imħabba tagħna, meta nirrispettaw lil xulxin u naqsmu dak li għandna ma’ dawk fil-bżonn, u nieħdu ħsieb l-ambjent. Mulej ikollok ħniena minna, Mulej isma’ t-talba tagħna. 

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħallimna dwar is-sinjali tal-miġja tal-Iben ta’ Alla. Aħna ma nafux meta se jiġru dawn l-affarijiet li qiegħed jitkellem dwarhom Ġesù. M’għandniex għalfejn nibżgħu, iżda rridu nkunu lesti li niltaqgħu miegħu.

  • Ħafna affarijiet jinbidlu fid-dinja, iżda l-kliem ta’ Ġesù u l-imħabba tiegħu jibqgħu hemm għal dejjem
  • Kartonċina
  • Id-disinn tas-salib
  • Lapes u kuluri
  • Imqass / gloj

Biex inbassru t-temp, x’nużaw? Naraw it-temperatura, minn fejn qiegħed jonfoħ ir-riħ u b’liema forza, is-sħab (forsi tistgħu taħsbu f’xi sinjali oħra wkoll). Kieku xi ħadd kellu jistaqsik tbassar it-temp ta’ għada, taħseb li t-tbassir tiegħek ikun korrett? Għalfejn? Jista’ jkun tkun korrett, għax tkun smajt it-tbassir tat-temp fuq ir-radju jew televiżjoni, jew tista’ ma tkunx korrett għax ma tafx taqra s-sinjali tat-temp. Nistgħu nippruvaw naqtgħu kif ser ikun it-temp għada, iżda dan ma jkunx tbassir (it-tbassir huwa meta t-tweġiba tiegħek tkun ibbażata fuq sinjali jew ħjiel li jkunu diġà seħħew).

Mingħajr l-għajnuna ta’ meteorologu mħarreġ (persuna li jistudja s-sinjali tat-temp), x’aktarx it-tbassir tat-temp tagħna ma jkunx tajjeb.

Bl-istess mod li s-sinjali jgħinu lill-meteorologu jbassar it-temp, Ġesù jgħidilna li għad ikun hemm sinjali li juru li waslet l-aħħar tad-dinja. “Ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema,” meta jiġru dawn l-affarijiet naraw lil “Bin il-bniedem ġej fis-sħab.” Dan huwa dak li ser jiġri meta Ġesù jerġa’ jiġi, fl-aħħar taż-żmien. Taħsbu li nistgħu ngħidu meta dan se jiġri? Ġesù jgħidilna li Alla biss jaf meta. Ġesù ma jridx ibeżżagħna b’dawn is-sinjali, u m’għandniex għalfejn nibżgħu li d-dinja xi darba għad tispiċċa. Ħafna affarijiet fil-ħajja tagħna jinbidlu, iżda Ġesù jgħidilna li l-kliem tiegħu u l-imħabba ta’ Alla, ma jinbidlu qatt. 

Bħala għajnuna, biex inħejju ruħna għat-tieni miġja ta’ Ġesù, nistgħu naqtgħu s-salib li għandna fl-attività tal-lum u nwaħħluh fuq kartonċina.

Fin-nofs, iktbu “INKUNU LESTI GĦAL ĠESÙ.” Fuq l-erba’ naħat tas-salib, iktbu mod, kif tistgħu tippreparaw għall-miġja ta’ Ġesù: Inħobbu lil xulxin, naqraw il-Bibbja, imorru għall-quddies u nitolbu kuljum. Isimgħu s-song, J.E.S.U.S. 

Inroddu s-salib.

Grazzi Mulej, tal-imħabba nfinita tiegħek, li inti wrejtna permezz ta’ Ibnek Ġesù. Għinna biex nikbru fl-imħabba u fil-fidi, waqt li naqraw mill-Kelma Mqaddsa tiegħek u naħsbu kif inti turina t-triq tal-ħajja. Ammen.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.