Il-milja tal-liġi

Is-Sitt Ħadd ta' Matul is-Sena A

L-Evanġelju tal-lum, ikompli ma’ tal-Ħadd li għadda u ma’ ta’ qablu, meta bdejna nisimgħu dak li hu msejjaħ, id-Diskors fuq il-Muntanja. 

Il-Lhud kienu jafu sew x’kien hemm miktub fil-Liġi u fil-Profeti (l-Ikrittura). Ġesù jassigurahom li hu ma ridtx imur kontra dak li kien hemm miktub. Dak li kien miktub kien verità, imma ma kienx kollox. Ġesù ried jimxi pass aktar. Ġesù ried iwassal dawn il-kittbiet “għall-milja tagħhom.” Ġesù jrid li d-dinja li ngħixu fiha tkun aktar umana, post fejn l-imħabba, il-paċi u ħbiberija jirrenjaw. Ġesù jrid jurina x’għandna nagħmlu biex nobdu r-rieda ta’ Alla b’mod sħiħ. 

Għalhekk Ġesù jgħid mhux biżżejjed li wieħed ma joqtolx, irridu nagħmlu aktar minn hekk. Meta aħna ninsultaw u ngħajjru lill-oħrajn, meta aħna naqilgħu qlajjiet fuq dawk ta’ madwarna, meta rridu ta’ bil-fors nivvendikaw ruħna għad-deni li għamlulna, meta bi kliemna nitfgħu suspett fuq l-oħrajn, inkunu qed immorru kontra l-kmandament ‘la toqtolx’, xorta waħda. Ngħixu f’dinja fejn it-toleranza hija nieqsa ħafna, jekk taqra l-kummenti fuq is-social media, dan joħroġ ċar kristall.  Għalkemm fiżikament ma nkunux qtilna lill-persuna, inkunu qtilna l-moral, u l-ispirtu tagħha. U f’qalbna dan il-kliem jibda jibni l-mibgħeda, qalbna tibbies u ma nkunux nistgħu ngħixu ta’ aħwa bejnietna. Il-kmandament ‘la toqtolx’ jinkludi dak kollu li jmur kontra d-dinjità tal-persuna. 

Mal-adulterju, Ġesù jinkludi l-ħsibijiet li wieħed ikollu biex jagħmel adulterju. Għalfejn jagħmel dan? Aħna ngħidu li dnub huwa meta wieħed iwettaq l-azzjoni. Imma bħal kull dnub ieħor, il-ħsieb li tagħmel il-ħażin, l-ewwel jibda jinbed fil-qalb u fil-moħħ, id-dnub jitwettaq wara li jkun inħema fil-moħħ.

Lealtà lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna tibda fil-qalb, fid-dispożizzjoni interjuri tagħna. Illum Ġesù qed jistaqsina biex dak li nafu li jrid Alla minna, aħna insarfuh f’azzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, kif insibu fl-Evanġelju ta’ San Mattew stess (25, 31-46), aħna ser inkunu ġġudikati fuq l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 5, 17-37) 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor, jagħmel adulterju.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kull ġurnata ġġib magħha numru ta’ għażliet li rridu nagħmlu. Anke t-tfal ikollhom jagħmlu għażliet ta’ kuljum. Bħala ġenitur kif qed tgħin lil uliedek biex jagħmlu għażliet tajba?
  4. Aħseb ftit dwar il-kliem li tuża, dwar l-imġieba tiegħek mal-oħrajn, anke mal-familja tiegħek. Dak li tgħid u dak li tagħmel, qiegħed jaqbel ma dak li qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. Jekk le, kif ser timxi mil-lum il-quddiem? Qed tagħmel l-almu tiegħek biex tgħix skont is-sejħa li qiegħed jagħmillek Ġesù?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minnan Mattew (MT 5, 17-37)
    ii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iii. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Darba Ġesù kien qiegħed jgħallem lill-ħbieb tiegħu u lil ħafna nies li kienu marru jisimgħuh dwar ir-regoli li Alla tana biex ngħixu ħajja tajba. Ejjew nisimgħu x’qal.

  • Alla tana r-regoli biex ngħixu bl-aħjar mod li nistgħu
  • Printout tal-qlub
  • Kuluri
  • Imqass
  • Glitter u dekorazzjonijiet oħra
  • Contact paper trasparenti
  • Dry wipe marker iswed
  • Biċċa drapp ħażina

Nota lill-ġenituri: qabel ma tibdew, aqtgħu forma ta’ qalb (preferibbilment fuq kartonċina ħamra), iksu naħa minnhom bil-contact paper u aqtgħu iż-żejjed.

Illum Ġesù qalilna, li jekk waqt li intellgħu l-offerti, niftakru li ma aħniex ħbieb ma’ xi ħadd, l-ewwel immorru nagħmlu ħbieb, imbagħad immorru nagħtu l-offerta. Intom tafu, li waqt il-quddiesa aħna nagħtu offerta ta’ flus. Ġesù mhux qiegħed jgħidilna biex noħorġu mill-knisja, immorru nagħmlu paċi ma’ dak li ma aħniex ħbieb miegħu u nerġgħu mmorru lura l-knisja. Qiegħed jgħidilna li meta aħna mmorru l-Knisja, id-dar ta’ Alla, Alla aktar jimpurtah ta’ kif inhi qalbna, milli l-ammont ta’ flus li se noffru. Alla jrid li meta mmorru fid-dar tiegħu, aħna nkunu ħbieb ma’ xulxin.

Araw x’jiġri meta aħna ma nkunux ħbieb jew nagħmlu għażla ħażina. Din il-qalb tagħkom, araw kemm hi nadifa u sabiħa (uruwhom il-qalb li għattejtu bil-contact paper). Meta tirrabja ma’ xi ħadd, qalbek ma tibqax sabiħa (immarkaw il-qalb bil-marker). Qalbna lanqas ma tibqa nadifa u sabiħa meta ma nobdux, meta ma nilgħabux fair, meta ngħidu gidba, meta nissupervjaw (kull darba immarkaw il-qalb fil-marker). Qed taraw, aktar ma nagħmlu għażliet ħżiena, qalbna aktar tiġi sewda u kerha. 

X’nistgħu nagħmlu? Ġesù qalilna mmorru nitolbu skuża.  Dalwaqt xi wħud minnkom ser ikollkom l-Ewwel Qrara. Il-qrar huwa rigal li tana Ġesù, biex ngħidu sorry. Araw x’jiġri meta jiddispjaċikom tal-għażlit ħżiena li għamiltu u tmorru tqerru (imsħu l-qalb mill-marker). Intom tfal, li għad baqgħalkom biex tmorru tqerru, tibżgħu xejn, qalbkom mhux ser tibda sewda u kerha. Intom ukoll tistgħu tmorru quddiem Ġesù u tgħidulu ‘sorry’ u jekk għamiltu xi ħaġa ħażina lil xi ħadd, tgħidu ‘skużani, jiddispjaċini’ lil dik il-persuna wkoll, imbagħad meta tikbru, tibdew tmorru twerru intom ukoll. Intom ġieli qlajtu xi punishment għax għamiltu xi ħaġa ħażina? Ġesù jrid li aħna nagħmlu għażliet tajba, mhux biex ma naqilgħux punishment, imma biex nuru lill-oħrajn li nħobbuhom. Jekk jien niġġieled ma’ ħija, x’aktarx naqla’ xi kastig. Imma jekk ma niġġilidx ma’ ħija, mhux biss ma naqlax kastig, imma nkun qed nuri lil ħija li nħobbu!

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem u jsemmi ħafna affarijiet li ma għandniex nagħmlu. Intom tindunaw li meta tagħmlu għażla ħażina, ma tkunux ferħana. Ġesù ma jridx li nkunu mdejqa. Għalhekk tana dawn ir-regoli. Meta nobdu lil Ġesù u nagħmlu dak li jixtieq hu, aħna nkunu ferħana. Ġesù jaf li dan mhux dejjem faċli. Għalhekk kemm il-darba qalilna, ejjew għandi u jien nagħtikom l-għajnuna li jkollkom bżonn.

Fl-attività tal-lum, għandkom xi qlub. Aqtgħuhom u penġuhom. Meta matul din il-ġimgħa tagħmlu xi għażla ħażina, pereżempju ma tobdux, jew tgħidu xi gidba, aqbdu waħda minn dawn il-qlub u jekk ma obdejtux lill-papa, tuh il-qalb u għidulu li jiddispjaċikom.
Ġesù jrid li aħna nkunu paċi ma’ kulħadd, ejjew inkantaw song dwar il-paċi, Peace like a river.

Inroddu s-Salib

Għażiż Ġesù, jiddispjaċina meta nagħmlu għażlit ħżiena. Għallimna kif inkunu aktar bħalek. Għinna biex nobdu r-regoli li tana Alla, u hekk inkun ferħanin. Ammen.

L-Evanġelju tal-lum ser ikompli ma’ tal-Ħadd li għadda. Ser inkomplu nisimgħu lil Ġesù jgħallem dwar kif għandna ngħixu.

  • Alla tana r-regoli biex insiru persuni aħjar
  • Printout tal-attività 
  • Kuluri 
  • Lapes

X’inhuma xi regoli li għandkom id-dar?

X’inhuma xi regoli li għandkom l-iskola?

Kulħadd għandu bżonn ir-regoli, anke l-kbar. Immaġinaw il-mama jew il-papa jkunu qegħdin isuqu u fit-triq ikunu tneħħew is-sinjali kollha! Min jaf kemm ikun hemm inċidenti u ġenn fit-triq! Ħadd ma jkun jaf fejn ser jieqaf biex iħalli lill-ieħor jgħaddi, ma jkunx hemm direzzjonijiet, ma tkunx taf liema toroq huma one-way. 

Mhux faċli li dejjem nobdu r-regoli, u hemm drabi meta nagħmluha tal-bravi u nobdu eżatt dak li jgħidulna u nieqfu hemm. Jekk pereżempju l-mama qaltlek biex tixxotta l-platti, inti tobdi, tixxotta l-platti, imma t-tazzi u l-frieket u skieken tħallihom hemm! Jekk il-papa jgħidlek biex tieqaf tara t-television, għax ilek ħin twil quddiemu, titfi t-television u tixgħel it-tablet! Jgħidulek li ma tistax toħroġ tilgħab fit-triq għax ma tiflaħx, u toħroġ tilgħab fuq il-bejt!

Ġesù jrid jgħallimna li r-regoli tajbin, imma ma nistgħux nagħmlu biss dak li nifhmu litteralment. Per eżempju għandna l-kmandament ‘la toqtolx’. Żgur intom ma tafu lil ħadd li qatel lil xi ħadd. Imma tafu nies li jgħidu fuq l-oħrajn, li jigdbu fuqhom, li jwaqqgħuhom għaċ-ċajt. Kif taħsbu li jħossuhom dawn in-nies? Forsi din ġrat lilhom ukoll. Kif ħassejtuhom meta għajjrukom jew qalu xi gidba fuqkom? Vera ma jkunux qatlukom, imma ddejjaqtu ħafna, u forsi anke emmintu dak li qalu fuqkom, u ħassejtu li intom m’intomx tajbin daqs sħabkom. Għalhekk il-kmandament ‘la toqtolx’ jinkludi wkoll dawn l-affarijiet u kliem li aħna nagħmlu jew ngħidu u bihom inweġġgħu lill-oħrajn.

Waqt il-quddiesa aħna nagħtu l-offerta tagħna ta’ flus. Ġesù qalilna li aktar importanti dak li hemm f’qalbna milli kemm poġġejna flus fil-qoffa. Nistgħu nagħtu ħafna flus, imma jekk f’qalbna hemm il-mibgħeda, hemm l-egoiżmu, hemm l-għira, Alla mhux ser jieħu gost bl-offerta ta’ flus tagħna. Ġesù jgħidilna, jekk tkunu ser tagħtu l-offerta l-knisja u tiftakru li m’intomx ħbieb ma’ xi ħadd, l-ewwel morru għamlu paċi, imbagħad tellgħu l-offerta tagħkom. Dan qalu biex juri kemm hu importanti għalih li nkunu ħbieb ma’ kulħadd.

Alla tana r-regoli li għandna nimxu fuqhom, dawn insejħulhom il-kmandamenti. Ftit tal-ġimgħat ilu, smajna lil Ġesù jitkellem dwar regoli oħra, dawn insejħulhom il-beatitudnijiet. Meta aħna nagħżlu li nobdu dawn ir-regoli, insiru persuni aħjar, għax inħobbu aktar lill-oħrajn, u nħobbu wkoll lilna nfusna. Mhux dejjem faċli li nagħmlu għażliet tajba; f’dawn il-mumenti għandna nitolbu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Fis-salm illum għidna, “Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.” Fl-attività tal-lum, għandkom stampa b’dawn il-kliem, fuqha għandkom ukoll passaġġ bil-ġebel. Fuq il-ġebel (dawk li huma kbar biżżejjed) iktbu x’tistgħu tagħmlu intom biex tobdu l-liġi ta’ Alla. Tistgħu jekk tridu, tagħtuha l-kulur.Il-ġimgħa l-oħra, l-Evanġelju spiċċa u qalilna li rridu nkunu dawl tad-dinja. Illum Ġesù spjegalna kif nistgħu nkunu dawl għall-oħrajn: nobdu r-regoli tiegħu, biex l-oħrajn li jarawna ngħixu tajjeb, jagħmlu bħalna wkoll. Għalhekk, ejjew inkantaw, This little light of mine.

Inroddu s-salib

Għidu t-talba ta’ San Franġisk

Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek:
Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.

Mgħallem divin, la tħallix:
Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien,
Li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien,
Li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.

Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu,
Meta naħfru, aħna niġu maħfura;
Meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.