San Mattija

14 ta' Mejju

Mattija seta’ kien wieħed mit-tnejn u sebgħin dixxiplu li mxew wara Ġesù fil-Ministeru Tiegħu, u li kienu mibgħuta qablu tnejn tnejn f’kull belt u post fejn kien ser imur hu. Kif insibu fl-Evanġelju skont San Luqa, kapitlu 10, versi 1 sa 23, Ġesù għażel tnax-il Appostlu, iżda Ġuda l-Iskarjota ma baqax wieħed minnhom.  Għalhekk, wara li Ġesù tela’ s-sema, l-Appostli, taħt it-tmexxija ta’ San Pietru, raw li kellhom jagħżlu lil xi ħadd minflok Ġuda l-Iskarjota sabiex jibqgħu tnax-il Appostlu kif kien għażel Ġesù.  Xi studjużi jgħidu li n-numru tnax kien numru importanti ħafna għall-Poplu Magħżul għaliex kellu rabta kbira mat-trax-il tribù ta’ Iżrael.

Qabel l-għażla tat-tnax-il appostlu, San Pietru kellem lil madwar mija u għoxrin persuna li kienu miġbura fil-‘kamra ta’ fuq’ għat-talb u r-riflessjoni. Din l-għażla ġiet marbuta ma’ sett ta’ kriterji. Il-persuna magħżula kellha tkun wieħed mid-dixxipli li mexa ma’ Ġesù tul il-Ministeru tiegħu, sa mill-magħmudija tiegħu minn Ġwanni fil-Ġordan, tkun xhud tad-dehriet ta’ Ġesù wara l-qawmien tiegħu mill-mewt, u xhud tat-tlugħ tiegħu fis-sema.

Kien hemm żewġ dixxipli li kkwalifikaw: Mattija u Ġużeppi Barsaba. Dawk kollha preżenti ddeċidew li ma jivvutawx, imma li jitfgħu x-xorti wara li talbu lil Alla biex l-għażla tkun skont ir-rieda tiegħu.  L-ismijiet tat-tnejn ġew miktuba fuq żewġ ġebliet separati, u tqiegħdu f’kontenitur. Dawn ġew imħawda sakemm waħda mill-ġebliet bl-isem ta’ Mattija ħarġet mill-kontenitur. Hekk Mattija ġie aċċettat bħala wieħed mit-Tnax, u aktar tard, f’Pentekoste, huwa rċieva l-Ispirtu s-Santu flimkien mal-bqija tal-Appostli.

Mattija beda jipprietka lil Kristu Rxoxt, mhux biss f’Ġerusalemm u fil-Ġudea, imma wkoll fil-Kappadoċja (illum it-Turkija).  Huwa ġie ppersegwitat minn dawk li ma ridux jaċċettaw lil Ġesù Kristu, sakemm fl-aħħar sofra l-martirju (madwar is-sena 64 W.K.) ġewwa Colchis, fil-Muntanji Caucasus. Hemm għajdut differenti dwar il-martirju tiegħu: huwa ġie msallab jew qatgħulu rasu. Mattija baqa’ appostlu fidil ta’ Ġesù Kristu sal-aħħar.

L-istorja ta’ San Mattija, li tinsab fl-ewwel kapitlu tal-Atti tal-Appostli, tista’ tkun opportunità biex it-tfal isiru midħla ta’ dan il-ktieb miktub minn San Luqa, li kiteb ukoll l-Evanġelju li jġib ismu.  Ħudu f’idejkom il-Bibbja u ħallu t-tfal jaraw li dan il-ktieb jiġi wara l-erba’ Evanġelji.

Għinhom jiskopru li waqt li l-Evanġelji jgħidulna dwar il-ħajja ta’ Ġesù, l-Atti tal-Appostli jkompli billi jgħidilna x’sar wara li Ġesù tela’ s-sema, l-istorja tal-Knisja tal-bidu, it-tixrid tal-Evanġelju, mhux biss lil-Lhud, imma wkoll lill-Pagani.

Agħmel poster għat-tfal:

Iktbu ĠESÙ KRISTU fiċ-ċentru u madwaru iktbu l-ismijiet ta’ tnax-il appostlu; inkludu wkoll lil San Mattija u lil San Pawl, Appostlu tal-Ġnus.  Żejnu b’simboli reliġjużi.

San Mattija ġie aċċettat bħala wieħed mill-Appostli, avolja ma kienx wieħed magħżul mat-tnax fil-bidu.  Ħu din l-opportunità biex titkellmu dwar l-inklużjoni ta’ tfal oħra fil-grupp tal-ħbieb tagħhom u dwar il-benefiċċju li jinkludu tfal oħra fil-gruppi tagħhom.

Ħin tat-talb mal-Familja

Ibdew billi titolbu jew tkantaw il-Missierna. Spjega li din it-talba tagħmilna ugwali, hekk kif insejħu lil Alla  ‘Missierna’.  Din tagħmilna Familja waħda, il-Familja ta’ Alla.

Agħmlu ftit tal-ħin fis-silenzju u għin lit-tfal biex jaħsbu f’tifel jew tifla li dejjem ikunu weħedhom jew imwarrbin.  X’jistgħu jagħmlu biex jgħinuhom?  Itolbu lil Ġesù biex jurihom kif jistgħu jgħinuhom. Ħeġġeġ lit-tfal biex jgħidu kif ser jgħinuhom.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.