Il-qawmien u l-ħajja

Il-Ħames Ħadd tar-Randan Matul is-Sena A

F’dan il-Ħadd, aħna mistiedna nirriflettu dwar tliet aspetti importanti ħafna: il-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt. Il-qari meħud minn San Ġwann u jirrankonta l-ġrajja meta Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt. 

Forsi narawh stramb il-fatt li Ġesù ma jmurx għand Lazzru u ħutu, hekk kif sama’ li dan sieħbu kien marid. Minflok Ġesù jmur wara jumejn, u Lazzru kien laħaq miet. Meta jara lil oħtu Marta, jgħidilha, “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” 

Għalfejn Ġesù ma marx mal-ewwel għand Lazzru? Ġesù ried li Alla jkun iglorifikat. Ried juri s-setgħa ta’ Alla fuq il-mewt, ried juri hu min hu. 

Ħadd ma jieħu gost jaħseb fil-mewt. Il-mewt ta’ qraba u ħbieb iġġib magħha dwejjaq u tbatija. Iżda din il-ġrajja trid twasslilna ħafna tama. Il-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt, isseħħ ftit qabel ma Ġesù jgħaddi mill-passjoni u mewt fuq is-salib. Bħalma nafu u nemmnu, Ġesù jqum mill-mewt. Għalhekk it-tama tagħna hi li minkejja li f’din id-dinja ser ngħaddu minn żminijiet li jkunu diffiċli u wkoll ta’ tbatija, dejjem hemm it-tama ta’ ħajja ġdida. 

Ġesù ma jgħidx li hu biss il-qawmien, iżda wkoll li hu l-ħajja. Il-qari tal-lum huwa minn kapitlu 11, fil-kapitlu ta’ qabel, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jgħid,  “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.” (Ġw 10,10) Ġesù jrid li aħna ngawdu mhux biss il-ħajja ta’ dejjem fil-ġenna, iżda wkoll il-ħajja fuq din l-art. U l-ferħ f’din il-ħajja niksbuh meta aħna nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla. Marija u Marta ma setgħux jifhmu għalfejn Ġesù dam ma mar. Dan lilna jgħallimna dwar l-perseveranza tat-talb; qatt ma għandna nieqfu nitolbu, Alla dejjem jismagħna, iżda mhux dejjem naqilgħu dak li nitolbu għalih. Kieku Ġesù mar mal-ewwel, forsi Lazzru kien ikun għadu ħaj u jfejqu. Iżda hekk Ġesù għamel xi ħaġa ħafna akbar, qajmu mill-mewt. Dan jurina l-qawwa ta’ Alla, li tirbaħ il-mewt, li tista’ tirbaħ l-akbar tbatija u sfida li aħna niltaqgħu magħha f’din id-dinja. Il-qawwa ta’ Alla, fl-aħħar nett, tagħtina t-tama li wara din il-ħajja, aħna għad ingawdu ħajja dejjiema miegħu.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 11, 1-45) 

F’dak iż-żmien, kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!”  U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Il-mewt iġġib magħha d-dwejjaq u tbatija ta’ firda minn mal-maħbubin tagħna. Minbarra l-mewt ta’ maħbubin, fil-ħajja tagħna niltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar u ta’ sfida. F’dawn il-mumenti, il-fidi tiegħek, tagħtik il-qawwa u l-kuraġġ meħtieġ biex tiffaċċja dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli?
  4. Lazzru kien infaxxat minn fuq s’isfel. Ma kienx fil-libertà li jiċċaqlaq u jagħmel dak li jixtieq. Hemm xi ħaġa lil lilek qed iżżommok priġunier u mhux fil-libertà li tgħix kif tixtieq? Itlob biex bl-istess mod li Ġesù ħeles lil Lazzru, jeħles lilek ukoll. Jekk għandek bżonn, mur qerr biex tikseb il-libertà li Ġesù biss jista’ joffri.
  5. Inti temmen li wara din il-ħajja aħna ser inqumu għall-ħajja oħra? Dan lilek kif jeffettwalek il-mod kif tgħix?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (11, 1-45)
    ii. Salib
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum ser nisimgħu dwar wieħed mill-mirakli li għamel Ġesù. Ġesù għamel dan il-miraklu biex jurina li hu għandu qawwa kbira u speċjali. Ejjew nisimgħu x’għamel.

  • Ġesù għandu qawwa kbira, qajjem lil Lazzru mill-mewt
  • Basla tal-fjuri jew żerriegħa tal-fjuri
  • Ħamrija jew kompost
  • Qasrija

Intom ġieli tibku?

Tibku għax forsi taqgħu u tweġġgħu, tibku għax jiġrielkom xi ħaġa li dejqitkom, tibku jekk il-mama jew il-papa ma jagħtukomx dak li tridu, jew għax jiġġieldu magħkom il-ħbieb. Aħna kollha nibku xi darba jew oħra, mhux intom it-tfal biss tibku, iżda anke aħna l-kbar.

Fl-Evanġelju tal-lum, smajna li anke Ġesù beka! Allura m’hemm xejn ħażin meta aħna nkunu mdejqa u nibku. Ġesù beka, għax il-ħbieb tiegħu, Marija u Marta kienu mdejqa, beka għax ċżżru, il-ħabib tiegħu kien miet. Hu mar flimkien ma’ Marija u Marta, fil-post fejn kien midfun Lazzru. 

Meta waslu hemm, x’ordna li jagħmlu? (li jneħħu l-blata minn quddiem il-qabar. Dak iż-żmien il-qabar kien ikun ħofra/għar ġol-blat, u din it-toqba kienet tingħalaq bi blata kbira u tqila)

X’għamel Ġesù wara li neħħew il-blata? (beda jitlob)

Imbagħad għax Ġesù għandu qawwa speċjali, b’leħen għoli ordna li Lazzru joħroġ mill-qabar. 

Kemm ferħu Marija u Marta! Issa bdew jibku bil-ferħ mhux bid-dwejjaq!

Meta kien wasal fid-dar ta’ Marija u Marta, Ġesù qal, “Jien il-qawmien u l-ħajja.” Dan ifisser li aħna xi darba ser imorru ħdejn Ġesù fil-ġenna u wkoll li Ġesù jrid li aħna ngħixu ħajja mimlija ferħ. Kif ġieli semmejna, aħna nkunu ferħana meta nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. 

Illum tgħallimna li hemm drabi meta aħna nkunu mdejqa, jista’ jkun li tant inkunu mdejqa li nibku wkoll. Imma ma nibqgħux imdejqa għal ħafna. Marta u Marija, kienu mdejqa, imma mbagħad Ġesù għamilhom ferħana. Lilna wkoll Ġesù jgħamilna ferħana. Aħna mhux dejjem nifhmu dak li jiġrilna imma dejjem għandna nafdaw f’Ġesù, għax hu jagħtina dejjem dak li hu tajjeb u sabiħ.

Sabiex niftakru f’dan, għandkom basla jew żerriegħa tal-fjuri. Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom, ser tiżirgħu/tħawlu dawn iż-żerriegħa jew basla. Meta tħarsu lejhom ma jidhrux sbieħ! Jidhru bla ħajja! Imma l-ġenituri tagħkom ser jgħinnukom u jgħallmukom kif ser tieħdu ħsieb din il-qasrija, fejn ser tpoġġuha u meta ssaqquha. Fi ftit ġimgħat iż-żerriegħa/basla ser tinbidel u tikber u jkollkom il-fjuri! Iż-żerriegħa/basla inbidlu u saru ħafna isbaħ milli kienu. Dan ifakkarna fil-ħajja tagħna. Meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, bħall-fjuri, aħna nkunu sbieħ ukoll.
Waqt li qegħdin tiżirgħu ż-żerriegħa/tħawlu l-basla, isimgħu l-ġrajja ta’ Lazzru, permezz tas-song, Lazarus, biex tfakkrukom li għandna dejjem nimxu wara Ġesù, u li hu dejjem jisma’ t-talb tagħna.

Inroddu s-salib

Grazzi Ġesù li inti ma tridx li aħna nkunu mdejjqin u li inti tgħinna biex inkunu ferħanin. Għinna biex dejjem niftakru nistaqsuk għall-għajnuna meta jkollna bżonn, u li nemmnu li inti dejjem tisma’ t-talb tagħna. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħmel miraklu, biex juri l-qawwa tiegħu u jgħallimna li wara din il-ħajja, aħna għad ngħixu għal dejjem miegħu, fil-ġenna. Jgħallimna wkoll li aħna rridu ngħixu din il-ħajja tagħna fid-dinja, mill-aħjar mod li nistgħu.

  • Ġesù għandu l-qawwa fuq il-mewt
  • Basla tal-fjuri jew żerriegħa tal-fjuri
  • Ħamrija jew kompost
  • Qasrija

Il-ġrajja tal-lum hija dwar it-tliet aħwa, Lazzru, Marija u Marta. Lazzru kien marid ħafna, u Marija u Marta emmnu li Ġesù seta’ jfejqu, għalhekk bagħtu messaġġ lil Ġesù biex imur id-dar tagħhom. Huma kienu jafu li Ġesù fejjaq ħafna nies, u emmnu li seta’ jfejjaq lil Lazzru wkoll. Iżda meta Ġesù jirċievi dan il-messaġġ, minflok ma jieqaf minn dak li kien qiegħed jagħmel u jmur Betanja, hu jistenna jumejn, qabel ma jibda dan il-vjaġġ. Dan id-dewmin fisser li Lazzru laħaq miet. Marta u oħta kienu mniktin ħafna, u lil Ġesù jgħidulu li kieku wasal qabel, ħuhom ma kienx imut. Iżda Ġesù jagħmel xi ħaġa kbira u li ma titwemminx. Lazzru li kien ilu mejjet erbat ijiem, Ġesù jqajjmu mill-mewt. 

Kien hemm ħafna nies għand Marija u Marta, u ħafna raw dan il-miraklu kbir. Ħafna minn dawn in-nies emmnu, li Ġesù kien il-Messija. Iżda kien hemm oħrajn li beżgħu li Ġesù seta’ jkun ta’ theddida għalihom u għall-awtorità tagħhom. 

Aħna mal-liema grupp qegħdin? Aħna nemmnu li Ġesù huwa bin Alla u li għandu l-qawwa fuq il-mewt? Jew ma nemmnux, u naraw lil Ġesù bħala xi ħadd li jrid jindaħal fil-mod li ngħixu. Li temmen ma jfissirx li tifhem eżatt dak li smajt, qrajt jew rajt. Li temmen tfisser li jkollna fidi f’Ġesù u fit-tagħlim tiegħu anke meta ma nistgħux nifhmu. 

Lil Marta, Ġesù jgħidilha, “Jien hu l-qawmien u l-ħajja.” Dan ifisser li wara din il-ħajja, ikollna ħajja li ma tispiċċa qatt, miegħu fil-ġenna. Iżda tfisser ukoll li f’din il-ħajja Ġesù jista’ jgħinna ninbidlu biex aħna jkollna l-ferħ f’qalbna. X’inhuma dawk l-affarijiet li meta jiġrulna jew meta nagħmluhom, idejquna? (niġġieldu mal-ġenituri, ħutna, ħbieb, nirrabjaw għal kull ħaġa ta’ xejn, nigdbu, ma naqsmux dak li għandna, naraw dak li nistgħu nakwistaw mingħand l-oħrajn aktar milli kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna)

Meta nkunu mdejjqin, jew meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, ma nkunux ferħanin; u kieku kellna npinġu lilna nfusna ma npinġux lilna nfusna sbieħ. Għall-attività tal-lum, għandkom basla jew żerriegħa tal-fjuri. Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom jew xi adult ieħor, ser tiżirgħu/tħawlu dawn iż-żerriegħa jew basla. Meta tħarsu lejhom ma jidhrux sbieħ! Jidhru bla ħajja! Imma l-ġenituri tagħkom ser jgħinnukom u jgħallmukom kif ser tieħdu ħsieb din il-qasrija, fejn ser tpoġġuha u meta għandkom issaqquha. Fi ftit ġimgħat iż-żerriegħa/basla ser tinbidel u tikber u jkollkom il-fjuri! Iż-żerriegħa/basla inbidlu u saru ħafna isbaħ milli kienu. Dan ifakkarna fil-ħajja tagħna. Meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, meta aħna nagħmlu dak li hu tajjeb, inkunu bħall-fjuri, inkunu sbieħ ukoll.

Wara li tlestu mill-qasrija, isimgħu Yet shall he live, biex tiftakru dak li qal Ġesù, “Jien hu l-qawmien u l-ħajja”

Inroddu s-salib

Fil-quddiesa tal-Ħadd, aħna nitolbu t-talba tal-Kredu, fejn nelenkaw dak li aħna nemmnu fih, fosthom il-qawmien mill-mewt u l-ħajja ta’ dejjem. 

Jiena nemmen f’Alla wieħed, Il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx. 

U f’Mulej wieħed Ġesu’ Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien. Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier; u bih sar kollox. Niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna.

U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont il-Kotba mqaddsa, u tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. U għandu jerġa’ jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. 

U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja; li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben; hu li tkellem b’fomm il-profeti. 

U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika. Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet. U nistenna l-qawma mill-imwiet, u l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.