Fl-Evanġelju tal-lum, San Mark qiegħed iwasslilna miraklu ta’ fejqan, biex juri l-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mard. Ġesù jfejjaq raġel trux u mbikkem. Din il-ġrajja sseħħ f’raħal tal-Ġentili (nies mhux Lhud. Id-Dekapoli huma 10 ibliet Griegi-Rumani). Fi ġrajja oħra ta’ San Mark (5, 9-10), Ġesù jagħmel miraklu ieħor meta jneħħi xitan u jibgħatu f’merħla ħnieżer. Dan juri li l-messaġġ ta’ Ġesù hu wieħed universali. Il-ħniena u mħabba ta’ Alla hi għal kulħadd, hekk kif naqraw ukoll fi ġrajja oħra, meta Ġesù jfejjaq lit-tifla ta’ mara Sirofeniċja (mara Ġentili).
Din il-ġrajja li ser nisimgħu llum, qegħda biss fl-Evanġelju ta’ San Mark. Ġesù jwarrab lir-raġel mill-bqija tan-nies, jagħmel il-miraklu u wara jwissieh biex ma jgħid lil ħadd! Dak li jagħmel Ġesù huwa ġest fiżiku għall-aħħar. Hu jdaħħal subgħajh f’widnejh, immisslu lsienu bir-riq tiegħu, u jitniehed waqt li jħares lejn is-sema. Ġesù, imbagħad ilissen il-kelma, “Effata!” (li tfisser “infetaħ”). Minkejja il-mod kif isir dan il-fejqan, ma hemm xejn maġiku. Dan hu miraklu li jixhed il-qawwa u ħniena ta’ Alla. Fl-ewwel qari tal-lum, mill-Profeta Iżaija (elf sena qabel) insibu li l-Messija kellu jagħmel propju dan il-miraklu, “jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.”
Din il-qawwa tal-fejqan ta’ Ġesù, hi marbuta direttament mal-mod li bih il-Knisja tiċċelebra s-sagramenti, fejn jintużaw mezzi materjali. Fis-sagrament tal-Magħmudija, l-ilma u ż-żejt juru l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Iż-żejt jintuża wkoll fis-sagramenti tad-dlik tal-morda u tal-griżma tal-Isqof. Fl-Ewkaristija, il-ħobż u l-inbid, jinbidlu fil-Ġisem u Demm ta’ Kristu. Aħna l-insara, aħna poplu sagramentali u nemmnu li l-grazzja ta’ Alla tingħatalna permezz ta’ dawn is-sinjali.
L-ironija ta’ din il-ġrajja, hija li għalkemm Ġesù jagħmel li dan ir-raġel jista’ jitkellem, iwwissih biex ma jgħid lil ħadd. Ġesù jrid li l-aħbar dwar is-setgħa li kellu ta’ fejqan, evidenza li hu kien il-Messija, ma tinxteridtx. Din it-tema nsibuha numru ta’ drabi, fl-Evanġelju ta’ San Mark. Nirreferu għaliha bħala ‘s-sigriet messjaniku’ u li dak li għamel Ġesù kellu jkun mifhum biss wara l-qawmien tiegħu.